MediaToday

X’kien jgħid? | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85

Żwieġ ipprojbit

Waqt li qed nikteb dawn l-erba’ kelmiet għal ħemda tal-lejl miksura biss minn għerq ta’ iljunfant fil-forma ta’ werżieq, hawnhekk hawn ferment sħiħ minħabba deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Egizzjani li ma jħallux raġel ta’ 92 sena jiżżewweġ tfajla ta’ 17-il sena.
Issa jekk ħawħa bellusija ta’ 17-il sena biz-zokk mhux maqtugħ, fettlitha titlaqqam ma’ pruna mkemmxa, imnixxfa u mranġta biz-zokk ilu mwaqqa’, ngħid jien mhux affari tagħha, aktar milli ta’ l-awtoritajiet Eġizzjana u x’jidħlilhom u x’joħroġilhom tal-Ministeru tal-Ġusitizzja.
Mhux għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha? Hawn min iħobbhom sodi u kumpatti u hawn min iħobbhom imdendlin u mkaxkrin ma’ l-art. Din taż-żwieġ ipprojbit fl-Eġittu fakkritni f’Mabel Strickland meta biex tevita t-taxxa tas-suċċessjoni l-ewwel riedet taddotta lin-neputija mbagħad riedet anki tiżżewġu.
Ara biex jiret hawn min jagħmel kollox, biex dan il-povru kien se jiżżewweġ lil Mabel li lanqas fl-aħjar tagħha ma kien fiha x’tara, aħseb u ara meta kienet bolqot. Imbagħad minn kif nismagħhom jgħidu, Dom Mintoff li hu u Mabel baqgħu iggranfati f’xulxin sa l-aħħar, kien għamel Liġi li kienet tirrendi nulli dawn il-ħafna tranżazzjonijiet finta li riedet tagħmel Mabel biex tiskappa mit-taxxa.

California
F’din l-istess ġimgħa kellna wkoll l-aħbar mill-Qorti Suprema ta’ California li tat il-via libera għall-żwiġijiet ta’ l-istess sess. Aħbar li fiż-żminijiet li qegħdin tgħixu inthom aktar milli jiena għax m’għadnix ngħodd lili nnifsi aktar mal-ħajjin, m’għadhiex tagħti wisq skandlu.
Iż-żwieġ mhux sempliċi rit li jiġi mlibbes forma legali mill-Istat imma joħorġu minnu ħafna konsegwenzi prattiċi mill-ħlasijiet ta’ l-assigurazzjoni li jiġu ferm irħas għall-koppja miżżewġa sa drittijiet tas-suċċessjoni għal min imut mingħajr testment.
Sakemm ma jkunx hemm fin-nofs drittijiet ta’ terzi bħall-adozzjoni ta’ tfal minorenni, ta’ libertarju soċjalistà li dejjem kont, jien nemmen fil-politika ta’ live and let live, kuntenti huma kuntent kulħadd. Anki din li l-Knisja Kattolika moħħha biex tindaħal bejn il-friex u trid ta’ bilfors tisħaq li ż-żwieġ irid ikun miftuħ għall-prokreazzjoni.
Anki jekk mil-lat dottrinali dan jista’ jkun korrett, mill-aspett uman hi xi ħaġa li ma nistax nifhem minn Knisja li tgħallem l-imħabba u l-mogħdrija.

Il-Laburisti ta’ Malta
Isma’, aqtagħli l-kurzità, f’la piccola patria għandu jkun telgħu l-Laburisti fil-Gvern?! Għax fil-gazzetti ta’ Malta li nirċievu hawnhekk xi xahar u nofs tard, ħlief rappurtaġġi dwar x’qed jiġri fil-Partit Laburista ma taqrax. Imn’Alla l-Partit Laburista jinstab fl-istat konfużjonali li jinsab għax inkella ċerti programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq il-kaxxa tat-teleraġġ, ma kienx ikollhom biex jimlew.
Issa li tal-Labour għandhom tmexxija ġdida mimlija ħeġġa u enerġija, forsi tgħaddu għan-normalità u l-Gvern li għandkom ma jibqax imlaħlaħ jagħmel li jrid. Ħuti Laburisti, agħmlu moħħkom hemm u suq għax sebaħ. F’temp ta’ ġimgħa minn meta ż-żgħir laħħaqtuh mexxej, jidher li l-feriti bdew jagħlqu ġmielhom. Mhux bħal meta jien nieħu xi xkanatura ma’ l-art u bit-tilja zokkor li għandi nibqa’ ntabbab u l-feriti jdumu ma jagħlqu għal żmien twil.
Varist ġentlom, intelliġenti u ġeneruż bħal dejjem tfaċċa mill-ewwel fis-sala fejn sar ir-rally biex jappoġġa lil Joseph. L-istess għamlu Marie Louise u anki George Abela ftit tal-ġranet wara. George Abela altru milli għandu għalfejn ikun sodisfatt li ġie fit-tieni post bid-diffikultajiet kollha li kellu quddiemu. Li ġġib terz tad-delegati warajk bid-difetti kollha li kellu ma kinitx ħaġa faċli xejn affattu.
Iż-żgħir jekk jibqa’ jilgħab il-karti kif lagħabhom din il-ġimgħa, għandu futur politiku kbir assigurat quddiemu. Jalla ma jiddawwarx mill-yesmen, kif ħafna drabi jiġri lil dawk il-politikanti li jisimgħu biss dak li jgħodd għal widnejhom. Imma tajjeb li nirriservaw il-ġudizzju fuq Muscat għal wara l-honeymoon politiku tiegħu meta jkollu jgħaddi minn ġon-nar. Imma xi ftit jew wisq anki f’dawn l-ewwel ġranet kellu jimxi fuq il-ġamar, u l-impressjonijet li ħalla kienu tajbin ħafna.

 

Intervista
Bejn maħfra u apoloġija

Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef



Il Punt
Appell lill-Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Joseph Muscat
Patri Mintoff



Emmanuel Micallef
Maltemp fis-sajf?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Fidi, politika u persuni pubbliċi



X'kien Jgħid
Żwieġ ipprojbit



Wenzu Mintoff
Sine qua non


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan