MediaToday

Editorjal | 22 ta’ Ġunju 2008 Nr 86

Aħrab it-tentazzjoni

Kulħadd kien tkaża meta l-uffiċjal tal-GWU, il-mibki Tony Coleiro, f’intervista ma’ Lou Bondì kien qal li bis-sussidju lit-Tarzna l-Gvern kien qed jagħti lill-ħaddiema l-ħabel biex jitgħallqu bih.
Coleiro kien qed jitkellem wara l-elezzjoni ta’ l-1998 meta l-Gvern il-ġdid kien qed jinnegozja ftehim kollettiv ġdid u jaħseb biex joħloq struttura ta’ maniġment biex it-Tarzna tqum fuq saqajha.
Kliem Coleiro ma niżilx tajjeb għax tqies bħala nieqes mill-apprezzament lejn is-sagrifiċċji li kien qed jagħmel il-pajjiż biex jissussidja azjenda li ħlief telf finanzjarju m’għamlitx.
It-Tarzna qatt ma rkuprat minkejja li l-Ministru Josef Bonnici, li taħtu kienet taqa’ l-azjenda dak iż-żmien, kien sostna li fuq medda ta’ ħames snin kellha tibda tagħmel il-qligħ.
Lanqas ma rkuprat wara l-ftehim mill-ġdid ta’ l-2003 fejn il-Gvern ħafer Lm300 miljun f’dejn li tgħabbew fuq il-bqija tal-poplu.
Illum kliem Coleiro jinstema’ profetiku. Is-sussidji ġenerużi li ngħatat it-Tarzna tul l-aħħar 20 sena kienu flus mormija f’bir bla qiegħ li komplew saħħew il-perċezzjoni negattiva tal-bqija tal-poplu kontra l-ħaddiema tat-Tarzna.
Is-sussidji bla tarf huma r-raġuni għalfejn il-ħaddiema tat-Tarzna llum jinsabu f’baħar imqalleb jgħumu weħidhom mingħajr appoġġ politiku u popolari.
F’ċirkostanzi bħal dawn ikun faċli li naqgħu għat-tentazzjoni kbira biex lill-ħmar il-magħkus inkomplu ngħakksuh.
Politikament jaqbel għall-Gvern li jaqbad ġlieda mal-ħaddiema tat-Tarzna, speċjalment f’mument fejn se jkun qed jgħabbi lill-poplu b’piżijiet kbar minħabba ċ-ċirkostanzi ekonomiċi globali.
Nisperaw li l-Gvern jaħrab din it-tentazzjoni, mhux tant għax ma jagħmilx ġid għall-pajjiż li jkun hawn taqlib industrijali bla bżonn, imma għax fin-nofs hemm l-għixien ta’ 1,700 familja.
Wisq nibżgħu li fil-kwistjoni tat-Tarzna terġa’ tirrepeti ruħha l-kummiedja li seħħet fil-privatizzazzjoni tas-Sea Malta fejn il-Gvern stess kien rema’ l-kumpanija meta nsista li jekk ma tkunx privatizzata jaqbad u jagħlaqha. B’dak il-kliem il-Gvern reħa minn idejh is-saħħa li jinnegozja prezz u kundizzjonijiet tajba għall-bejgħ fl-aħjar interess nazzjonali. Dakinhar tilfu l-ħaddiema u tilef il-pajjiż.
Nemmnu li t-Tarzna setgħet ma tasalx s’hawn kieku sar tentattiv onest u determinat biex tiddiversifika x-xogħol tagħha. Ma nifhmux għaliex ir-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-Appledore Report fl-1997 biex it-Tarzna tibda tagħmel xogħol differenti, fosthom fuq pannelli solari, qatt ma ġew implimentati.
Bl-art li għandha għad-dispożizzjoni, bil-ħiliet tal-ħaddiema tagħha, bl-istrutturi industrijali li għandha, nemmnu li t-Tarzna, jew parti minnha, setgħet tinbidel f’park għall-enerġija alternattiva. Il-Gvern seta’ sab sieħeb strateġiku u uża fondi Ewropej biex jiżviluppa ż-żona f’waħda ta’ innovazzjoni fejn mhux biss issir il-produzzjoni ta’ tagħmir marbut ma’ l-enerġija alternattiva imma wkoll ir-riċerka dwar dan il-qasam.
Bħala s-sid uniku bid-dritt li jaħtar il-bord tad-diretturi l-Gvern irid jagħti rendikont ta’ għemilu u għalfejn ir-ristrutturar ma ħasibx għal diversifikazzjoni sħiħa li seta’ wassal għal dħul ġdid lit-Tarzna.
Irid jispjega x’ħidma għamel il-maniġment biex jinġieb ix-xogħol u x’kuntratti ffirmaw, speċjalment meta qed jingħad li s-sitwazzjoni ħżienet f’dawn l-aħħar sentejn minħabba żewġ kuntratti partikolari.
Irid juri fejn naqsu l-ħaddiema u fejn naqas il-maniġment u fiż-żewġ każi għalfejn ma tteħdux passi korrettivi mill-ewwel.
Filwaqt li l-privatizzazzjoni tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet nittamaw li jekk isseħħ jitħares l-interess nazzjonali u l-ħaddiema jingħataw l-informazzjoni sħiħa dwar il-prospetti għall-futur.
Fiċ-ċirkostanzi jidher ovvju li l-għadd ta’ ħaddiema jrid jonqos. Nippreferu jekk tinstab soluzzjoni li ma twassalx għat-telf ta’ impjiegi. Imma jekk dan mhux possibbli jeħtieġ li l-ħaddiema jingħataw taħriġ u għajnuna biex isibu xogħol dinjituż fil-privat.
Nittamaw biss li l-Gvern m’għandux id-deċiżjoni moħmija diġà u kull tentattiv biex tinstab soluzzjoni ekonomikament u soċjalment vijabbli jkun biss duħħan intenzjonat ħalli jkisser lill-GWU u lill-ħaddiema tat-Tarzna.

Intervista

Il-Malti mhux biss tal-qorq u li jgħawweġ

Franica Pulis tintervista lill- Koordinatur ta’ Inizjamed Adrian Grima



Il Punt
Ir-riforma tat-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel
Adrian Gellel



Emmanuel Micallef
It-Tarzna: issa daqshekk!


Carmelo Mifsud Bonnici

Għal dawk li jistgħu jgawdu



X'kien Jgħid
Kaxxa mhix daqshekk magħluqa



Wenzu Mintoff
Pantouflage


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan