MediaToday

Il Punt | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86

Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel

Tisma’ diversi li jgħidulek li r-reliġjon mhemmx postha fid-dinja. Imma jekk qabel t-teorija tas-sekularizzazzjoni kienet popolari, illum r-riċerka internazzjonali turi li r-reliġjon għandha aspett importanti fil-ħajja tal-bnedmin u tinfluwenza l-ħajja ta’ kuljum.
Hu diffiċli timmaġina li jispiċċa dak li għalih tant bnedmin iddedikaw ħajjiethom, enerġija, flus u demm tul il-millennji. Mhemmx biss fatturi kulturali imma hemm xi ħaġa li hi aktar profonda - marbuta mat-tfittxija tas-sens tal-ħajja nnifisha u mad-dimensjoni spiritwali li tinsab f’kull bniedem.
Hu proprju għalhekk li t-tagħlim tar-reliġjon isib postu fil-kurrikulu ta’ l-iskola. L-Edukazzjoni għandha r-responsabbiltà li tifforma l-bniedem sħiħ. Kurrikulu mingħajr l-edukazzjoni reliġjuża u spiritwali hi edukazzjoni nieqsa.
It-tagħlim tar-reliġjon isib postu fil-kurrikulu tal-pajjiżi kollha tal-Punent b’xi eċċezzjonijiet, u kuntrarju għal dak li diversi jistgħu jimmaġinaw, il-forma prinċipali ta’ dan it-tagħlim hu edukazzjoni permezz ta’ reliġjon waħda proprju kif inhi s-sitwazzjoni f’Malta. Ir-reliġjon hi bħal-lingwa li tagħtik il-kapaċità li tesprimi d-dimensjoni spiritwali. Fil-kuntest u ċirkostanzi partikulari tagħna, il-lingwaġġ Kattoliku sostna u żviluppa mod partikulari ħafna ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja, kif nirrelataw ma’ xulxin u kif nifmhu t-traxxendent.
Il-ħtieġa ta’ tiġdid ġejja mill-fatt li s-soċjetà Maltija qiegħda tinbidel b’ritmu mgħaġġel, kif ukoll mill-avvanzi fit-teorija u l-prattika fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Il-Knisja tħoss ir-responsabbiltà li tkun ta’ servizz u tagħti l-kontribut tagħha fil-formazzjoni ħolistika ta’ l-istudenti fl-iskejjel. Ix-xewqa li t-tagħlim tar-reliġjon ikun taħt il-lenti u li jkun hemm reviżjoni mhix ġejja biss mill-Knisja istituzzjonali imma mill-bażi ta’ l-istess Knisja.
Għal dawn l-aħħar snin, f’kull laqgħa Djoċesana, qamet il-kwistjoni tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel. Għal dan il-għan tnieda proċess, li issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar erba’ snin, fejn ġiet studjata s-sitwazzjoni lokali u internazzjonali. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-pajjiż u ta’ l-individwi, kif ukoll fid-dawl ta’ l-iżviluppi tat-teoriji edukattivi, ġie ippreparat dokument li jittratta b’mod speċifiku n-natura u l-għanijiet tat-tagħlim tar-reliġjon f’Malta.
Minħabba li t-tagħlim tar-reliġjon hu marbut ma’ l-istorja, mal-kultura, ma’ l-identità ta’ poplu u mal-mod speċifiku ta’ kif il-poplu esprima ruħu, ma jeżistix mudell wieħed ta’ tagħlim tar-reliġjon. Id-dokument konsultattiv li ġie ippreżentat fil-Konferenza Nazzjonali fit-12 ta’ Ġunju iffoka fuq l-identità tas-suġġett u kif din tista’ taqdi aħjar is-sitwazzjoni lokali.
Il-proposta hi li nimxu minn suġġett b’enfasi fuq il-kontenut għall-suġġett li jagħti kontribut fl-iżvilupp tad-dimensjonijiet emottivi, estetiċi, attitudinali kif ukoll spiritwali. Id-dokument jara l-possibbiltà li dan is-suġġett jagħti l-ħiliet li jkunu interpretati simboli li nbnew u li ntużaw tul is-sekli f’Malta. B’hekk l-istudenti jkollhom il-possibbiltà li jaslu jagħmlu u jirrispondu d-domandi eżistenzjali, jesprimu u jaffrontaw emozzjonijiet profondi, jibnu valuri u mod ta’ kif iħarsu lejn il-ħajja li jsostnihom fil-ħajja ta’ kuljum u jagħmilhom kapaċi janalizzaw b’mod kritiku s-soċjetà lokali u globali.
Wieħed jista’ jinnota li dan hu differenti minn dak li għandna s’issa fl-iskejjel. Id-dokument jipproponi li t-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel ikun distint mill-katekeżi li ssir fil-parroċċa proprju għax il-finalitajiet tal-kuntesti huma differenti.
Fost il-proposti prattiċi wieħed issib l-ħtieġa li l-istudenti mhux biss ikollhom għarfien ta’ reliġjonijiet oħra imma li jitgħallmu mis-sbuħija tagħhom. Il-proposta tibqa’ ssostni li t-tagħlim tar-reliġjon ikun permezz tar-Reliġjon Kattolika u dan biex ikun rispettat il-lingwaġġ li ntuża u li għadu jintuża f’Malta u jkunu rispettati l-istess studenti.
Proposta oħra hi li npoġġu taħt il-lenti s-sistema ta’ l-eżamijiet. Ma jistax ikun li l-istudenti ikunu sottoposti għal stress żejjed minħabba l-eżamijiet. Mill-banda l-oħra l-assessment hu neċessarju biex wieħed jevalwa fejn wieħed qiegħed fil-mixja edukattiva. Jista’ jkun li nimxu lejn sistema fejn l-assessment ikun wieħed kontinwu aktar mill-wieħed li jibbaża biss fuq l-eżami aħħari.
Żgur li dan id-dokument hu parti minn proċess li għadu ma ntemmx. Għad fadal ħafna xi jsir. Apparti l-elementi prattiċi ta’ bini ta’ sillabi u għajnuniet didattiċi għad iridu ikunu studjata u mibnija policies speċifiċi u jitkompla l-proċess tad-djalogu b’mod partikulari ma’ l-Awtoritajiet u l-Istituzzjonijiet Edukattivi. Il-ħsieb hu li minn hawn u sentejn oħra nibdew naraw l-ewwel tibdiliet fl-iskejjel tagħna.

Adrian Gellel hu responsabbli mill-katekeżi fl-iskejjel fl-Arċidjoċesi ta’ Malta

 

Intervista

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima



Il Punt
Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel
Adrian Gellel



Emmanuel Micallef
It-Tarzna: issa daqshekk!


Carmelo Mifsud Bonnici

Għal dawk li jistgħu jgawdu



X'kien Jgħid
Kaxxa mhix daqshekk magħluqa



Wenzu Mintoff
Pantouflage


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan