Emmanuel Micallef | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87
L-istrateġija li uża l-PN matul il-kampanja elettorali rnexxiet mija fil-mija. Iffukat fuq il-personalità tal-mexxej. Tefgħet fid-dell lill-Ministri u esponenti oħrajn ta’ l-istess partit u poġġiet fuq quddiemnett u fiċ-ċentru ta’ kull attività lil Lawrence Gonzi. Dak kien l-iskop wara s-slogan gonzipn. Kien maħsub preċiżament biex joħroġ is-sabiħ tal-PN fil-gvern u jaħbi jew inessi dak kollu li seta’ xebba’ u dejjaq
lill-elettorat. Jidher li l-PN fil-Gvern ma jistax jinfatam minn din l-istrateġija. Fi ftit xhur li ilu
fil-poter minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali,
il-gvern l-ewwel bħal donnu waqa’ fil-muta imbagħad beda jfajjar b’deċiżjonijiet li jnaffru liċ-ċittadin.
Kuldarba li l-gvern ħabbar deċiżjoni fuq quddiem baqa’ jidher il-Prim Ministru u sa llum il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari minkejja li bidlu l-uċuh baqa’ dejjem fid-dell tiegħu. Donnu Gonzi bħala Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jipproġetta ruħu bħala l-factotum tad-deċiżjonijiet kollha li jieħu l-Gvern matul din il-leġiżlatura.
Jista’ jkun li din ukoll hija strateġija maħsuba biex turi li minkejja li l-Gvern għandu biss siġġu iktar mill-Oppożizzjoni fil-Parlament, juri li dan ma jaffettwahx milli jibqa’ għaddej daqslikieku kellu xi maġġoranza ta’ tliet siġġijiet jew aktar. Jekk inhu hekk ma nafx kemm il-Gvern se jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu. Il-probabbiltà hi li l-karta li ntużat li dawret telfa f’rebħa għal PN waqt il-kampanja elettorali se tkun l-istess karta li se ddawwar rebħa f’telfa
għall-PN ma’ l-elettorat matul din il-leġiżlatura.
S’issa ittieħdu diversi deċiżjonijiet minn naħa tal-Gvern li ħabbarhom ħabta u sabta. Mingħajr ma kkonsulta ma’ ħadd. Jidher ċar li fejn qabel il-PN fil-Gvern kien iħaddan il-politika tad-djalogu u kien jippromovi b’ċerta saħħa l-idea ta’ politika konċiljatorja iktar milli konfrontazzjonali issa jidher li biddel ir-rotta f’dan ir-rigward.
Bħal donnu l-Gvern sar konxju mill-pożizzjoni fraġli li jinsab fiha (kemm fil-Parlament kif ukoll barra minnu u apparti l-isfidi kbar li jrid jiffaċċa) u jrid isabbat saqajh u juri lil kulħadd li “l-Gvern hawn qiegħed”! Kieku mhux hekk il-Gvern ma kienx jerġa’ jsieħeb lil pajjiżna fil-Partnership for Peace b’daqstant għaġla meta l-Ministri lanqas biss kienu għadhom sabu posthom!
Kieku ma kienx joħroġ jgħid li l-iskema tad-djar kien se jissospendiha immedjatament! Ma kienx jgħid li uħud mill-proposti li kellu fil-manifest elettorali li kienu maħsubin biex jiddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tal-leġiżlatura issa kellu jipposponihom għal iktar tard! Jew bħal fil-każ tal-għażliet tal-bordijiet ta’ l-ażjendi pubbliċi jimxi fuq linji differenti milli wiegħed. Ma kienx joħroġ lanqas bħal sajjetta fil-bnazzi u jħabbar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna u ż-żieda fis-surcharge tal-fuel minbarra ż-żidiet fil-prezzijiet tal-petrol, diesel u pitrolju.
Mhemmx dubju li l-perċezzjoni li darba kien hawn ċioe’ li Gonzi ma jiddeċidix, indifnet darba għal dejjem għaliex fil-preżent għandna Prim Ministru li qiegħed jiddeċiedi ma’ kull nifs li jieħu. Naturalment, ir-responsabiltà tal-pożizzjoni tiegħu hekk titlob minnu iżda l-akkontabbiltà u t-trasparenza jirrekjedu galbu u inklussività fil-proċess tad-deċiżjoni.
Dawn il-fatturi huma neqsin llum fil-mod kif qed jitmexxa l-Gvern. Addio djalogu, addio konsultazzjoni u addio l-mod ġdid kif inħaddmu l-politika! Din is-sitwazzjoni tispikka iktar issa li l-Partit Laburista għandu mexxej li wiegħed bidla fl-attitudni tal-partit li jmexxi u li diġà beda juriha fil-pubbliku.
B’kuntrast ma’ l-istil tat-tmexxija li addotta Gonzi mill-aħħar elezzjoni ’l hawn, Joseph Muscat wiegħed tmexxija li testendi l-id tal-ħbiberija fejn jidħol l-interess nazzjonali. Iżda daqstant ieħor hi tmexxija li taf tgħaqqad il-ponn fejn hemm bżonn issir reżistenza. Fl-attivitajiet li kellu s’issa l-Mexxej Laburista għamilha ċara li fejn jirriżulta li l-pajjiż ikun qed jagħmel progress hu kien se jirrikonoxxih. Lest li jaħdem fuq livell politiku u mhux tassivament partiġġan. S’issa rnexxielu jiġbed is-simpatija ta’ bosta ċittadini minn kull lewn politiku għaliex kliemu jixhed l-istil ġdid ta’ politika li għandu bżonn pajjiżna.
Iżda biex jirnexxi f’dan irid jirreċiproka Lawrence Gonzi. “It takes two to tango” tapplika wkoll fl-avviċinament u twettieq ta’ politika nazzjonali. Naturalment, għall-Mexxej Laburista għadu kmieni biex wieħed jiġġudikah fuq għemilu imma ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li s’issa irnexxielu jagħti nifs differenti lill-klima politika lokali.
Jekk Muscat wera d-dispożizzjoni tiegħu li jiddiskuti mal-Gvern il-kwistjoni tal-pairing, tal-privatizzazzjoni tat-Tarzna, taż-żieda fis-surcharge fuq il-kontijiet
tad-dawl u l-ilma u tal-qagħda fl-ST Microelectronics ...u l-Gvern jibqa’ għaddej qisu l-partit fl-oppożizzjoni mhu qed jgħid xejn allura nistgħu ngħidu li l-PN fil-Gvern diġà falla fil-miri tiegħu għax qed juri li “flimkien xejn mhu possibbli!”.
Il-poplu m’għadux jimpressjona ruħu billi jara ż-żewġ mexxejja fid-Dar Ċentrali l-ġdida tal-PN jitbissmu u jgħaddu l-kumplimenti lil xulxin quddiem il-beraq tal-kameras. |
|
Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora
Editorijal

Il Punt
Joanna Drake

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|