MediaToday

Emmanuel Micallef | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86

It-Tarzna: issa daqshekk!

It-Tarzna tinsab agunija. Sa l-aħħar ta’ din is-sena tkun midfuna.
Fl-ewwel tas-sena d-dieħla nibdew nitkellmu dwar kif darba kellna żewġ tarzni - waħda għat-tiswija u l-oħra għall-bini tal-vapuri. Minflokhom jinbtu azjendi oħrajn, possibbilment relatati mal-qasam marittimu, immexxija mill-privat b’inqas impjegati iżda b’iktar effiċjenza u bit-tama li jgawdu minn profitti sostanzjali.
L-importanti li dawn l-azjendi joħolqu l-impjiegi u jħallsu t-taxxi fil-Kaxxa ta’ Malta. Skond diskorsu dan hu li jixtieq il-gvern. Skond il-gvern ukoll m’hemmx triq oħra għax lanqas kieku jrid ma jistax jgħin lit-Tarzna tqum fuq saqajha.
Is-sussidji m’għadhomx soluzzjoni. Mhux biss għax hekk tordna l-Unjoni Ewropea iżda għax hekk irid il-gvern stess u hekk jaħsbuha ħafna miċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi u jixtiequ jaraw l-infieq tal-gvern imur fejn jirrendi. Il-gvern iddeċieda x’se jagħmel u l-pjan lest. L-ebda task force m’hu se tibdel id-deċiżjoni tal-gvern. Anki kieku jkun aċċettat it-twaqqif ta’ din it-task force ta’ emerġenza, fuq l-aġenda mhux se jkollha “x’għandu jsir” għax dak deċiż. L-iktar li tista’ tagħmel it-task force hi li tiddiskuti u tasal biex tiftiehem dwar “kif se jsir” dak li diġà hu fatta.
Il-Gvern ħema l-pjan minn taħt u issa se joħorġu fil-beraħ biċċa biċċa għalkemm mill-konferenza stampa li ta l-Prim Ministru diġà ntqal biżżejjed biex kulħadd ikun jaf x’se jiġri mit-Tarzna u l-ħaddiema tagħha. Għamel ħażin il-gvern li ma kkonsultax ma’ kulmin hu konċernat qabel ma fassal il-pjan tiegħu, kif għamlet ħażin il-GWU li ma ħasbitx li l-gvern seta’ jaħsadha u jsibha fuq sieq waħda. Ma kellhiex għalfejn teħodha b’sorpriża!
Ikun agħar issa li biex jiltaqgħu l-partijiet konċernati joqogħdu jagħmlu l-kundizzjonijiet lil xulxin u jibqgħu jtawlu biex jiltaqgħu għax dan ikun biss telf ta’ żmien bil-ħaddiema tat-tarzna jtertqu qalbhom bl-inċertezza.
X’inhu l-pjan tal-gvern għat-Tarzna?
L-ewwel li jagħmel hu li joħroġ l-iskemi ta’ l-irtirar kmieni għall-ħaddiema. Jagħmel dan biex inaqqas kemm jista’ jkun in-numru ta’ impjegati. B’hekk ikun iktar faċli biex it-Tarzna tkun tista’ tinbiegħ lill-privat. Il-gvern jaf ukoll li ħafna ħaddiema ilhom jistennew li “toħroġ is-somma” u bosta minnhom xtaqu li ħaduha qabel iżda ma kinux tħallew.
B’dan il-mod ukoll inaqqas ħafna mis-saħħa tal-GWU għal żewġ raġunijiet. Inaqqsilha s-saħħa fin-numru ta’ imseħbin u fl-istess waqt jikkawżalha problema interna għax ikun hemm membri li jridu jitilqu mit-tarzna bis-somma u oħrajn li ma jkunux lesti jaħdmu mal-privat u oħrajn li akkost ta’ kollox iridu jżommu l-impjieg li għandhom illum. Dan joħloq diffikultajiet għal min jirrappreżenta lill-ħaddiema fin-negozjati.
Fl-istess ħin li jagħmel dan il-gvern joħroġ sejħa internazzjonali mingħajr ma jeskludi investituri Maltin, għax f’pajjiżna hawn min imexxi tarzni li jagħmlu l-qliegħ, biex it-Tarzna tkun privatizzata.
X’aktarx li l-Gvern, permezz ta’ l-Unit tal-Privatizzazzjoni, jagħmel dan billi jalloka partijiet speċifiċi mill-artijiet li għandha t-Tarzna f’Bormla u fil-Marsa waqt li jżomm partijiet oħra li jkun jista’ jutilizzahom għal proġetti kapitali min-naħa tiegħu jew li jista’ joffri għal attivitajiet kummerċjali li mhux neċessarjament għandhom x’jaqsmu mas-settur marittimu.
Żgur li l-gvern jaħseb biex jattira investituri li jispeċjalizzaw f’niche markets bħalma hu l-yachting. X’aktarx li mhux vijabbli li t-Tarzna tinbiegħ bħala azjenda waħda kbira iżda iktar jagħmel sens li minflok tkun offruta taħt forma ta’ units b’operazzjonijiet kummerċjali differenti iżda kumplimentari għal xulxin. Dan ikun jippermetti wkoll biex il-ħaddiema li jibqgħu fuq il-kotba tat-Tarzna jkollhom l-għażla fejn jistgħu jieħdu l-impjieg skond il-ħiliet tagħhom iżda b’kundizzjonijiet tax-xoghol differenti.
Minn dan il-proċess imbagħad il-gvern ikun jinħtieġlu jieħu deċiżjonijiet politiċi fejn irid jaħfer id-djun li għandha preżentement it-Tarzna. Irid jieħu fuq spallejh l-obbligi li għandha t-Tarzna fil-konfront tal-pensjonanti; jemenda l-liġijiet speċifiċi li jirregolaw lit-Tarzna bħala entità pubblika u jirregolarizza jew jagħmel tajjeb għall-obbligazzjonijiet oħra li għandha t-Tarzna bħalma huma akkwist ta’ proprjetà, garanziji fuq kuntratti ta’ xogħol u l-bejgħ ta’ faċilitajiet oħra.
Jekk jiġri dan kollu t-Tarzna tkun ingħalqet. Jintemm l-aħħar kapitlu fl-istorja ta’ din l-azjenda u magħha jintemmu l-impjiegi tal-ħaddiema tagħha. Li tista’ tagħmel il-union f’dan l-istadju hu li tiġġieled għall-impjieg tal-ħaddiema – mhux l-impjieg fit-Tarzna jew dak li għandhom illum imma impjieg alternattiv! Mill-bqija ma tista’ tagħmel xejn.
Inutli toqgħod twaħħal fl-ineffiċjenza tal-maniġment. Inutli toqgħod tibki fuq il-mejjet. Inutli toqgħod tgħid li t-task-force tista’ tagħmel il-mirakli. Inutli tippretendi li t-Tarzna għandha tibqa’ kif inhi! Għal magħmul m’hemmx kunsill!
Fatt wieħed hu ċert: li l-gvern għandu s-saħħa li jagħmel dan kollu filwaqt li l-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tat-Tarzna m’għadx għandha s-saħħa li xxejjen jew trażżan lill-gvern milli jilħaq l-għan tiegħu.
Kien hemm żmien fejn il-GWU qalet lill-gvern “Issa daqshekk”!
Illum se jkun Lawrence Gonzi li mhux biss jgħid, imma jwettaq, “Issa daqshekk” lil Tony Zarb fil-kwistjoni tat-Tarzna.

Intervista

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima



Il Punt
Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel
Adrian Gellel



Emmanuel Micallef
It-Tarzna: issa daqshekk!


Carmelo Mifsud Bonnici

Għal dawk li jistgħu jgawdu



X'kien Jgħid
Kaxxa mhix daqshekk magħluqa



Wenzu Mintoff
Pantouflage


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan