MediaToday

Intervista | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima

Din is-sena tgħammdet għad-Djalogu Interkulturali. Il-Kavallier ta’ San Ġakbu, li qed imexxi programm ta’ attivitaijiet għal sena sħiħa, ħa ħsieb li jagħżel erba’ ambaxxaturi għal sena daqshekk importanti. Waħda minnhom hi l-organizzazzjoni kulturali Mediterranja, Inizjamed, li twaqqfet 10 snin ilu b’wieħed mill-għanijiet tagħha jkun li ‘ġġedded l-espressjoni artistika f’Malta fid-dawl ta’ għarfien aħjar tal-varjetà kulturali li teżisti f’pajjiżna, fir-reġjun tal-Mediterran u lilhinn’.
Din il-gazzetta ltaqgħet mal-Koordinatur tal-għaqda, il-poeta Adrian Grima, biex tiddiskuti x’inhu djalogu interkulturali u għaliex bħala Maltin għandna bżonnu. Jibda biex jgħid li l-membri tal-għaqda kienu kuntenti li l-Istat Malti għaraf il-kontribut li qed jagħtu biex ikun hawn djalogu bejn il-kulturi.
“Bi djalogu bejn il-kulturi jien nifhem kulturi minn artijiet differenti. Biex ikollok djalogu interkulturali jrid ikollok kulturi differenti li mhux biss jiltaqgħu imma li jiddakkru minn xulxin. Aħna l-ħin kollu niltaqgħu ma’ kulturi oħrajn speċjalment meta l-popolazzjoni tittrippla fis-sajf. Iżda ma jfissirx li jkun hemm djalogu,” qal Grima.
Iġib l-eżempju ta’ Annabelle Black li fl-1996 ippubblikat studju dwar Negotiating the Tourist Gaze: The Example of Malta. Fih Black kitbet: “There are many areas of Maltese culture and way of life that remain totally ‘unmarked’ by the tourist operators and organisers.”
“Aħna noħolqu spazju privat u ieħor pubbliku. Ma jistax ikollok djalogu jekk tkun bnejt ħajt li jifred. Imma fl-istess ħin importanti wkoll li jkun hemm l-ispazju privat inkella ma tistrieħx.
“F’dan il-kuntest, ir-relazzjoni ma’ l-immigranti u dik mat-turisti hija differenti. L-immigranti ma jfittxux l-attenzjoni, anzi jippruvaw jinħbew, mentri t-turisti jridu jaraw il-pajjiż u kultant jitħalltu.”
Il-letteratura hi l-ideali għall-iskambju għax permezz tagħha tħares lejn dak li hu ġewwieni mhux dak li jidher minn barra biss. Grima jispjega li permezz tal-laboratorji internazzjonali tat-traduzzjoni letterarja li torganizza Inizjamed issir taf aktar lilek innifsek għax tidħol fid-dinja tax-xogħol tiegħek stess. Fl-istess ħin, wara ġimgħa flimkien, tiskopri mal-bqija tal-kittieba d-dinjiet tagħhom u tal-kitbiet li jsawru.
Jitħaddet ukoll dwar proġett ieħor li ħadmu fuqu. Il-kittieba ta’ Inizjamed għamlu rivalutazzjoni tan-narrativa nazzjonali tagħna: Aħna kif nirrakkuntaw lilna nfusna bħala Maltin? Ir-riżultat ta’ dan il-proġett ħareġ fil-ktieb F’Kull Belt Hemm Kantuniera li kien ippubblikat fl-2003.
“Għal ħafna raġunijiet, fosthom ir-romantiċiżmu letterarju u storiku tagħna, ħafna drabi l-Maltin ‘proprja’ għalina huma n-nies tar-raħal li jitkellmu bid-djalett jew li baqgħu lura. Għadna sa llum b’din l-idea: min ikun irid jagħmel parodija tal-Maltin aktarx jilbes qorq u jibda jitkellem bl-‘imgħawweġ,’ anki jekk qatt ma jkun tkellem bih f’għomru! Imma matul is-sekli dejjem kellna l-kosmopolitaniżmu f’pajjiżna, l-aktar fil-Belt u fil-Birgu.
“Fl-Istorja tagħna hemm sekli sħaħ ta’ taħlit ma’ kulturi oħrajn. Dan jgħiduh l-istoriċi ewlenin tagħna, mhux qed ngħidu jien. Il-kultura fl-ibliet fi żmien il-Kavallieri kienet simili għal dik fi bliet oħra Ewropej.
“It-taħlit tagħna hu r-riżultat tar-reġjun li ngħixu fih. Iżda sar għandha konnotazzjoni negattiva tiegħu. Għalhekk inħossu li importanti ngħidu li l-Maltin, speċjalment fl-irħula, kienu qishom maqtugħin mill-bqija tad-dinja.
“Imma Malta mhix biss l-irħula kif jirrakkuntahom Dun Karm imma wkoll il-Belt, li fil-poeżiji tiegħu jassoċjaha mal-ħażen u mat-tniġġis. Imma l-Maltin mhumiex dawk biss. Hemm ukoll il-kulturi differenti li għexu u għadhom jgħixu fostna. Dan il-preġudizzju kontra l-belt kosmopolitana jew multi-etnika hu wirt tar-romantiċiżmu li għandna bżonn neħilsu minnu darba ghal dejjem.”
Isemmi wkoll il-bżonn li jinbidlu l-kotba ta’ l-Istorja fl-iskejjel minħabba li jħallu wisq affarijiet barra, speċjalment l-istorja ta’ l-emigrant Malti. Xejn mhemm x’tistagħġeb meta tqis li Id-Denfil ħa madwar 33 sena biex jinqata’ mill-iskejjel.
“Lejn l-aħħar tas-Seklu 19, jidher li mal-50,000 Malti kienu jgħixu fil-pajjiżi tal-Mediterran. Fl-Alġerija biss biss kien hemm mal-15,000 ruħ. Fit-Tuneżija 11,000; fl-Eġittu 7,000; fi Tripli 3,000; f’Konstantinopli 3,000 u fil-Gżejjer Joniċi 1,500.
“Ħadd ma jitkellem dwarhom u dwar ir-razziżmu li batew fost l-Ewropej, speċjalment fost il-Franċiżi fl-Alġerija, fiż-żmien meta ħafna Maltin kienu qegħdin jemigraw lejn dan il-pajjiż b’ta fuqhom senduqhom u ġieli ħafjin.
“L-Ewropej li kienu hemm kienu jqisu lill-Maltin inferjuri għax f’għajnejhom la kienu Ewropej u lanqas Għarab. Fl-iskema kolonjalista, kienu meqjusin l-inqas fost l-Ewropej iżda ħarira aħjar mill-Għarab. Il-lingwa kienet tiddistingwina bħala mhux Ewropej għax konna nistgħu nikkomunikaw mal-Għarab. Imbagħad aħna, sfortunatament, writna l-preġudizzju kolonjalista li dak li hu Malti hu inferjuri għal dak li ġej mill-Ewropa ta’ Fuq u li l-Għarab u l-Afrikani huma inferjuri.”
Il-Maltin ma sofrewx il-preġudizzju fil-Mediterran biss. L-affarijiet li jingħadu dwar l-immigranti f’Malta, li se jeħdulna n-nisa u l-kultura tagħna, kienu jingħadu fuq il-Maltin fl-Awstralja. Mill-ktieb ta’ Barry York, Empire and Race: The Maltese in Australia (1881-1949), joħroġ li fi żmien il-Gwerra l-Kbira, meta eluf kbar ta’ suldati Awstraljani kienu qed jiddewwew f’Malta, il-gazzetti fl-Awstralja kienu jqisu lill-immigranti Maltin bħala ‘the Maltese “Black Menace”’ (it-theddida sewda Maltija) u ‘cheap, “coloured” labour’ (ħaddiema ta’ kulur li jitħallsu bis-soldi). Saħansitra kienu jwissu biex l-Awstraljani jibżgħu għan-nisa tagħhom: ‘Preserve your womenfolk from the contamination of black men’ (Żommu ’l bogħod in-nisa tagħkom mill-kontaminazzjoni ta’ l-irġiel suwed).
York, li kien storiku ta’ nisel Malti, jikkwota mill-Brisbane Worker tat-12 ta’ Ottubru, 1916, ‘To the Australian Workers’ Union, the Maltese were nothing but “coloured job-jumpers,” who had to be isolated and black-banned” (Għall-Union tal-Ħaddiema Awstraljani, il-Maltin ma kienu xejn għajr nies ta’ kulur li jisirqu x-xogħol ta’ ħaddieħor u għalhekk kellhom jitwarrbu u jitkeċċew).
“Illum il-preżenza f’Malta ta’ persuni Afrikani ftit li xejn taffettwa kif inħarsu lejn il-kultura tagħna. Jekk ikollna attitudni serja u pożittiva lejn il-preżenza tal-barranin f’pajjiżna, huma min huma, il-kultura ta’ pajjiżna tistagħna.”
Jitkellem ukoll dwar kemm il-Maltin faċli jħossuhom awto-suffiċjenti minkejja li niddependu minn ħaddieħor f’bosta oqsma importanti.
“Bħala gżira li sofriet matul is-snin faċli naħsbu li nistgħu ningħalqu nfusna u ninsew li aħna lkoll interdipendenti. Faċli ngħidu li la jien qed naqra l-letteratura Maltija m’għandix għalfejn naqra dik Ingliża. Ikolli studenti li ma jifhmux għaliex, bħala studenti tal-Malti, għandhom jaqraw ukoll kotba b’lingwi oħra.
“L-interdipendenza tal-ġnus qed tidher dejjem aktar f’oqsma differenti. Biżżejjed taħseb fi kwistjonijiet attwali bħall-kriżi fil-prezzijiet taż-żejt, il-qbid tat-tonn fil-Mediterran u t-tibdil fil-klima.”
Grima jsemmi l-proġett internazzjonali, Literature Across Frontiers (LAF), li fih involuta Inizjamed. Wieħed mill-għanijiet tiegħu hu li jkattar id-djalogu kulturali bejn il-pajjiżi Ewropej u ma’ oħrajn lilhinn mill-Ewropa permezz tal-letteratura. Għan ieħor hu li jħeġġeġ diversità akbar fil-pubblikazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa u lilhinn permezz ta’ traduzzjonijiet u avvenimenti letterarji internazzjonali.
Minħabba l-kuntatti li bniet ma’ kittieba, artisti u operaturi kulturali fir-reġjun, il-koordinaturi ta’ dan il-proġett jaraw ħafna lill-Inizjamed bħala punt ta’ riferiment fil-Mediterran.
“Jekk veru li bħala Maltin irridu rwol internazzjonali partikulari, irridu nistabbilixxu ruħna fir-reġjun. Pereżempju għandna bżonn nibdew naħsbu dwar il-letteratura tagħna u nippromwovuha bħala letteratura tal-Mediterran. Din il-viżjoni tħajjar lill-kittieba Maltin biex iħarsu iktar lejn ir-reġjun tagħhom u jiddakkru minnu. Din tkun ukoll strateġija ta’ promozzjoni għal-letteratura tagħna. Letteratura Maltija li hi wkoll letteratura ta’ reġjun sħiħ.”
Il-Koordinatur ta’ Inizjamed ma jħossx li r-reliġjonijiet joħolqu l-firda bejn il-popli anzi jemmen li peress li fil-Mediterran “hemm ħafna diversità, dan ir-reġjun jagħti l-opportunità lill-ġnus u t-twemmin differenti biex jiltaqgħu.”
Iġib l-eżempju tad-Dumnikani li skond Patri Ġwann Xerri f’Lixandra, għandhom ċentru kbir u prestiġjuż ta’ studju dwar l-Iżlam.
“Għalija dak eżempju mill-aqwa ta’ djalogu interkulturali, li ordni Kattolika tħoss il-ħtieġa li tippromwovi l-għarfien ta’ reliġjon oħra bħall-Iżlam.”
Bħala artist hu nnifsu ma jemminx li l-artisti għandhom xi dmir li jservu ta’ mezz biex jippromwovu dan id-djalogu.
“Naħseb li l-artisti d-dmir tagħhom hu li jkunu artisti tajbin mhux li jlaqqgħu l-kulturi flimkien. Sikwit b’dak li jiktbu jqanqlu kontroversja u kunflitt mhux biss bejn kulturi differenti imma anki fi ħdan kultura partikulari.
“Kittieba ewlenija, Slavenka Drakuliç, kellha titlaq mill-Korazja għax kitbet dwar dak li għamlu ċerti Kroati fil-gwerra tal-Balkani. U hemm Torok li ma jaċċettawx dak li kiteb Orhan Pamuk dwar pajjiżu stess.
“Imma fl-istess ħin, meta l-arti tirrakkonta l-verità, u hekk għandha tagħmel, dik il-verità tgħin biex kultura tifhem lilha nfisha kif ukoll tgħin biex il-kulturi jifhmu lil xulxin.”
L-attività li jmiss ta’ Inizjamed hi l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li se jsir bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru f’Couvre Porte, il-Birgu. Fih se jieħdu sehem erba’ kittieba Maltin u sitt kittieba minn pajjiżi differenti tal-Mediterran.
Żur www.inizjamed.org.

Intervista

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima



Il Punt
Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel
Adrian Gellel



Emmanuel Micallef
It-Tarzna: issa daqshekk!


Carmelo Mifsud Bonnici

Għal dawk li jistgħu jgawdu



X'kien Jgħid
Kaxxa mhix daqshekk magħluqa



Wenzu Mintoff
Pantouflage


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan