MediaToday

Xkien Jgħid? | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86

Kaxxa mhix daqshekk magħluqa

Meta l-pubbliku sar jaf min huma t-tnejn minn nies magħżula biex jgħinu lid-dottor Joseph Muscat kien hemm reazzjoni daqsxejn negattiva. Probabbli għax kien hemm min bela’ għal kollox il-propaganda li Muscat kien se jagħti tassew bidu ġdid lill-MLP.
Billi ta’ l-MLP qed jużaw il-frażi ’staġun ġdid’ issib li hawn min dam biex jintebaħ li wara kollox dan l-istaġun il-ġdid ma kienx ir-rebbiegħa iżda x-xitwa!
Ovvjament kien diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-Laburisti jiftaħru b’rebbiegħa ġdida – anki jekk l-idea ta ’staġun ġdid’ u dik ta’ ’rebbiegħa ġdida’ hi prattikament l-istess. Issa wara li għandu lil Angelo u lil Toni jgħinuh kif jistgħu u kif jafu bil-metodi goffi tagħhom, Muscat irid jara lil min se jwaħħlulu bħala Segretarju Ġenerali – aktar u aktar meta Jason determinat li jibqa’ hemm u għalhekk ser jerġa’ jikkontesta għall-kariga, jgħidu x’jgħidu dawk li ma jaħmluhx pinġut!
Min se jkun is-suċċessur ta’ Joe Saliba fl-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN ukoll kienet mistoqsija li qajmet ħafna spekulazzjonijiet. Issa li għalaq iż-żmien tan-nominazzjonijiet il-kaxxa mhix daqshekk magħluqa. Li hemm hemm u li għadda minn taħt u minnu ma rriżulta xejn ma jgħoddx. Issa kulħadd jippretendi li ħafna minn dak li kien għaddej minn taħt qatt ma eżista u li l-ftit nominazzjonijiet li saru ma kinux riżultat ta’ xi arranġamenti minn wara, dak lil-Ingliżi jgħidulu back-room bargaining. Mur emminhom!
Tiskanta kif għal ċerti karigi hemm nominazzjoni waħda: Pierre Portelli għal President tal-Kunsill Amministrattiv; Jean Pierre Debono għal Assistent Segretarju Ġenerali; John Bonello għal Segretarju Internazzjonali u Peter Darmanin għal Teżorier.
Dwar it-tnejn ta’ l-aħħar jidher li kollox se jibqa’ kif kien, anki jekk kien hemm għidut persistenti li kienu qed ifittxu kandidat – jew aħjar kandidata – biex tisfida u tirbaħ - lil John Bonello għall-kariga tiegħu. Għax lil Bonello ma tantx iġibuh!
It-tnejn l-oħra ssemmew bħala tnejn li kienu interessati fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Pierre Portelli ilu li qal li kien reġa’ bdielu filwaqt li Jean-Pierre baqa’ sa’ l-aħħar jagħti x’jifhem li kien għadu qed jaħsibha.
Ngħid is-sewwa, anki jien ħsibt li se jkun il-kandidat preferut ta’ l-allat... sakemm Joe Saliba ħareġ lil Charlò mill-kappell maġiku tiegħu!
Jidher li l-backroom bargaining wassal biex dawn it-tnejn ikollhom jaċċettaw nomina għal kariga ta’ uffiċjali anqas importanti, iżda mingħajr kontestant ieħor iħabbathom.
It-tiġrija għal kariga ta’ Segretarju Ġenerali spiċċat ridotta għal waħda bejn tnejn. Forsi hekk biss seta’ jkun assigurat li jonqsu sew ċ-ċansijiet li jirbaħ Pawlu Borg Olivier li ilu jiltaqa’ personalment mal-membri l-oħra ta’ l-Eżekuttiv minn mindu ħabbar li se jitfa’ n-nomina! Madankollu dak ix-xogħol kollu jista’ jsirlu suf jekk tgħaddi ta’ l-allat li lil Pawlu ma jriduhx. Wara l-fjask ta’ l-attentat li sar biex jipperswadu lil Simon Busuttil – li saħansitra ftaħar bl-aktar mod pwerili li Lorenzo u Katarina ġrew warajh – l-allat kellhom jaraw x’se jaqbdu jagħmlu.
Dur minn hemm u dur minn hawn, fl-aħħar sabu lil Charlò Bonnici, kandidat li bih l-allat jisperaw li jibqgħu jżommu l-kontroll fuq l-operat tas-Segretarju Ġenerali. Għax, wara kollox, din hi kwestjoni ta’ kontroll minn wara l-kwinti ta’ partit li jiftaħar li hu miftuħ u li jiġġedded kontinwament. Naturalment, kif jgħidu: dal dire al fare c’e un gran mare!
Imbagħad hemm tellieqa għal post ta’ president ta’ l-Eżekuttuv: tellieqa miftuħa u ġenwina – xhieda ta’ kemm din il-kariga ma tiswa xejn! Fl-aħħar snin din il-kariga kienet okkupata mit-tabib Jean-Pierre Farrugia, tal-Floriana. Nagħmel imħatra li jekk issaqsi lin-nies fit-triq min hu, jew min kien, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PN fl-aħħar erba’ snin, ħadd ma jaf jirrispondi.
Insomma dak qiegħed hemm aktar għad-dekorazzjoni milli għal ħaġ’oħra għax jgħidu li qatt ma kien hemm xi kwestjoni ta’ proċedura li ried jaqtagħha l-President ta’ l-Eżekuttuiv tal-PN!
U d-diskussjoni fl-Eżekuttiv - li ġeneralment jiddiskuti dak li jkun fait acomplii - rari tkun waħda taħraq!
Hawn it-tliet kontestanti huma Malcolm Mifsud (espert tal-ħażż
fl-ilma), Karol Aquilina (avukat żagħżugħ li jipprometti) u Marthese Portelli (avukata żagħżugħa Għawdxija li tipprometti wkoll). Dnub li bejn Karol u jew Marthese xi ħadd se jkollu jibqa’ barra.
Kollox juri li l-PN mhux se jkollu inkwiet biex jimla dawn il-karigi. L-inkwiet ħadu ħsiebu fil-backroom! Mhux hekk l-MLP li jrid jaffronta l-insistenza stupida ta’ Jason li jrid jibqa’ hemm a kwalunkwe kost. Miskin id-dottor Muscat!

Intervista

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima



Il Punt
Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel
Adrian Gellel



Emmanuel Micallef
It-Tarzna: issa daqshekk!


Carmelo Mifsud Bonnici

Għal dawk li jistgħu jgawdu



X'kien Jgħid
Kaxxa mhix daqshekk magħluqa



Wenzu Mintoff
Pantouflage


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan