MediaToday

Wenzu Mintoff | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85

Sine qua non

Nibqa’ nħobb dan il-pajjiż sakemm immut. Imma għax inħobb dan il-pajjiż b’qalbi kollha ma noqgħodx lura milli nikkritikah sforz kemm nixtiequ aħjar milli hu.
Sabiħ kemm trid, avolja fi żmien il-brodu kien ferm isbaħ milli hu llum. Iffullat iż-żejjed, imma aħjar hekk milli komplejna naqsmu l-familji bit-turufnament ta’ l-emigrazzjoni lejn artijiet imbiegħda. Klawstrofobiku mhux ftit, bejn minħabba ċ-ċokon ta’ l-art u l-baħar li jagħlqek ġo fih u li ma tistax timraħ jew taħrab minnu x’ħin ifettilek.
Għalkemm niffurmaw parti minn kontinent, il-baħar li jdawwarna, bis-sbuħija kollu tiegħu jikkalzrana fi gżira li tikkontrollalna mhux biss il-movimenti tagħna, imma anki l-mentalità ta’ kif naħsbu. Irridu jew ma rridux għandna mentalità insulari li ġġegħilna nkunu moħħna f’xulxin, nimpikaw, nitqabdu u ninfexxu f’xulxin.
Għandna wkoll parti mit-territorju tal-pajjiż li jbati minn insularità għal waħda tnejn, għax Għawdex li hu gżira fi gżira għandu dik li fil-jargon ta’ l-Unjoni Ewropea tissejjaħ l-insularità doppja. Proprju għalhekk Għawdex għadu mifni mill-piki parrokkjali iktar minn Malta.

Mario Grech
L-insulti kbar li saru lill-Isqof Mario Grech fix-xhur li għaddew fil-pagni ta’ l-ittri ta’ ċerti gazzetti minħabba r-reshuffle li għamel fl-arċiprieti u kappillani ta’ parroċċi ewlenin f’Għawdex huma xi ħaġa indeskrivibbli u ta’ barra minn hawn. Tista’ taqbel jew ma taqbilx mat-‘transfers’ li ta Monsinjur Grech u ma’ riformi oħrajn li qed jipprova jwettaq.
Imma li jkollok korrispondenti anonimi, evidentement membri tal-kleru, li qed jinfexxu f’dagħdigħa ta’ tgħajjir u insulti lejn l-Isqof tagħhom, hi xi ħaġa li ssibha biss f’din il-ġawhra ġo nofs il-Mediterran.
Ironikament hemm min qed jaqbad ma’ Mario Grech mhux għall-kompromessi li jkollu jagħmel mal-forzi konservattivi li huma ngastati fl-istrutturi tal-Knisja Għawdxija. Imma qed jaqbdu miegħu għall-fatt li bħala l-mentor spiritwali għandu lil Jon Sobrino, esponent ewlieni ta’ linja teoloġika progressiva favur il-fqar li hi qawwija ħafna fil-kontinent Latin Amerikan. Skond dawn il-korrispondenti anonimi Mario Grech għandu għalfejn jistħi li qed jassoċja ruħu ma’ Sobrino għax dan it-teologu hu ikkundannat mill-Kongregazzjoni Duttrina u Fidi tal-Vatikan. Akkuża li fattwalment mhix vera għax ix-xogħlijiet ta’ Sobrino ġew ikkritikati u mhux ikkundannati mill-Vatikan għar-raġuni li jenfasizzaw wisq in-natura umana ta’ Ġesù Kristu u jċekknu l-importanza tan-natura divina tiegħu.

Dakra
Minn għex u kellu ċ-ċans li għal żmien twil jimraħ ’il barra mill-erbgħa kantunieri ta’ din il-gżira, ħafna drabi jbati ferm inqas miċ-ċuċati u l-preġudizzji tal-mentalità insulari li nbatu biha aħna li bqajna ikkakkmati hawnhekk. Min iddakkar mill-mentalità Ewropea ta’ soċjetà miftuħa, mhux tribali u iktar tolleranti lejn l-ideat ta’ minn ma jaqbilx miegħek, meta jiġi biex jissettilja lura hawnhekk, se jġib miegħu fil-bagalja ftit minn din l-arja friska li nsibu fil-qalba ta’ l-Ewropa.
Anki fuq il-post tax-xogħol, u nista’ nikkonferma dan mill-esperjenza personali tiegħi, jistgħu jsiru l-paraguni f’dik li hi mentalità u attitudni ta’ min jokkupa pożizzjonijiet ta’ tmexxija, bejn minn kellu esperjenza ta’ studju u xogħol fit-tul barra minn Malta u bejn minn qatt ma nfatam imqar għal ftit mill-għeruq tiegħu f’dawn il-gżejjer.
U dan iġibni proprju għall-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar tmint ijiem minn meta Joseph Muscat inħatar Mexxej tal-Partit Laburista. Bl-esperjenza pożittiva li kellu fil-Parlament Ewropew f’dawn l-aħħar erba’ snin hu evidenti li Muscat iddakkar sew mill-mod ta’ kif issir il-politika Ewropea, li hi iktar konċiża, fiha inqas retorika u timxi ħafna lejn il-kompromess milli l-konfrontazzjoni, għax inkella togħtor u tistaġna.
Il-ġurnata minn filgħodu turik, jgħid il-Malti. L-ewwel deċiżjonijiet li ħa Muscat bħala Mexxej tal-MLP kien fihom valur simboliku qawwi, immirati l-aktar biex jinbena sens ta’ għaqda fil-Partit li ma kienx daqstant qawwi fis-snin li għaddew. Għadda żmien aktar minn biżżejjed biex il-Partit Laburista jirrikonċilja ruħu mal-passat tiegħu, billi jivvalorizza dak li kien tajjeb u jinqata’ minn dak li kien ħażin. Minn kien ilu għal snin twal fid-deżert politiku, għamel x’għamel bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu, għamel żmien biżżejjed jinqela u jitbaskat fir-ramel.
Ikolli nammetti li b’dak li rajt minn fuq il-palk il-Ħadd li għadda kont kommoss, l-aktar bl-għajnejn ilellxu ta’ partitarji ordinarji bħali, li għalihom il-Partit f’dawn l-aħħar snin ġab ħafna dispjaċir u ftit li xejn ferħ f’qalbhom.
Minn fuq il-palk rajt ukoll eks-Ministru partikolari li fil-passat iddwellajt u ssarajt miegħu mhux ftit. Rajtu ġenwinament kommoss bil-merħba li ngħata mill-miġgħema u bgħatt ngħidlu li sinċerament ħadt gost li rajtu fis-sala l-Ħamrun u li żmien l-uġigħ għadda u ma stajniex nibqgħu nweġġgħu iktar lil xulxin.
Apparti l-ġest minnu nnifsu ta’ Muscat li jfejjaq il-feriti u jfittex l-għaqda, b’hekk ingħalqet ukoll id-dikotomija bejn Old Labour u New Labour, li minħabba fiha kien inġema’ ħafna demm ħażin matul is-snin. Is-sens ta’ kontinwità storika hi vitali għal partit li qed joqrob il-100 sena tiegħu, li biex ikun jaf lejn fejn irid imur irid iżomm kontinwament f’moħħu kif kien faqqas u telaq jimxi għal għonq it-triq twila.

Free for all
Il-programm ta’ ħidma ta’ Muscat bħala Mexxej Laburista hu intensiv u ambizzjuż u jrid iż-żmien tiegħu biex jitwettaq. Imma għalija huma tnejn il-punti saljenti, sine qua non, li huma vitali għat-tħaddim tad-demokrazija f’dan il-pajjiż.
“Tiddaħħal liġi tal-Finanzjament Pubbliku tal-Partiti li tobbliga wkoll trasparenza fl-iffinanzjar ta’ l-istess partiti politiċi”. Mhux biex l-MLP isolvi l-problemi finanzjarji li għandu, imma biex tinqata’ kemm jista’ jkun id-dipendenza finanzjarja tal-partiti fuq sorsi privati li jagħtu donazzjonijiet li eventwalment ikunu jridu jsarrfu f’obbligazzjonijiet.
Hi qawwija wisq il-perċezzjoni u sintendi anki r-realtà li b’din is-sistema free for all ta’ donazzjonijiet li jissarrfu f’obbligazzjonijiet, hawn ċerti kuntratturi u spekulaturi li jagħmlu li jridu għax iġorru fil-but tagħhom lill-partiti politiċi.
Muscat qed jisħaq ukoll fuq il-bżonn li “tiddaħħal liġi li biha tkun ikkontrollata l-ħidma tal-Gvern waqt kampanja elettorali biex jiġi evitat l-abbuż ta’ poter”. Ma jistax ikun li s-sistema demokratika tibqa’ tiġi falzata u mgħawġa billi jinxtraw il-voti b’kull mod immaġinabbli.
Ġew issanati mijiet ta’ boathouses illegali, ingħataw iktar minn tmien miljun ewro bħala refunds tat-taxxi, kien hemm żieda qawwija fil-ħruġ ta’ permessi tal-bini, fl-allokazzjoni ta’ postijiet fin-numru ta’ dawk li ġew boarded-out, fin-numru ta’ impiegi u promozzjonijiet fis-settur pubbliku, fil-maħfriet ta’ multi u arretrati ta’ taxxa, lista interminabbli ta’ pjaċiri, tbażwir u taħwid li fil-parti l-kbira tiegħu seħħ meta l-Gvern kien caretaker u fid-dagħdigħa tal-kampanja elettorali jillaxkaw il-kontrolli u jitwarrbu l-inibizzjonijiet.

 

Intervista
Bejn maħfra u apoloġija

Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef



Il Punt
Appell lill-Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Joseph Muscat
Patri Mintoff



Emmanuel Micallef
Maltemp fis-sajf?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Fidi, politika u persuni pubbliċi



X'kien Jgħid
Żwieġ ipprojbit



Wenzu Mintoff
Sine qua non


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan