MediaToday

Editorjal | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87

Ix-xogħol u l-immigrazzjoni

Ħafna drabi l-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni tispiċċa diskussa fil-media mill-aspett wiesa’ ta’ x’għandu jsir biex jitwaqqaf dan il-fenomenu u l-implikazzjonijiet ġenerali ta’ dan l-influss fuq is-soċjetà Maltija.
Ħafna drabi l-argument dejjem jispiċċa jdur fuq ir-razziżmu u qajla jidħol
fil-fond ta’ ċerti problemi konkreti li jħallu impatt fuq l-immigranti u s-soċjetà li tilqagħhom.
F’dan il-kuntest din il-gazzetta ma tistax ma tfaħħarx il-mod kif il-programm Dissett ta’ nhar it-Tlieta li għadda ttratta l-kwistjoni tax-xogħol u l-immigrazzjoni.
Kien programm riċerkat u iffukat fuq problema li tinkwieta lil ħafna nies u li dwarha ftit għandna fatti.
Mill-programm ħareġ ċar li l-immigranti li jaslu fuq id-dgħajjes mhumiex
it-theddida kbira li ħafna jaħsbu li huma għall-postijiet tax-xogħol tagħna l-Maltin.
Madankollu matul il-programm ħareġ fatt ieħor inkwetanti. Minkejja l-ħidma li tagħmel l-ETC għad għandna vojt
fis-sistema li mhux qed jippermetti
lill-immigranti li għandhom permess biex jaħdmu u impjegaturi potenzjali jiltaqgħu f’ambjent xieraq fejn kull naħa tkun taf x’inhuma d-dmirijiet u d-drittijiet tagħha skond il-liġi.
Mill-kummenti li saru mill-uffiċjal ta’ l-ETC tul il-programm jidher li hawn madwar 1,600 immigrant li għandhom
il-permess li jaħdmu. Madankollu dan tenna wkoll li l-permess tax-xogħol waħdu mhux biżzejjed għax min iħaddem ikun irid javża hu stess lill-ETC meta jimpjega lil xi ħadd ġdid miegħu.
Jeżistu problemi prattiċi. Uħud
mill-immigranti ma jafux jikkomunikaw bl-Ingliż u ħafna minnhom ma jafux li l-Liġi Maltija tagħtihom protezzjoni
mill-abbuż. Sfortunatament dawn jispiċċaw f’ċentri miftuħa jaqdfu għal rashom bir-riskji kollha li jaqgħu fin-nasba ta’ l-illegalità.
Fl-istess ħin ma jidhirx li hemm sistema organizzata li permezz tagħha impjegaturi li jkunu jridu jħaddmu lill-immigranti jistgħu jfittxu n-nies skond il-ħiliet tagħhom mingħajr ma joqogħdu jinżlu bil-vannijiet il-Marsa jistaqsu lin-nies li jkunu qed jitlajjaw hemmhekk.
Din is-sitwazzjoni, deskritta minn Vince Farrugia bħala “ta’ żmien Kristu”, hi tassew tal-mistħija għall-pajjiż u
għad-dinjità ta’ dawn in-nies.
Il-programm wera biċ-ċar li fil-pajjiż hawn problema ta’ amministrazzjoni f’dik li għandha x’taqsam l-immigrazzjoni.
Il-Gvern jeħtieġ li jsib tarf din
il-kwistjoni anki billi jidħol fi sħab mal-għaqdiet mhux governattivi inklużi l-unions.
Apparti dan hemm bżonn li l-immigranti jkollhom programm ta’ integrazzjoni biex jitgħallmu jikkomunikaw bl-Ingliż, jifhmu l-obbligi li joħorġu mil-liġijiet Maltin u d-drittijiet li għandhom. L-informazzjoni hi l-aqwa arma kontra l-abbuż.
Hu fl-interess tal-ħaddiem Malti li l-ebda barrani ma jkun abbużat f’artna. Wara kollox hu l-abbuż u l-illegalità, li jheddu l-ħobż tal-Maltin u mhux l-immigranti nfushom.
Nemmnu li jkun fl-interess tal-pajjiż jekk l-immigranti li għandhom permess jaħdmu jsibu xogħol diċenti skond
il-Liġi. Ix-xogħol jagħti d-dinjità u bniedem b’dinjità jkun jista’ bil-mod il-mod iqum fuq saqajh u ma jibqax jiddependi fuq l-għajnuna ta’ l-Istat.
Xogħol dinjituż ifisser li persuna tkun tista’ żżomm ’il bogħod mid-dinja kriminali li tista’ tkun attrazzjoni għal min qed jgħix fuq il-linja tal-faqar maqtugħ minn familtu mingħajr skop għal ħajtu.
Din il-gazzetta tħoss li l-unions jistgħu jagħmlu ħafna iktar biex din is-sitwazzjoni titranġa. Hu fl-interess tal-membri tagħhom li jaraw li jieqaf l-isfruttament.
Il-unions mhux biss għandhom
is-saħħa organizzattiva li jiġbru flimkien lill-immigranti imma li joffrulhom protezzjoni bħall-bqija tal-ħaddiema Maltin.

Intervista

Il-mużika tal-ħajja

Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora



Il Punt
Vot li jwaqqaf it-Trattat. U issa?
Joanna Drake



Emmanuel Micallef
Flimkien xejn mhu possibbli


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà



X'kien Jgħid
Qiegħ Għajn Dwieli



Wenzu Mintoff
Infern fl-art


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan