MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà

1. Ħafna drabi nitkellmu fuq numru ta’ nuqqasijiet fis-soċjetà. Id-diskors fit-toroq u max-xtut, iktar u iktar issa li ġej is-sajf, żgur se jiżdied b’iktar ħin għal dibattiti simili. Elenki u prijoritajiet, ma hemmx dubju, li se jiġu stabbiliti. Anzi nammira kemm persuni jiffurmaw opinjoni fuq ħaġa u oħra u ssibhom b’ġenerożità jgħidu lilek u lil xulxin x’għandu jagħmel il-Gvern fuq ħaġa u fuq oħra. Dan huwa materjal ta’ ideat u suġġerimenti li dejjem tajjeb li wieħed jikkunsidra u jgħarbel, anke jekk mhux neċessarjament jaqbel miegħu. Nifhem ħafna ċerta mentalitajiet, però jibqa’ dejjem fatt inkontestat li din hija demokrazija ħajja.

2. Id-demokrazija hija strutturata kostituzzjonalment fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza u għalhekk hija indiretta. Però altru l-liġi u l-proċedura tagħha u altru s-sustanza. Il-vuċi tal-poplu ma tistax tinżamm lura, iżda trid tingħata dejjem iktar spażju jekk kemm-il darba rridu nassigurawha. Il-passaġġ taż-żmien qiegħed juri iktar minn qabel li hemm mezzi ferm ikbar u diretti, l-ewwel, fejn wieħed jesprimi opinjoni, u t-tieni, li r-rabta bejn min jirrappreżenta u jiġi rappreżentat qegħda dejjem issir iktar viċina.

3. Għalhekk illum, f’dawn iż-żminijiet tat-teknoloġija u bis-sofistikar kollu tagħna, ħloqna qafas organizzattiv li jersaq viċin ħafna lejn dak li ċiviltà fl-aħjar tagħha għandu jkollha. Imma hemm quddiemna f’dan il-mument żewġ konsiderazzjonijiet u cioè, l-ewwel, kif aħna nistgħu nibqgħu nassiguraw u niggarantixxu din il-linja ta’ ħidma u metodu ta’ deċiżjonijiet, u t-tieni, kif dak li jidher bħala sempliċi formaliżmu jiġi dejjem aġġornat u trasformat f’mezz effettiv ta’ direzzjonijiet. Fir-realtà dawn iż-żewġ punti huma interdipendenti għax is-sustanza u l-livell ta’ l-ideat fil-“vuċi tal-poplu” jassiguraw
it-tnejn.

4. Il-ħidma f’din id-demokrazija parteċipattiva u indiretta tal-membri parlamentari tikber, tissoda u tagħti iktar frott skond kemm hemm ideat tajbin minn ħdan il-pajjiż. Il-verità llum hija li d-dittatorjati jmorru lura għax ma hemmx din iċ-ċavetta importanti fl-iskambju liberu u kostanti ta’ ħsieb. In-nixfa li tmexxi id f’id u konsegwenzjali lid-dittaturi hija l-kaġun tal-waqgħa tagħhom. Aħna li nemmnu iktar fil-valur
tad-demokrazija li hija fundamentali għas-soċjetà, però nifhmu li jekk ma noqogħdux attenti anke s-sistema tagħna tista’ tinxef mill-ideat. Għalhekk id-demokrazija titlef kompletament mill-iskop tagħha u ssir sempliċi proċess mejjet.
5. Ninnota kull darba li ma hemmx biżżejjed viżjoni f’diversi fis-soċjetà. Ma nafx kemm qed nistaqsu lilna nfusna jekk kemm-il darba aħniex qegħdin immorru lejn sitwazzjoni li flok ninkoraġġixxu r-responsabbiltà, il-bżulija, is-sens ta’ sagrifiċċju, l-altruwiżmu u d-dixxiplina qed immorru direttament il-kontra. Aħna għandna min qiegħed jaħseb li l-libertà hi liberazzjoni mir-responsabbiltà lejn il-persuna li żżewwiġt, lejn l-ulied li ġġenerajt, lejn min ipprovdielek ix-xogħol, lejn l-organizzazzjoni sħiħa tas-soċjetà. M’aħniex niddiskutu l-problemi li jitqajmu fil-fond tagħhom, anzi hemm ċerta superfiċjalità. Mhux biss. Forsi sforz ta’ nuqqas ta’ bilanċ fil-forzi kulturali esterni bejn dik li tħares lejn il-viżjoni nisranija u dik li hi sekulari jew mingħajr paragun ta’ qabel, dik il-forza ta’ influwenza Amerikana, Ewropea, Orjentali jew li trid, hemm ukoll tnaqqis ta’ dibattitu serju.

6. Ma nafx kemm qegħdin inħarsu u nistimulaw dibattiti iktar dettaljati fil-fond, fejn hemm mhux skambju superfiċjali ta’ ideat iżda sustanza iktar qawwija. Il-verità jfittixha kull bniedem, hija parti minnu, jista’ jaħrabha, jista’ jattribwixxi ħaġa bħala verità meta mhix, però l-kilba hemm qegħda. F’din is-soċjetà, issa li nħoss li qed nikkalmaw wara t-tsunami ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, hemm bżonn li jinbeda dibattitu għall-ġid tagħha mill-pedament. Mhux iktar superfiċjalità. Ideat għall-pjaċir tad-diversità, iżda ta’ riċerka f’dak li konna u li mexxiena ’l quddiem. Is-soċjetà demokratika tagħna tiddependi għall-eżistenza effettiva tagħha, l-ewwel minn kemm jirnexxilha żżomm livell għoli, u t-tieni, kemm nassiguraw li jikber fiha l-għarfien ta’ kif tifred l-opinjoni li twassal għall-ġid minn dik li twassal għad-deni. Għandna ninvestu iktar fil-valuri fundamentali tas-soċjetà – dawk li jkabbruna u jiggarantulna użu tajjeb ta’ l-intelliġenza tagħna.

 

Intervista

Il-mużika tal-ħajja

Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora



Il Punt
Vot li jwaqqaf it-Trattat. U issa?
Joanna Drake



Emmanuel Micallef
Flimkien xejn mhu possibbli


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà



X'kien Jgħid
Qiegħ Għajn Dwieli



Wenzu Mintoff
Infern fl-art


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan