Sports | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86
Nisperaw li dan il-pjan ma jkunx fih misprints. Dik kienet l-ewwel ħaġa li ġietni f’moħħi meta qaluli li Stephen Abela aċċetta li jimla s-siġġu vojt li ħalla Robert Arrigo wara tant snin President ta’ Sliema Wanderers. Stephen kuraġġuż. Kuraġġuż għax Robert rebaħ ħafna, rebaħ kollox u ħalla lill-klabb Slimiż fl-ewwel post tal-klassifika ta’ l-aktar klabbs li rebħu unuri fil-futbol Malti.
Għalih mhux se tkun faċli. F’għajn il-partitarji se jkun qed jagħmel biss it-tajjeb jekk it-tim jibqa’ konsistenti sena wara sena bl-unuri ma jaqtgħux lejn in-naħa tax-Chalet. Huma imdorrijin jirbħu, jiċċelebraw u jikkonvinċu. L-aħħar kampjonat kien l-aktar wieħed diżastruż f’dawn l-aħħar snin u mill-istaġun li ġej Sliema Wanderers qed jisperaw li jerġgħu jkunu fost l-isfidanti ewlenin għat-titlu.
Iltqajt ma’ Stephen it-Tnejn wara nofsinhar. Stephen hu bniedem kalm li jaf ikompli ma’ kulħadd. Jaqbel miegħi dwar dan.
“Illum il-ġurnata nassoċja ruħi bħala bniedem kalm. Illum sirt naħsibha darbtejn qabel niġġudika jew nieħu xi azzjoni fuq xi affarijiet. Inħobb il-familja u l-futbol. Mill-futbol inħobb nagħmel ħafna ħbieb għalkemm dan l-isport ġieli jġib xi piki żejda miegħu. Onestament ma nistax nifhem kif mill-futbol tista’ xi darba tagħmel l-għedewwa. Jien għandi ħafna ħbieb minn timijiet differenti. Vera li xi kultant issib min m’għandux grazzja miegħek. Jien fil-kummenti tiegħi ma nħobb inweġġa’ lil ħadd iżda hawn min hu differenti. Ma nafx il-għala.”
Stephen Abela twieled fl-10 ta’ Ġunju 1963 u flimkien ma’ Katia Borg joqgħod il-Madliena. Għandu tlett itfal, Kristina ta’ 21 sena, Keith ta’ 18-il sena u Kaya ta’ sentejn. Jgħidli li jħossu Slimiż għax qatta’ ħafna minn tfulitu fit-toroq ta’ dan il-post. Iżda kif spiċċa fil-kumitat ta’ Marsaxlokk?
“Kelli ħaddiem jaħdem miegħi li kien eks plejer ta’ Marsaxlokk. Qed ngħid għal Richard Buhagiar. Dan qalli li Marsaxlokk qed ifittxu sponsor. Għidtlu li kont interessat u kien ġie jkellimni Victor Sciriha. Kont bdejt minn hemm u minn dak inhar sa llum ma waqaftx. Victor kien involvini f’aktar laqgħat mal-plejers. Dħalt f’ħafna affarijiet iktar milli suppost għamilt għax il-President kellu fiduċja sħiħa fija.
“Kienu snin li ħadna pjaċir ħafna. L-aħħar sena u nofs ġejt viċin ħafna mal-plejers. Irbaħna l-kampjonat u iċċelebrajna flimkien. Għandi u se jibqgħu memorji sbieħ dawk ta’ Marsaxlokk.
Kienu żminijiet li stajt nara tim kif jinbena u kont nosserva ħafna mil-lat ta’ kowċ u amministrazzjoni. Nista’ ngħid li se jservuni ħafna għall-quddiem fil-karriera tiegħi tal-futbol.”
Kollox kien miexi perfett sakemm ħarġet l-aħbar li Victor Sciriha kien se jħalli lit-tim Xlukkajr biex jissieħeb ma’ dak tal-Belt. Din il-mossa ta’ Sciriha fissret ukoll l-aħħar jiem ta’ Stephen ma’ dan ir-raħal tas-sajjieda.
“L-avventura tiegħi minn ma’ Marsaxlokk intemmet hekk kif spiċċa Sciriha. Kont ħassejt li posti m’għandux ikun aktar ma’ Marsaxlokk. Ma kontx aktar apprezzat minn ta’ madwari u f’dawk iċ-ċirkostanzi kien ikun aħjar li nitlaq għall-ġid tiegħi u tal-klabb.”
Stephen kellu l-kuraġġ li minn klabb immexxi minn Victor Sciriha isir midħla fi Sliema Wanderers taħt Robert Arrigo. Ir-relazzjoni bejn it-tnejn qatt ma kienet mill-ħelwin.
“Hekk kif kont tfajt ir-riżenja tiegħi minn ma’ Marsaxlokk kien sema’ Robert Arrigo u ċempilli. Kien għajjatli għal-laqgħa u offrieli l-pożizzjoni ta’ Team Manager ma’ Sliema. Tlabtu jagħtini jumejn ċans għax ridt nitkellem ma’ Sciriha qabel peress li kont bniedem viċin ħafna tiegħu fis-snin ta’ qabel u kont naf li bejniethom it-tnejn ma tantx kien hemm relazzjoni mill-aqwa. Finalment aċċettajt.”
B’din il-mossa Stephen kien ieħor minn dawk li għal xi żmien kisirha bil-kbir minn ma’ Sciriha. U dan għax forsi l-President ta’ Valletta ippretenda li jkun miegħu fil-proġett Belti.
“X’ħin għidt lil Sciriha li sejjer ma’ Sliema ma tantx ħa gost u ma aċċettahiex. Għal xi żmien ir-relazzjoni tagħna ma kinitx tajba. Qabel ma mort ma’ Sliema kien offrieli mmur miegħu mal-Belt iżda jien ma nara li għandi l-ebda relazzjoni ma’ Valletta. Irringrazzjajtu xorta waħda. Illum qiegħed ma’ Sliema Wanderers u kuntent ħafna fil-pożizzjoni li qiegħed. Ftit jafu li jien qabel ma sponsorjajt lil Marsaxlokk kont diġà sponsorjajt lil Sliema.”
Illum il-ġurnata r-relazzjoni bejn it-tnejn reġgħet għan-normal. Stephen u Victor reġgħu tkellmu bis-saħħa ta’ terza persuna.
“Ħabib tiegħi Ivan Calleja kien dejjem jgħidli li jixtieq ilaqqagħna u jerġa’ jagħmilna ħbieb. Aħna inzertajna niffrekwentaw l-istess kafetterija u darba nzertajna fl-istess ħin. Kif kont ħiereġ Ivan żammni u qalli biex nibqa’ bilqiegħda hemm għax illum xtaq li jerġa’ jarana nitkellmu. Jien hekk għamilt. Minn dakinhar is-sitwazzjoni reġgħet għan-normal.
Illum inħossni ħafna aħjar għax jien ma nħobb niġġieled ma’ ħadd. Pika sportiva għandi miegħu bħalma għandi ma’ kulħadd iżda m’għandi personalment għal ħadd.”
Ikellimni fuq il-klabb ta’ Sliema Wanderers u x’atmosfera sab fl-ewwel jiem tiegħu.
“Ambjent differenti ħafna. Ħafna nies kienu jafuni peress li trabbejt fit-toroq Slimiżi. Laqgħuni ħafna, kemm in-nies, il-kumitat u l-plejers. Ħassejtni home mill-ewwel. Iżda fuqi ħassejt piż kbir mill-ewwel. Ħadt gost li ġietni din l-okkażżjoni u issa qed inħares b’ottimiżmu kbir biex nistrutturaw il-klabb u noħolqu ambjent li fih kulħadd ikun jista’ jagħmel ftit sagrifiċċji kemm fil-ħin u anki finanzjarjament.”
Il-kumitat li għandu miegħu Stephen kważi kollu frisk. Tim żagħżugħ u dinamiku li ta’ 45 sena jħalli lil Stephen l-aktar wieħed kbir fosthom kollha.
“Tim żgħir għax jien ta’ 45 sena l-ikbar wieħed. Kulħadd entużjast u kieku m’għandix lil dawn in-nies miegħi ma kont se naċċetta qatt biex noħroġ għal din il-kariga. Il-post ta’ John Bugeja ħadu bniedem żagħżugħ u dinamiku bħal Mario Debono. Telaq mill-ġurnaliżmu għas-Sliema Wanderers. Kulħadd jidher umli u hemm il-qalb f’kulma jsir. Ċert li se nirnexxu biex lil Sliema Wanderers nagħtuh identità ġdida.
“Nemmen li bit-tim li għandna u bi ftit irtokki se nisfidaw serjament. Għalija l-aħħar ħames logħbiet tal-kampjonat konna l-aqwa tim. Se jkun hemm plejers li ġejjin ġodda u oħrajn li se jkollna nneħħu. Huma bidliet bżonjużi imma jridu jsiru.
“Mhux se nazzarda ngħidlek ismijiet. Għadna ma ikkonkludejniex mal-coach. Irridu naraw min hu fil-pjan tal-coach u min le. Għad irid jiġi deċiż b’aktar preċiżjoni min se jibqa’ u min se jitlaq.”
Jekk fil-kumitat wieħed jista’ jgħid li sar terremot intern mhux l-istess jista’ jingħad għall-iskwadra. Fuq il-plejers kien diġà qalli li ma jistax jagħtini konklużjonijiet u għalhekk nistaqsih fuq il-coach Stephen Azzopardi.
“Konfermat. Għandu sena oħra kuntratt. Barra minnhekk il-klabb għandu fiduċja sħiħa f’dan il-coach u qegħdin fi stadju avvanzat ħafna biex nestendulu l-kuntratt. Jien personalment nemmen li hu l-aqwa coach li hawn Malta. Ħdimt miegħu għal tmien xhur u rajt b’għajnejja s-sagrifiċċji u l-ħin li jagħti għall-futbol. Hu bniedem serju u m’hawnx alternattiva għalih. Bniedem onest u ta’ l-affari tiegħu.”
Rajt li kien qed ifaħħar wisq lill-coach tiegħu. Nemmen bħalu li hu fost l-aqwa, jekk mhux l-aqwa, li hawn fil-pajjiż. Iżda nfakkru li l-karattru tiegħu mhux daqshekk faċli u li mhux l-ewwel darba li kellu battibekki ma’ plejers fil-passat. Ngħidlu li ħafna jsostnu li meta Stephen ikun qiegħed fit-tmun ta’ xi ħaġa, biex dubbiena tmur fuq flixkun vojt tal-Cola tkun trid il-permess tiegħu u dan mhux il-plejers kollha jaċċettawha.
“Int trid tifhem ukoll li mhux bilfors ikun ġej mill-karattru tal-persuna. Ma nistgħux ninsew li hawn ħafna plejers b’karattru diffiċli wkoll. Ovvjament bilfors li xi kultant jinqala’ xi diżgwid bejn il-coach u l-plejers bħalma ġieli nqala’ bejn il-plejers u l-kumitat. “Li tamministra tim ta’ 20 plejer mhux ċajta. Stephen Azzopardi diġà għamel ħafna għal dan it-tim u nemmen li l-vera xogħol tiegħu għadu anqas beda.”
Nitkellmu fuq il-ħolm tal-plejers li għandu u li jixtieq jarahom jilbsu l-flokk tal-Blues. Stephen ma jaħbix il-fatt milli jsemmili żewġ ismijiet li anki jekk issa impossibbli, jiżvela li wieħed minnhom hu prim kuġin tiegħu.
“Andrè Schembri l-ewwel wieħed bla dubju ta’ xejn. Hu prim kuġin tiegħi u nemmen li xi darba se jkun plejer ta’ Sliema. Ċerti affarijiet fuqu nkun nafhom aktar minn ħaddieħor. Dan l-aħħar wera x-xewqa biex xi darba jilgħab jew jilbes il-flokk ta’ Sliema. Hu fadallu sena ma’ Marsaxlokk. Jien ma stajtx ngħidlu aktar ħlief li meta jispiċċalu l-kuntratt jiġi u nitkellmu. Iżda bla dubju jekk ikolli nagħżel l-ewwel plejer li nixtieq narah jilbes il-flokk ta’ Sliema Wanderers ikun Andrè Schembri.”
Kont diġà smajt fuq Kevin Sammut li minbarra l-offerta minn Dubai u Ħamrun Spartans, Sliema Wanderers jinsabu wkoll Pole Position għall-firma tiegħu. Lil Sephen nagħmilha ta’ bi ruħi li ma nafx xejn imma nistaqsih jekk hemmx xi ħadd ta’ Marsaxlokk fin-nofs.
“Hemm plejer ieħor ma’ Marsaxlokk imma f’dan l-istadju mhux se nitkellem.”
Ninsisti miegħu. Imma jista’ jkun li ismu jibda bl-ittra K? Jidħak u jċedi.
“Iva, Kevin Sammut. Ħabib kbir tiegħi u għalija personali kien l-aqwa plejer ta’ l-istaġun. M’hemmx dubju li għandu jirbaħ il-Plejer tas-Sena u din ma ngħidhiex jien biss iżda l-maġġoranza tan-nies li jsegwu l-futbol Malti. Nixtieq li xi darba jkun plejer ta’ Sliema wkoll.”
Bħala wiċċ żagħżugħ u mhux daqshekk veteran fil-futbol Malti niddiskuti miegħu l-aktar affarijiet li jdejquh fil-futbol Malti.
“Idejjaqni ħafna it-tmaqdir u l-kritika. Jien persuna pożittiva ħafna u anki minn negattiv nipprova noħroġ it-tajjeb. Mhux qed ngħidlek għall-ġurnalisti. Minkom m’għandix xi ngerger għalkemm kultant ċerti kummenti jweġġgħuni. Kultant tidħlu fi kwistjonijiet li mhux il-kriterja tagħkom. Nagħtu każ xi ftit ilu smajt ġurnalist jgħaddi kumment għax issospendejna plejer. Ma kienx jaf l-istorja eżatt u ma staqsa lil ħadd minnha biex jivverifikha.”
Inkun pront nidħol f’diskorsu. Allura għalik li klabb jissospendi plejer mhix aħbar?
“Aħbar li tħabbara iva. Imma li tagħmel mistoqsija lill-plejer wara l-logħba u ssaqsih jekk jaħsibx li ta risposta lill-klabb wara li kien sospiż ma naħsibx li hi etika. Jien nassigurak li l-ebda klabb ma jieħu pjaċir jissospendi plejer tiegħu. Meta ssir għax ikun hemm raġunijiet ovvji.”
Inkompli nitkellem fuq dan is-suġġett ma’ Stephen. Donnu jġegħilni naħseb li l-ġurnalisti ma tantx huma għal qalbu.
“Lanqas xejn. Ħafna mill-ġurnalisti nirrispettahom ħafna imma kultant nara ċertu kummenti li ma jkunux flokhom jew jistgħu jiġu evitati. Aħna għandna l-prinċipji tagħna u r-regoli tal-klabb se jkunu japplikaw għal kulħadd l-istess u mhux għal xi wħud iva u għal oħrajn le.
Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu. Meta t-tim ħaqqu jieħu l-kritika se nkun jien stess li ngħidha. Imma meta t-tim ma jkunx ħaqqu l-kritika se nkun jien ukoll li niddefendih.”
Indawru d-diskors fuq Sliema Wanderers. Nitkellem miegħu fuq il-proġetti għal quddiem li għandu u li jista’ jkollu.
“Jien għandi żewġ għanijiet. L-ewwel wieħed hu r-rebħ ta’ l-unuri. Sliema Wanderers hu l-aktar klabb li rebaħ unuri u intenzjonat li nżommu fl-ewwel post ta’ din il-klassifika. “It-tieni għan hu li nwasslu lill-klabb f’pożizzjoni li bis-saħħa tal-grawnd li se jkollna li l-ikbar dħul jidħol minn hemm. Suppost għandna sa l-aħħar tas-sena 2009 biex nidħlu fih. Il-ħolma tal-ground hi ta’ kulħadd u l-ikbar konċentrazzjoni minn issa sa l-aħħar tas-sena d-dieħla se tkun fuq dan il-proġett.”
Huma fatti li bejn Sliema Wanderers u l-MFA m’hemmx l-aqwa relazzjonijiet. U dan għax għal dawn l-aħħar snin Robert Arrigo u Joe Mifsud kienu qishom l-Iran u l-Iraq. Nistaqsieh hux konxju ta’ dan kollu.
“Dik waħda mill-għanijiet immedjati li għandna. Għalija l-kwistjonijiet li kien hemm bejn Mifsud u Robert Arrigo huma tal-passat. Fil-ġimgħat li ġejjin se nitlob laqgħa ma’ Mifsud biex inpoġġi miegħu u nitkellmu ta’ żewġt irġiel. Nemmen li Sliema Wanderers huma bżonn l-MFA u bil-kontra. Nixtieq li l-affarijiet tal-passat jintesew u kollox jerġa’ jiġi lura għan-normal. Minn naħa tagħna mhu se jkun hemm xejn li jżommna lura milli jkollna l-aqwa relazzjoni ma’ l-MFA. Issa sta għall-MFA u Mifsud jekk iridux jagħmlu paċi ma’ Sliema Wanderers.”
Ngħidlu jekk għandux xi pjan biex f’Ta’ Qali nibdew naraw aktar partitarji Slimiżi jsegwu lit-tim u x’beħsiebu jsir biex il-klabb ikollu l-leħen tiegħu. Ir-risposta tkun mill-ewwel.
“Fil-ground veru li Sliema Wanderers mhux l-aktar tim li jtella’ partitarji iżda minn dawn l-ewwel ġimgħat stajt ninduna li l-klabb Slimiżi hu fost l-aktar popolari fil-pajjiż. Se nżommu l-istess tip ta’ struttura fejn tidħol il-media u beħsiebna nkabbru r-reklamar tagħna ma’ kullimkien.
Il-programm Sliema Review se nżommuh, nippruvaw inkabbruh u nirranġawh.”
L-aħħar mistoqsija tkun l-aktar waħda obbligatorja. Hi iebsa biex wieħed ilaħħaq man-negozju kif għandu Stephen u klabb tal-futbol. Żgur li għandu għajnuna mhux ħażin minn ta’ ġewwa.
“Kont naf li f’dawn ix-xhur se nittraskura xi ftit ix-xogħol personali tiegħi iżda fi ftit ġimgħat oħra nerġa’ naqbad it-triq tan-normalità ta’ kuljum. Bħalissa hemm ħija u l-lavranti jieħdu ħsieb u ta’ dan nixtieq nirringrazzjahom ħafna.
“Nixtieq nirringrazzja lill-mara tiegħi tal-paċenzja li tieħu bija. Hi taf li l-futbol inħobbu ħafna u meta jien iddiskutejtha magħha aċċettat mill-ewwel anki jekk kienet taf li se tkun qed tagħmel is-sagrifiċċji li qed nagħmel jien.
“U ma nistax ninsa anqas lil Robert Arrigo. Dawn l-aħħar tmien xhur iltqajna kważi kuljum u fija wera fiduċja sħiħa mill-ewwel. Hu unur kbir għalija li ftit jiem wara li ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga ċempilli u xtaq li nkun jien li nimla s-siġġu tiegħu. Hu l-ewwel persuna li jiġini f’moħħi meta naħseb fuq Sliema Wanderers.”
Sakemm jakkumpanjani sal-bieb ta’ barra jkellimni fuq ċerti żbalji li setgħu saru fil-passat fil-klabb. Għalkemm xejn b’ċertezza jagħtini indikazzjoni min huma dawk il-plejers li se jkollhom jilbsu flokk ieħor fi ftit ġimgħat. Ninżlu l-istess taraġ ta’ fuq barra. It-triq għal barra kienet l-istess waħda ta’ qabel imma bil-kontra. Jien u ħiereġ niltaqa’ ma’ Stephen Azzopardi li nzerta dieħel. Kif nieqfu karozza ma’ karozza nistaqsieh kienx lejn dawn in-naħat b’kumbinazzjoni. It-tnejn nidħku. Stephen deher mgħaġġel. Probabbli li fuqu kellu l-lista finali ta’ min hu ġewwa ġewwa u min hu barra barra….
|
|
Franica Pulis tintervista lill-
Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima
Editorijal

Il Punt
Adrian Gellel

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|