Sports | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85
Ftit nara dilettanti ta’ dan l-isport f’pajjiżna. Għalhekk ftit nara konxji tas-suċċess li se jkun għamel dan iż-żagħżugħ ftit tal-ġimgħat oħra jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma fil-mument.
Fuq skala internazzjonali fil-karozzi għandna l-Formula 1 u fil-muturi għandna l-Moto Gp. Fuq il-baħar għandna l-P1 fejn l-aktar dgħajjes veloċi fid-dinja jtellqu f’diversi pajjiżi differenti skond il-kalendarju. Forsi b’dan li għadni kif ktibt tistgħu tifhmu aħjar fuq xiex qed nitkellem.
Id-dgħajsa Chaudron hija opra tal-familja Ciantar. Ivvintawha u bnewha huma u li llum jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika mondjali tal-P1 huwa kollu kemm hu bil-ħila tagħhom. Jiġifieri fl-istess nifs qed ngħid li jekk ix-Chaudron tirbaħ il-kampjonat, Aaron Ciantar isir Champion tad-Dinja tal-Powerboats tal-baħar, eżatt kif inhu Kimi Raikkonen fil-Formula 1 u Casey Stoner fil-Moto GP.
Hekk nipprova nitkellem ma’ Aaron Ciantar meta ltqajt miegħu nhar it-Tlieta wara s-suċċess li kiseb ġimgħa ilu bir-rebħ tat-tiġrija ta’ Malta. Lil Aaron ngħidlu jekk hux konxju li huwa wieħed mill-ikbar sportivi ta’ suċċess li qatt ħarġu mill-pajjiż bħal Tony Drago u William Chetcuti. Fil-verità jekk Aaron jirbaħ dan il-kampjonat ikun ifisser li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ l-isport Malti jkollna Champion tad-Dinja.
“Nemmen li s-sewwieq ta’ kull sport tal-veloċità li jeżisti jrid jitwieled bil-kapaċità li jsuq u tkun ġo fih. Irid żgur li ma jemozzjonax ruħu. Meta jkun baħar imqalleb irid jagħraf jikkontrolla d-dgħajsa għaċ-ċirkostanzi u ma jwebbes rasu qatt. Sewqan fuq l-ilma jrid isir bi strateġija.
“Dan l-isport huwa parti mix-xogħol tiegħi għax aħna nagħmlu d-dgħajjes. Huwa reklam tajjeb ħafna għad-dgħajsa Chaudron. Qabel dan l-isport kont aktar midħla tad-Drag Racing imma dan l-aħħar id-dgħajjes saru parti sew minn ħajti. Kull ġimgħa nipprova fil-baħar xi dgħajsa li nkunu lestejna. Għalija dan kollu jservi wkoll ta’ taħriġ.”
Aaron Ciantar twieled nhar it-3 ta’ Marzu 1980 u joqgħod ix-Xemxija. Huwa iben Charles u Anna u hu l-iżgħar fost tliet aħwa. Oħtu l-kbira jisimha Charlet filwaqt li tan-nofs jisimha Audrianne, l-istess persuna li għal xi żmien kienet issuq id-dgħajsa Chaudron miegħu u li intervistajt ftit tax-xhur ilu f’dawn il-paġni. Aaron miżżewweġ lil Susan u missier ta’ Haley ta’ erba’ snin.
Kienet kurjuża r-risposta meta staqsejtu kif oriġina l-isem Chaudron u kemm sar popolari llum il-ġurnata madwar id-dinja.
“Fuqna l-aħwa. Għax oħti l-kbira jisimha Charlet, imbagħad hemm Audrianne u jien Aaron. Ħu l-ewwel biċċa mill-ismijiet ta’ ħuti u l-aħħar biċċa ta’ ismi u jkollok ir-risposta.
“Kull oġett li fih l-ispeed inħobbu. B’dan l-isport irnexxielna wkoll intellgħu l-isem tal-kumpanija tagħna l-fuq bis-saħħa tal-P1. Din hija l-ħames sena tax-Chaudron imma nħoss li din hija l-vera sena tagħna. Il-kumpanija bdiha missieri fl-1998. L-ikbar dgħajsa li għamilna kien fiha 41 pied. Għamilna kull tip ta’ dgħajjes imma aktar ibbażati fuq speed. Illum qed inbiegħu anki barra minn Malta f’pajjiżi bħal Belġju, l-Italja u l-Ingilterra. Jekk nirbħu dan il-kampjonat tkun imbuttatura tajba lejn aktar suċċess għall-kumpanija tagħna.
“Barra minn Malta kabbarna ħafna kemm bħala kumpanija u kemm bħala xufiera. Meta tirbaħ P1 issir popolari mad-dinja kollha u kitbulna u xtraw il-prodott tagħna diversi persuni minn pajjiżi oħra. Malta differenti għax illum nista’ ngħid li anki jekk wieħed mhux daqshekk midħla ta’ dan l-isport il-dgħajsa Chaudron kulħadd sema’ biha.”
Aaron jispjegali kif kienet ġiethom l-opportunità u l-kuraġġ li jikkompetu f’kampjonat ta’ dan it-tip.
“Fl-2003 kien beda dan il-kampjonat u fl-2004 kien ġie Malta. Missieri kien diġà mar jara tiġrija tad-dgħajjes qabel fl-Italja. L-organizzatur kien ħajru biex idaħħal dgħajsa Maltija biex tikkompeti bħala wild card. Dħalna l-ewwel darba u konna morna tajjeb mill-ewwel għax ġejna t-tieni. Magħhom konna dħalna f’żewġ tiġrijiet oħra u tajna prova oħra li l-opra tagħna kienet ta’ suċċess. Fl-2005 ikkompetejna bis-serjetà u bqajna għaddejjin minn hemm bla waqfien.”
Aaron u l-kollega tiegħu fl-istess dgħajsa Angelo Tedeschi rebħu t-tellieqa fil-kalendarju ta’ Malta ġimgħa ilu. Nistaqsih kif irnexxielu jikseb il-fiduċja ta’ persuna ta’ dan il-kobor f’dan l-isport.
“Angelo Tedeshi huwa persuna tal-ġenn. Fl-2006 kien ra l-potenzjal tagħna u ra li qed nagħmlu dgħajsa ġdida u nnegozjajna biex kienu xtraw dgħajsa minn għandna u rebħu l-kampjonat biha. Iżda kienu rebħu l-kampjonat imkaxkrin. Ma kinux qed joħorġu l-aqwa tad-dgħajsa. Darba minnhom morna nippruvawha jien u hu u spiċċa li akkost ta’ kollox immur insuq miegħu għax ra differenza fix-xufier. Qed naqblu ħafna. Ma naħsibx li hemm min hu bħalna għax f’siegħa u nofs tiġrija jekk ngħidu żewġ kelmiet lil xulxin diġà ħafna. Drajna kompletamnet lil xulxin. It-tnejn nafu safejn nistgħu nwasslu.”
“Iżda qabel kontx narah throttleman tajjeb. Kont ngħid li mhux professjonali. Skoprejt li r-raġuni ta’ l-iżbalji li kienu qed isiru bid-dgħajsa tiegħu ma kienux ġejjin minn naħa tiegħu iżda għax ma kellux xufier ta’ stoffa. Illum naf kemm hu throttleman tajjeb ħafna u d-dgħajsa draha u jaf x’inhu jagħmel. Il-vera każ li bniedem trid tagħmilha miegħu u ssir tafu qabel ma tiġġudikah.”
Nistaqsih jekk Angelo hux se jibqa’ l-bniedem li jsuq miegħu fil-futur u jekk oħtu Audrianne hux xi darba se terġa’ lura miegħu.
“Għal din is-sena se jibqa’ Angelo għax qed nagħmlu suċċess iżda għall-futur jekk nagħmlu dgħajsa oħra hemm ċans li Audrianne terġa’ tkun miegħi. Għaliha anki jekk nibqgħu jien u Angelo xorta taċċettaha għax taf li għadha magħna fit-tim. Hi kuntenta li ġietni din l-opportunità u ħadniha u li qed nagħmlu suċċess kbir biha.”
Ma’ Aaron niddiskuti l-preparmenti li jridu jsiru biex wieħed ikollu d-dgħajsa lesta mija fil-mija għat-tellieqa.
“Trid taħdem ħafna biex tipprepara d-dgħajsa. Nagħtu każ wieħed mis-sodisafazzjonijiet tiegħi tal-mument hu l-fatt li din id-dgħajsa li qed intellqu biha bħalissa żarmajniha biċċa biċċa sa ftit tal-ġimgħat ilu u erġajna armajniha mill-ġdid biex inkunu ċerti li kollox jinsab għall-perfezzjoni. Nemmen li hawn ħafna xufiera tajbin iżda ma jkunux jafu kif ġiet magħmula d-dgħajsa tagħhom. Il-vantaġġ tiegħi hu li d-dgħajsa bnejtha jien u insuqha jien u għalhekk nafha b’għajneja magħluqa. Is-sodisfazzjon wara rebħa jkun doppju b’dan il-mod.”
Kienet rebħa mistħoqqa f’pajjiżna għal Chaudron. Minkejja li ma jammetix Aaron qisu jgħidli li b’xejn għajr rebħa ma kien se jkun kuntent fit-tellieqa ta’ Malta.
“Meta tgħid trid tirbaħ bilfors iebsa għax kollox jista’ jiġri. L-ewwel żewġ tiġrijiet irbaħnihom iżda f’Malta qatt ma konna ġejna l-ewwel f’ħames snin kemm ilna ntellqu. Din is-sena kellna l-aqwa tim u l-aqwa dgħajsa u rnexxielna.
“Fil-verità bħalissa t-tieni dgħajsa li qed nara b’saħħitha wara tagħna hija l-Husler. Naħseb li din hija d-dgħajsa tal-mument wara tagħna iżda jinsabu ħafna warajna f’dawk li huma punti fil-klassifika u diffiċli ħafna biex jgħadduna.”
Hawn min jistkerrah sport ta’ dan it-tip. Il-fatt li jekk jgħaddu minn miegħek b’dik il-veloċità jaqilbuk bir-riħ anki lili ddarras xi ftit. Imma int konxju li qiegħed fi sport perikoluż iż-żejjed?
“Kwalunkwe sport fih il-periklu tiegħu. Aħna nieħdu dejjem il-prekawzjonijiet kollha u noħorġu għat-tiġrija bla biża’. Żgur li mhux se nagħmlu biex nissugraw ħajjitna u jekk naraw xi ħaġa sejra ħażina m’aħniex se nieħdu riski żejda. Trid tkun kapaċi li taddatta għas-sitwazzjoni. Iżda jien ma narax li hemm xi riskju kbir għal ħajjitna f’dan l-isport.”
“Huwa sport tas-sinjuri.” Din hija frażi li jużaw ħafna dawk li huma konxji ta’ kemm jiswew flus l-opri tal-baħar. Aaron jispjegali r-rebħ miżeru li għandhom f’dawn it-tiġrijiet filwaqt li jgħidli li l-ispejjeż u l-infieq biex tikkompeti huma ħafna u ħafna aktar għoljin.
“Bħala rebħ nieħdu 7,500 ewro f’każ ta’ l-ewwel post. Jekk ikollok dgħajsa tajba biżżejjed li tiġi l-ewwel fit-tlielaq kollha għandek xi 50 elf ewro f’rebħ. Tkun qiegħed tnaqqas ftit mill-ġerħa għax dan l-isport fih spejjeż kbar. Għandek 20 elf ewro biex tinkiteb fit-tiġrijiet kollha. Għandek mal-25 elf ewro oħra biex tibgħat id-dgħajsa madwar id-dinja fejn tkun se ssuq. Id-dgħajsa biex armajniha b’kollox ġietna mal-250 elf ewro. U dan mhux ninkludilek il-ħsarat li jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra fl-opri tal-baħar. Ħafna differenti mill-Formula 1 u l-Moto GP fejn is-sewwieqa jsiru multi miljunarji kbar.”
“Fil-bidu ma kien qatt sport tas-sinjuri iżda f’dawn l-aħħar snin nista’ ngħid iva: il-P1 sar sport li fih trid flejjes kbar. Illum b’dgħajsa kif għandna aħna li tiswa 250 elf ewro xorta m’aħniex dejjem ċerti li se nieħdu l-ewwel. Aħna nagħmluha l-aktar bħala tim Chaudron għax nafu li qed nagħmlu reklam għall-kumpanija wkoll. Bniedem b’familja u b’paga normali ma jista’ qatt jidħol fi sport hekk.”
Tisma’ ċifri bħal dawn iġġib għajnejk wara widnejk. Imma possibbli intom qatt ma tlabtu għajnuna mill-awtoritajiet konċernati?
“Fl-istaġun 2006/2007 sibna għajnuna tajba mingħand il-Gvern iżda għal din is-sena ma tagħna xejn. Ir-raġuni l-għala ma nafx iżda naħseb li għax kienet waslet l-elezzjoni ġenerali. Issa erġajna tkellimna man-nies konċernati u suppost se jgħinuna. Ma rridux ninsew li dan huwa prodott Malti kollu kemm hu u qed nagħmlu isem kbir lil Malta.”
Ħames snin f’dan l-isport li tant ġab suċċessi lill-familja Ciantar jawgura tajjeb għall-futur. Aaron jgħidli li jinsab kuntent u ma jixtieq qatt li jtemm il-karriera tiegħu.
“Kuntent ħafna speċjalment għax f’dawn l-aħħar sentejn kellna riżultati kbar. Jien l-ewwel darba li ħadt sehem f’dan il-kampjonat irbaħt l-Aqwa Sewwieq ta’ l-Istaġun. Għamilna suċċess kbir. L-ikbar emozzjoni kienet fl-2006 meta tlajna fuq il-podju ta’ Gallipoli jien u oħti. Kienet l-ewwel rebħa tagħna li għalina xi ħaġa kbira. Issa għadu jkollna dawn il-ferħiet imma l-ħaġa saret kontinwa wisq.
“M’għandix dak il-pjan li xi darba nieqaf minn dan l-isport. Sakemm tagħtini s-saħħa se nibqa’ fih. Għad għandi 28 sena u qed nieħu sehem fi sport ġdid li Malta qatt ma kien hawn jew issemma qabel.”
Nitolbu opinjoni fuq x’inhuma l-prioritajiet li jrid ikollu sewwieq tajjeb u n-neċessitajiet li jrid ikollha dgħajsa tajba.
“Sewwieq tajjeb irid jitwieled. Ma jistax isir. Biex tkun tajjeb trid tkun ġo fik. Sewwieq tajjeb żgur li ma jistax jemozzjona ruħu imma jrid ikollu l-kuraġġ. Iżda ma jwebbes rasu qatt.
“Wieħed mis-sigriet għal dgħajsa tajba huwa l-qiegħ. Tagħna ssettjajniha perfetta. Ma kinitx faċli iżda kellna ndawru s-sistemà għal waħda aktar moderna. Inutli jkollok dgħajsa tajba u xufiera ħżiena jew bil-kontra. Irid ikollok kollox tajjeb biex tagħmel suċċess.”
Aaron ikellimni fuq it-tiġrijiet li fadlilhom minn dan il-kampjonat. F’Lulju jmisshom fit-Tuneżija mbgħad Spanja, Portugall u Bahrain.
“Nisperaw li nagħmlu l-istess suċċess fit-tiġrijiet li fadal u ntellgħu kemm jista’ jkun punti. Qed nippruvaw nagħlqu l-kampjonat kemm jista’ jkun malajr. Għandi fiduċja li m’għandniex infallu tiġrijiet. Ninsabu ferm viċin li nkunu Champions tad-Dinja. Għalina tkun xi ħaġa ta’ sodisfazzjon doppju għax tkun irbaħt titlu bħal dan b’dgħajsa Maltija fost l-ikbar pajjiżi fid-dinja.”
Aaron Ciantar jirringrazzja lil dawk kollha li tawhom l-appoġġ f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jagħmel appell lill-poplu Malti.
“Nixtieq nirringrazzja lil Tumas Group Portomaso li għal dawn l-aħħar tliet snin ilhom jisponsorjawna minn qalbhom. Għandna l-kumpanija taż-żejt barranija Ravenol li fittxewna huma biex jagħtuna sponsor. Indunaw li għandna potenzjal. Ma nistax ninsa lis-Sign It u l-MFCC li qed jgħinuna ħafna, il-Malta Maratime Authority u l-Malta Tourism Authority.
“Min irid jagħmel kuntatt magħna jista’ jidħol fuq www.chaudronpowerboats.com u hemmhekk isib kollox. Inħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jibqa’ jsegwi l-kampjonat kollu tal-P1 u mhux meta jiġi Malta biss. Naħseb li għandna ċ-ċans biex dan l-isport nagħmluh aktar popolari f’pajjiżna.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef
Editorijal

Il Punt
Patri Mintoff

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|