Pjazzetta | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Nhar it-Tlieta li għadda fetħet l-ewwel wirja kommemorativa ta’ Ebba von Versen Balzan imtellgħa minn żewġha Saviour Balzan u NUVO art & dine, ristorant Ġermaniż f’Wied il-Għajn, li fih il-koppja Balzan qattgħu l-aħħar ikliet flimkien.
Il-wirja, kif jgħid l-isem, Ebba’s Sketchbook, hi waħda ta’ madwar 65 skizzi magħżula minn studenta ta’ l-Arti. Minn dawn l-abbozzi, li jittrattaw l-aktar pajsaġġi Maltin u barranin u mużiċisti, joħroġ ix-xogħol bażiku li kien jispira lil din l-artista Ġermaniża-Maltija li mbagħad kien iwassalha għal xogħlijiet akbar.
Silta min-nota li kiteb Saviour Balzan dwar martu u l-arti tagħha tgħid: “ Din il-wirja hi mod kif jien niċċelebra il-memorja tagħha fi żmien qasir mindu mietet. Għalija kienet esperjenza li niskopri x-xogħol estensiv tagħha fl-istudjos tagħha f’Malta u fi Brittany.
Ix-xogħlijiet hawnhekk huma biss togħma tan-numru kbir ta’ skizzi li għadhom ma ntwerewx.
“Artistikament m’għandix ħila niddeskrivi l-profondità ta’ xogħolha. Ebba dejjem kienet tgħid li mhux importanti li tifhem pittura – jekk tnissillek emozzjoni u togħġbok jew tfisser xi ħaġa għalik – mela l-pittura tiswa xi ħaġa.”
Id-Direttur ta’ l-Arti, Vince Briffa, fil-ftuħ tal-wirja qal: “Meta titkellem dwar il-ktieb ta’ l-iskizzi ta’ artist, fir-realtà tkun qed titkellem dwar ix-xewqa li ġġiegħlu jpinġi dak li josserva mill-ħajja u dwar id-djarju personali li ssawwar mill-ġrajjiet li ġarrab matul il-vjaġġ ta’ ħajtu.Sketchbook hu post fejn wieħed jiddjaloga miegħu nnifsu, jiddisinja, jikteb u jħażżeż – hu xhud ta’ l-iktar mumenti intimi ta’ l-esperjenzi ta’ persuna.
“Għandna l-privileġġ li nkunu xhieda ta’ din il-kollezzjoni. Ebba mhux biss qed tippreżentalna tifkira ħajja tal-postijiet li marret fihom biex tpinġi jew tħażżeż imma wkoll kollezzjoni modesta li turina teknika u kreattività, progress fl-ideat tagħha u investigazzjoni f’forom, kuluri u karattru. Aktar minn hekk, permezz dan ix-xogħol, Ebba tesponi l-moħħ kurjuż u għarbiel tagħha.”
Ebba’s Sketchbook qed tittella’ f’NUVO art & dine, f’104, Triq iż-Żonqor, Wied il-Għajn. L-iskizzi jinsabu għall-bejgħ u l-qligħ imur kollu għal Din l-Art Ħelwa. |
|
Franica Pulis tintervista lill-
Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima
Editorijal

Il Punt
Adrian Gellel

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|