Ittri | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86
Minn Roderick Vella
Ħaż-Żabbar
It-tmexxija tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss issa hi kompluta.
Ma jistax jonqos li permezz ta’ din il-gazzetta nawguralhom għal tmexxija serja u onesta għall-ġid tal-Partit Laburista u tal-gżejjer Maltin.
Awguri għall-ħidma ħabrieka, effettiva u mill-qalb biex ix-xogħol li jwettqu jwassal għas-suċċess tant mixtieq mil-Laburisti.
Issa żmien l-għażliet għadda. Issa ż-żmien li mill-paroli u l-proposti ngħaddu għall-fatti biex tassew dan il-partit nagħmluh l-akbar forza politika fil-pajjiż.
Joseph Muscat hu mexxej żagħżugħ, simpatiku, dinamiku, umli u determinat li jqajjem fuq saqajh il-partit u jwettaq dak kollu li wiegħed. Il-bidu kien wieħed inkorraġanti ferm. Fid-diskorsi tiegħu, fil-laqgħat li kellu u wisq aktar fl-impatt li ħalla mal-media f’kull programm li deher jimlini b’kuraġġ.
Muscat qed juri l-ħiliet u l-kapaċitajiet kbar li għandu u bil-provi qed juri li wara Joseph m’hemm ħadd jieħu d-deċiżjonijiet għalih. Prosit tassew!
Qed jirnexxielu jikkonvinċi u jressaq nies lejn dan il-partit li qabel ma tantx konna nattiraw. Kulħadd qed jistenna t-terremot li qalilna bih. Ninsab konvint li dan se jseħħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għall-ġid tal-partit biex ikun organizzat, modern u serju. B’hekk inkunu qed nagħtu prova ċara li lesti niftħu staġun politiku ġdid fil-pajjiż.
L-Avukat Anglu Farrugia, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament se jkollu rwol importanti ħafna fil-qadi ta’ dmirijietu speċjalment fid-dawl tal-fatt li se jkun il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni sa Settembru li ġej jew sa meta Muscat isib postu fil-Parlament.
Id-delegati għażlu lill-aktar wieħed li għandu esperjenza fil-Parlament u din wieħed jifhimha għax irid ikun ta’ spalla għall-mexxej żagħżugħ li qatt ma kien fil-Parlament Malti.
Farrugia hu bniedem ta’ prinċipji sodi, determinat u li kien dejjem leali lejn il-partit u l-mexxejja tiegħu. Ma npinġux il-passat tiegħu bħala kollox ikrah u ħażin, lanqas meta kien fil-Pulizija. Forsi vera għandu dehra raffa u li ma tantx tiġbdek imma dejjem ikun kapaċi jattira votanti kemm Laburisti kif ukoll ta’ tendenzi oħra.
Narah jikkumplimenta tajjeb ma’ Muscat.
Min-naħa l-oħra l-Avukat Toni Abela, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, rajt fih il-bniedem ideali għal din il-kariga sa mill-bidunett. Xogħlu strettament fi ħdan il-partit, l-organizzazzjoni, l-istrutturi u l-immaġni ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Partit Laburista.
Għoġobni ħafna l-programm li fassal għall-kampanja tiegħu u l-mod kif iħares lejn il-kumitati u ċ-ċentri lokali u kif irid jiżviluppa aktar il-komunikazzjoni bejn kull livell.
Hu raġel mogħni b’esperjenza vasta fil-kamp politiku Malti. Narah bħala l-persuna ideali biex flimkien mal-mexxej jagħmlu t-tibdiliet kbar li hemm bżonn isiru fil-partit b’suċċess. Barra li kien l-uniku wieħed li qal li mhux qed jaspira għal xi siġġu fil-Parlament għax irid jikkonċentra biss fuq il-partit.
F’għajnejja Abela hu l-prova li kulħadd hu aċċettat lura fi ħdan il-familja Laburista anki jekk kien għal xi żmien maqtugħ mill-partit. Ikolli nammetti li fuq nota personali nsegwi ħafna l-kitbiet tiegħu u jolqotni ferm l-istil ta’ kitba u anki kif jirribatti argument.
Minn qalbi nawguralhom li jkunu tim magħqud, tim li kulħadd joffri ruħu għas-servizz ta’ xulxin għall-ġid tal-partit, tim li jkun wieħed rebbieħ.
Kuraġġ lilhom it-tlieta għax għandi fiduċja fihom ilkoll. Ċert li l-fiduċja tagħna l-Laburisti se jsarrfuha f’ħidma bla heda b’riżq il-Partit Laburista.
|
|
Franica Pulis tintervista lill-
Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima
Editorijal

Il Punt
Adrian Gellel

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|