Wenzu Mintoff | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86
F’Malta teżisti l-anomalija kbira li biex tingħata biċċa art pubblika lil klabb tal-boċċi hemm proċeduri partikolari stabbiliti mil-liġi li jridu jiġu segwiti u saħansitra jridu jiġu approvati mill-Parlament.
Fl-istess waqt biex kellu jinbiegħ l-ikbar bank f’Malta, il-Mid-Med, u biex inbigħu intrapriżi oħra li jiswew il-miljuni l-kbar, ma kien hemm l-ebda liġi li tirregola kif kellhom isiru dawn il-privatizzazzjonijiet.
Meta kienet saret liġi 32 sena ilu dwar proċeduri li kellhom jiġu segwiti fil-każ ta’ trasferiment ta’ art pubblika lil privat, il-Parlament kien ħass il-ħtieġa li jistabbilixxi parametri u kriterji kemm jista’ jkun oġġettivi abbażi ta’ liema setgħet issir allokazzjoni ta’ art pubblika lill-privat min-naħa tal-gvern.
Verament li maż-żmien ġew skoperti diversi toqob u ventilaturi f’dawn il-proċeduri minfejn seta’ wieħed jgħaddi biex jieħu dak li ma ħaqqux. Però din il-liġi kienet timmarka żvilupp importanti għax kien stabbilit il-prinċipju li f’soċjetà demokratika l-gvern kellu jsegwi ċerti kriterji oġġettivi fl-allokazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi lill-privat u m’għandux jagħmel li jfettillu u jistrieħ biss fuq id-diskrezzjoni assoluta. Mentri għal dawk li huma privatizzazzjonijiet, jew il-bejgħ ta’ kumpaniji tal-gvern li jista’ jkollhom ukoll meded kbar ta’ art u proprjetajiet oħra, ma jeżistu l-ebda proċeduri stabbiliti bil-liġi li jillimitaw u jxellfu d-diskrezzjoni assoluta tal-gvern tal-ġurnata.
White Paper
Biex jilqa’ għall-kritika qawwija li kienet saret dwar il-mod kif inbigħ il-Mid-Med Bank fl-aħħar tad-Disgħinijiet il-Gvern Nazzjonalista kien ippubblika f’Novembru ta’ l-1999 White Paper dwar l-istrateġija tiegħu rigward privatizzazzjonijiet.
F’din il-White Paper, minbarra li ġew elenkati mill-gvern il-prijoritajiet f’dan il-qasam, jissemmew ukoll diversi metodi kif jista’ jsir il-bejgħ ta’ kumpaniji ta’ l-istat u l-assi tagħhom, f’ċirkostanzi differenti.
Din il-White Paper tisħaq ħafna fuq il-bżonn tat-trasparenza fil-proċess ta’ privatizzazzjoni. Imma White Paper isimha magħha. Ma fiha xejn li legalment jorbot imma hi sempliċiment dokument konsultattiv li mhux obbligatorju. Għal xi raġuni misterjuża d-dokument finali wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li suppost sar baqa’ ma ġiex finalizzat u ippubblikat.
Minkejja l-enfasi kbira li ssir f’din il-White Paper dwar it-trasparenza, meta tintalab informazzjoni dwar id-dettalji ta’ xi privatizzazzjoni jew oħra, din l-informazzjoni tibqa’ ma tingħatax bl-iskuża tas-sensittività kummerċjali.
Bħal White Papers oħra din għandha mil-lastiku għax hi dokument li jiġġebbed u li ma joffrix il-garanziji xierqa biex fi privatizzazzjoni jiġu segwiti l-aħjar prattiċi stabbiliti internazzjonalment li għandhom jiżguraw li l-affarijiet tassew isiru fl-aħjar interess pubbliku.
Il-World Bank jirrakkomanda li f’dawk il-pajjiżi fejn jeżisti qafas istituzzjonali fjakk u strutturi merħija li jsibuha diffiċli biex jiżguraw li jkun hemm minimu ta’ trasparenza, ikun ferm aħjar li minflok xi White Paper bħalma għandna f’Malta jew linji gwida li jiġġebdu, tiddaħħal fis-seħħ liġi organika li b’mod tassattiv tgħid xi proċeduri għandhom jiġu segwiti fi proċess ta’ privatizzazzjoni.
S’issa f’Malta għal raġunijiet li jafhom il-Gvern Nazzjonalista għad m’hawnx liġi apposta li tirregola bis-serjetà l-privatizzazzjoni.
Stealth
Bejn għax il-Partit Laburista kien għadu qisu ras maqtugħha wara r-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni u bejn il-kjass u l-aljenazzjoni li nħoloq fl-inter-regnum sakemm inħatar mexxej ġdid fl-MLP, Lawrence Gonzi approfitta ruħu minn din is-sitwazzjoni u ħadem inkiss inkiss qisu ajruplan Stealth, mhux biss biex idaħħal lil Malta fil-Partnership for Peace imma anki biex titnieda l-privatizzazzjoni tat-Tarzna.
Mill-aħħar gwerra ’l hawn it-Tarzna baqgħet tiddomina fuq ix-xefaq politiku u r-raġuni vera u proprja kienet li t-trasformazzjoni minn tarzna marbuta mal-preżenza tal-flotta Navali Ingliża għal waħda li tagħmel xogħol purament kummerċjali baqgħet ma seħħitx fil-veru sens tal-kelma.
Meta tikkunsidra li t-tarzna fl-aqwa tagħha kienet timpjega ’l fuq minn 12,000 ruħ u illum timpjega madwar 1,700 ħaddiem, l-iskala tal-problema ċkienet xi ftit. Imma xorta waħda l-għixien ta’ 1,700 familja m’għandux ikun uġigħ ta’ ras għalihom biss, imma għandu jinkwieta lilna lkoll.
Il-vijabbiltà kummerċjali tat-Tarzna ġiet ipperikolata mhux l-aktar minħabba t-trejdunjoniżmu militanti imma għax għal snin twal ingħataw sussidji li marru fuq l-irjus. Sussidji li fi żmien kien min kien sejħilhom ‘velenu’ għax kienu jmorru għall-ispiża rikorrenti u fl-istess ħin ma kien qed isir l-ebda nfiq bħala investiment kapitali f’maniġment professjonali, teknoloġija ġdida u apparat modern biex jibdel impjant li jaf żmien Charles Dickens.
It-Tarzna għandha work-force li fil-parti l-kbira tagħha magħmula minn ħaddiema ta’ iktar minn 45 sena. Dan għaliex għal snin twal ma kienx hemm dħul ta’ apprentisti ġodda.
Ristrutturazzjoni
Jekk tifli bil-lenti waħda waħda t-353 wegħda li kellhom in-Nazzjonalisti fl-aħħar programm elettorali tagħhom imkien m’hu se ssib li t-Tarzna kienet xi darba se tiġi privatizzata u wisq inqas li dan kien se jseħħ f’temp ta’ ftit ġimgħat wara l-elezzjoni. Għal kuntrarju wegħda 45 tal-manifest ta’ GonziPN tgħid: “Inkomplu l-programm ta’ ristrutturazzjoni sabiex it-tarznara jsiru vijabbli, skond il-ftehim negozjat fil-pakkett ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.”
Ristrutturazzjoni fl-ambitu tal-pakkett negozjat ma’ l-Unjoni Ewropea loġikament kellha tfisser li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Istat li tkun permessa mill-Kummissjoni Ewropea għar-ristrutturazzjoni tat-Tarzna ħalli din issir waħda vijabbli.
Imma minn dan kollu ma seħħ xejn. Għax f’kemm ili ngħidlek Gonzi għaġġel jasal għall-konklużjoni li t-Tarzna ma tistax tkun vijabbli u allura jrid jara kif jagħmel biex jeħles minnha u mill-parti l-kbira tal-ħaddiema kemm jista’ jkun malajr.
Għal darb’oħra qed jiġu offruti skemi ta’ irtirar kmieni mix-xogħol lill-ħaddiema li qegħdin fl-età ta’ 45 sena ’l fuq li mhux lakemm isibu opportunità oħra ta’ xogħol f’suq li kulma jmur qed isir iktar kompetittiv.
Il-qafas istituzzjonali ta’ dan il-pajjiż għadu mlaqqat u ta’ kafkaf, mhux biss għax ma teżisti l-ebda liġi li tirregola l-privatizzazzjonijiet, imma anki għax m’hemm xejn xi jżomm uffiċjal pubbliku li jkun qed jinnegozja f’isem il-gvern il-kundizzjonijiet tal-bejgħ jew tal-koncċessjoni mogħtija, li hekk kif jintemmu n-negozjati, fid-daqqa u l-ħin isib ruħu fuq in-naħa l-oħra tal-mejda ingaġġat mal-kumpaniji li magħha kien innegozja f’vesti differenti.
Il-każ ta’ Claudio Grech, dak li uffiċjalment kien l-assistent personali tal-Ministru Austin Gatt imma fir-realtà kien il-factotum warajh, tant li kien anki jinħatar f’kumitati ta’ għoti ta’ tenders li jiswew miljuni kbar ta’ Ewro, għandu jgħallimna mhux ftit.
Wara li ħa sehem fin-negozjati ma’ Tecom kemm fir-rigward tal-bejgħ ta’ l-ishma fil-Maltacom u anki biex isir il-proġett SmartCity Malta, f’temp ta’ ftit xhur Grech spiċċa ngaġġat bhala CEO ta’ dan
il-proġett.
Mil-lat ta’ perċezzjoni, din hi stonatura liema bħalha li tista’ tqanqal ħafna suspetti li filli fuq naħa waħhda tal-mejda u fid-daqqa u l-ħin jispiċċa fuq in-naħa l-oħra. Ikollok l-istess stonatura meta xi uffiċjal ta’ trade union f’kemm trodd salib jispiċċa ngaġġat ma’ xi kumpanija li magħha kien jinnegozja f’isem il-union.
Il-gvern għandu jiżgura permezz ta’ sistema li fi Franza tissejjaħ ‘pantouflage’ li l-impjegati tiegħu jevitaw għall-perjodu ta’ żmien milli jiġu ngaġġati minn xi ħadd li jkun gawda xi benefiċċju li jkun ir-riżultat ta’ xi deċiżjoni tagħhom meta kienu fis-servizz pubbliku. |
|
Franica Pulis tintervista lill-
Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima
Editorijal

Il Punt
Adrian Gellel

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|