MediaToday

Emmanuel Micallef | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85

Maltemp fis-sajf?!

It-tellieqa għat-tmexxija fi ħdan il-Partit Laburista iddominat ix-xena politika lokali sa mill-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda. Ħafna kienu dawk li iffukaw fuq x’jista’ jiġri lill-Partit Laburista wara l-ħatra tal-mexxejja tiegħu, bil-konsegwenza li l-ħidma tal-Gvern ftit jew xejn kienet innutata.
Anzi ħafna kienu qed jistagħġbu kif il-Gvern donnu waqa’ fil-limbu wara r-rankatura li kien qabad matul il-kampanja elettorali. Bil-ħatra issa tal-mexxej il-ġdid u tad-deputati mexxejja tal-Partit Laburista l-ilma għandu jibda joqgħod u l-ħidma Parlamentari kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni għandha tiġi għan-normal.
Mhux ghal kollox. Għax il-Parlament dalwaqt ikollu jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf u ż-żewġ partiti l-kbar għad għandhom fiex jehdew internament. Wieħed għandu l-uġigħ ta’ ras li għad irid ikompli bil-programm ta’ bidla fl-istrutturi u l-organizzazzjoni.
Il-bidla fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista hi mistennija li ssir qabel iż-żmien u internament fil-Partit għadhom għaddejjin il-kurrenti ta’ kunflitti interni. Min-naħa tal-partit l-ieħor għaddejjin ukoll kurrenti forsi iktar siekta imma daqstant iktar qawwija għall-ħatriet ta’ uffiċjali fl-amministrazzjoni eżekuttiva.
Fil-PN Joe Saliba se jħalli vojt u l-kunflitti li għaddejjin fil-kuriduri biex isibu l-aħjar persuna li tieħu postu mhux neqsin mill-manuvrar li għaddejjin fil-Partit Laburista. Il-PN ukoll għandu bżonn bidla minn ġewwa. Din irrealizzaha iżda ma jammettihiex fil-beraħ għax għandu r-riħ fil-poppa bir-rebħa elettorali.
Biex itaffi mill-intensità tal-ħtieġa tagħha għażel li minflok bidla jirrikorri għat-tiġdid. Fir-realtà m’hemm l-ebda differenza fid-definizzjoni tal-kelma “bidla” u tal-kelma “tiġdid”.
In-Nazzjonalisti iktar kien moħħhom kif ibillu subgħajhom biex jaraw li fil-Partit Laburista jinħatru mexxejja li għalihom ikun iktar komdu li jieħdu punti politiċi minn fuq daharhom. Żgur li ħafna Nazzjonalisti ma xtaqux li jinħatar George Abela għax jemmnu li kien l-iktar kontestant li jagħtihom sfida qawwija.
Mill-banda l-oħra ħafna Nazzjonalisti kienu jemmnu li b’George Abela, anke jekk ma jaqblux miegħu politikament, ma kienx ikollhom biża’ li jekk jitilfu l-elezzjoni kienet se tispiċċa d-dinja għalihom.
B’Joseph Muscat in-Nazzjonalisti jħossuhom iktar komdi biex jibbażaw strateġija politika li tista’ terġa’ trebbaħhom l-elezzjoni ġenerali. Iżda minn dak li għamel s’issa Muscat wera li se jkun mexxej li se jagħtihom sfida ferm ikbar milli ħasbu. Naturalment għad irid jipprova, dak li qed jgħid, bil-fatti.
Il-parir li qed jingħataw id-diriġenti tal-PN dwar Muscat hu wieħed: “Don’t underestimate him!” Żgur iżda li n-Nazzjonalisti għorku jdejhom bil-ħatra tad-deputati mexxejja l-ġodda. Għal ħafna osservaturi kienet stunatura li nħatru l-Avukati Toni Abela u Anglu Farrugia mill-istess delegati li vvutaw għal Joseph Muscat li ddikjara li jrid jara l-Partit Laburista bħala partit tal-progressivi u l-moderati.
Naturalment, għal dawk barra l-partit, u allura għall-kredibbiltà ta’ l-istess Partit, fid-deher kien jidher aħjar kieku ntagħżlu uċuh bħal Carmelo Abela, Gavin Gulia u Chris Cardona. Iżda jista’ jagħti l-każ li d-delegati riedu jagħtu risposta lill-propaganda Nazzjonalista (li l-ħin kollu kienu qed jibbumbardjaw bl-idea li d-delegati jagħmlu dak li tgħidilhom il-magna tal-partit) u għalhekk eleġġew lil min dehrilhom huma.
L-istrateġisti Nazzjonalisti hekk riedu. Skond huma b’Anglu Farrugia u Toni Abela l-votanti indeċiżi, il-floaters u ż-żgħażagħ mhux se jaraw fil-Partit Laburista l-kalamita li tiġbidhom. Kien hemm min ikkummenta li bil-ħatra ta’ Muscat il-Partit Laburista għamel żewg passi ’l quddiem imma bil-ħatra tad-deputati mexxejja ġodda issa għamel erba’ passi lura!
Li mhux qed jingħad hu li ż-żewġ avukati għandhom l-merti u l-kapaċitajiet tagħhom ukoll. U jekk fil-passat ipproġettaw ruħhom bħala esponenti Laburisti militanti jekk mhux xi minn daqqiet estremi wkoll, iżda issa fil-kariga tagħhom, bir-responsabbiltajiet li ghandhom u taħt id-direzzjoni diretta tal-mexxej ġdid, jistgħu jagħtu kontribut siewi u jagħtu sorpriża.
Li m’għandhomx jagħmlu hu li l-appoġġ li akkwistaw jitlagħlhom għal rashom u jużawh biex jikkontrollaw l-ispazju li għandu jkollu l-mexxej biex jimraħ fil-viżjoni u d-direzzjoni tiegħu. Wieħed jawgura wkoll li ma jerġgħux jaqgħu koppi u jispiċċaw bit-tmexxija fejn l-id ix-xellugija ma tkunx taf x’qed tagħmel l-id il-leminija.
Matul is-sajf li ġej jidher li ż-żewġ Partiti ewlenin se jkunu mehdijin biex isolvu l-ikbar sfida interna li għandhom. Dik tal-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali. Fuq naħa għandek uffiċjal li se jitlaq minn rajh iżda li hemm problema kbira biex jinstab sostitut tiegħu ta’ stoffa u fuq in-naħa l-oħra għandek uffiċjal li jrid jibqa’ iżomm postu minkejja li hemm sostituti tiegħu li huma ferm iktar ta’ stoffa minnu. Imbagħad jgħidu li m’hemmx differenza bejn partit u ieħor!
U sakemm il-partiti jibqgħu jitħabtu biex jiffaċċaw dan il-mewġ, il-poplu jibqa’ jitqabad f’baħar imqalleb: il-kriżi taż-żejt tkompli tagħfas; is-sitwazzjoni tal-prezzijiet esagerati tal-ikel li tista’ twassal għal skarsezza ta’ prodotti essenzjali; il-wegħdiet elettorali li ma jistgħux jitwettqu, l-isfidi ambjentali ikkaġunati mit-tibdil fil-klima, il-qagħda fl-UE wara l-“Le” ta’ l-Irlandiżi għat-trattat ta’ l-Ewropa, l-isfidi fis-settur tat-turiżmu u l-qasam tal-impjieg.
Tgħid maltemp għandna dan is-sajf?!

 

Intervista
Bejn maħfra u apoloġija

Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef



Il Punt
Appell lill-Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Joseph Muscat
Patri Mintoff



Emmanuel Micallef
Maltemp fis-sajf?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Fidi, politika u persuni pubbliċi



X'kien Jgħid
Żwieġ ipprojbit



Wenzu Mintoff
Sine qua non


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan