MediaToday

Ittri | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87

Ugwaljanza għal kulħadd – fiż- żwieġ ukoll

Bernard Muscat,
Malta Gay Rights Movement,
Mosta

Fl-artiklu tiegħu tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju, Kurt Sansone kiteb li “Għall-maġġoranza kbira tan-nies iż-żwieġ hu msejjes fuq il-kunċett reliġjuż ta’ għaqda bejn mara u raġel.” Sfortunatament, iva: ħafna nies għadhom jassoċjaw iż-żwieġ ma’ kunċett strettament reliġjuż.
Iżda l-prattika li żewġ persuni jingħaqdu f’relazzjoni bejniethom ġiet qabel kull forma ta’ żwieġ reliġjuż. Iż-żwieġ hu qabel kollox istituzzjoni soċjali li tagħti rikonoxximent legali lil żewġ persuni li jinħabbu u jixtiequ li l-unjoni tagħhom tkun rikonoxxuta mill-istat. Bis-sitwazzjoni preżenti f’Malta, ħafna koppji gay jgħixu flimkien u jqattgħu ħajjithom flimkien bħalma jagħmlu koppji eterosesswali, però mingħajr ir-rikonoxximent ta’ l-istat. Għall-istat, dik l-unjoni qisha ma teżistix – iż-żewġ persuni li jiffurmaw dik il-koppja ma’ huma xejn ħlief żewġt iħbieb li jiddeċiedu li jikkoabitaw.
Ħafna jibżgħu li l-għotja tad-dritt taż-żwieġ għal koppji ta’ l-istess sess b’xi mod se tirriforma ż-żwieġ ta’ persuni eterosesswali. Din m’hi xejn ħlief ħrafa. Fil-pajjiżi fejn ġie rikonuxxut id-dritt ta’ koppji gay li jiżżewġu, koppji oħrajn eterosesswali bl-ebda mod ma sofrew tnaqqis fil-validita` taż-żwieġ tagħhom! Huma sempliċement koppji gay li jingħataw drittijiet ugwali ta’ koppji straight u filwaqt li għall-koppji straight ma jkun hemm assolutament l-ebda differenza, għall-koppji gay tagħmel differenza enormi għaliex fl-aħħar ir-relazzjoni tagħhom ma tibqax waħda anonima u ineżistenti iżda tkun rikoxxuta mill-istat bl-istess validità ta’ dik ta’ kull koppja oħra.
Koppji gay li jixtiequ jingħaqdu fi żwieġ ċivili ma jixtiequ xejn iktar minn dak li jgawdu minnu koppji straight – iridu biss aċċess għall-istess istituzzjoni u għall-istess drittijiet u obbligi. F’kelma waħda, iridu l-ugwaljanza.
Ma ninsewx li sa 50 sena ilu kien hemm argumenti qawwija fl-Amerka rigward id-drittijiet ta’ koppji ffurmati minn żewġ persuni ta’ razez differenti li xtaqu jingħaqdu fiż-żwieġ.
Kien hemm argumenti li jekk jitħalla żwieġ bejn mara sewda u raġel abjad, jew mara bajda u raġel iswed, allura jkunu qed jinfetħu l-bibien għal kull forma ta’ ħsibijiet strambi u l-legalizazzjoni ta’ atti bħall-inċest, il-bestjalità u l-istupru, u argumenti oħra li familja interrazzjali ma setgħetx possibbilment tipprovdi ambjent ta’ familja b’saħħitha daqs koppji oħra.
Wara snin twal ta’ battalji legali, fl-1967 il-Qorti Suprema Amerikana ddeċidiet li dawn m’huma xejn ħlief ħrejjef frott il-biża’ u l-injoranza ta’ ċerti nies u llum koppji interrazzjali jistgħu jissieħbu fiż-żwieġ bħal kull koppja oħra. Imma wara kemm battalji u wara kemm taqtigħ il-qalb!
L-istess argumenti qed jerġgħu jinbtu llum għar-rikonoxximent ta’ l-unjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess. Però jekk inħarsu lejn il-pajjiżi li llegalizzaw iż-żwiġijiet bejn persuni ta’ l-istess sess – il-Belġju, l-Olanda, Spanja, is-Sud Afrika, il-Kanada u l-istat ta’ Massachussetts, u reċentament in-Norveġja u l-istat ta’ California – u l-ħafna pajjiżi oħrajn fejn koppji gay ingħataw għallinqas rikonoxximent legali ieħor, insibu li xejn straordinarju ma ġara f’dawn il-pajjiżi.
It-tama tagħna hi li sa ftit snin oħra din l-għagħa esaġerata dwar koppji taż-żwieġ ta’ koppji ta’ l-istess sess tkun battiet, u iktar u iktar nies jaslu għar-realizzazzjoni li din mhix xi ħaġa straordinarja iżda sempliċement dritt ta’ kull persuna li tissieħeb mal-persuna li tħobb: u dritt li għal ħafna u ħafna snin kien miċħud għall-koppji gay minħabba argumenti li llum huma fil-passat.
Aħna konvinti li meta n-nies iħarsu lura fi żmien ftit snin jibdew jirrealizzaw li ma kien hemm xejn biex wieħed jistgħaġeb u li l-għagħa kollha li nħolqot dwar xi ħaġa daqshekk sempliċi u sabiħa bħall-imħabba li żewġ persuni jħossu għal xulxin kienet biss frott in-nuqqas ta’ għarfien ta’ ċerti nies dwar is-suġġett.

 

Intervista

Il-mużika tal-ħajja

Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora



Il Punt
Vot li jwaqqaf it-Trattat. U issa?
Joanna Drake



Emmanuel Micallef
Flimkien xejn mhu possibbli


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà



X'kien Jgħid
Qiegħ Għajn Dwieli



Wenzu Mintoff
Infern fl-art


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan