MediaToday

Ittri | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85

Meta waddbuli ċangun għal sidri

Minn Peppi Azzopardi,
Ħal Qormi

Qed nibgħat din l-ittra biex tidher fil-gazzetta tiegħek wara li ġiet ċensurata minn fuq l-orizzont. F’din il-gazzetta, kull ġimgħa, Charles Flores qatt ma jkun iċċensurat jikteb dwar ix-Xandir Pubbliku. Iżda din l-ittra kienet iċċensurata.
Ta’ kull ġimgħa Flores jikteb paġna jippriedka u jippontifika kif għandu jkun l-Istazzjon Nazzjonali. Tajjeb infakkar li Flores kien jokkupa karigi importanti fl-istess Xandir Malta li llum ma jiqafx jippridkalna dwaru. Kien Kap tat-Taqsima ta’ l-Aħbarijiet. Kien Kap tar-Radju Nazzjonali.
Ħa nfakkar ukoll x’kien jiġri fix-Xandir Nazzjonali meta Flores kellu karigi importanti fix-Xandir Nazzjonali. Qed nillimita ruħi biss għal dak li kont involut fih jien.
Niftakar li dak iż-żmien konna waqqafna grupp bl-isem ta’ ‘Żgħażagħ tan-Numri’. Konna grupp ta’ żgħażagħ li fost affarijiet oħra konna nipprotestaw fit-toroq kontra t-tortura u n-nuqqas gravi tal-libertà ta’ l-espressjoni li kien jirrenja fil-pajjiż. Ara biss taħsbu li f’dan iż-żmien TVM u r-Radju Nazzjonali kienu jirrappurtaw xi protesta milli konna nagħmlu. Ma tarax!
Il-protesti kienu kważi dejjem jispiċċaw bil-Pulizija jingħaqdu mal-kriminali Laburisti u jsawtuna bla ħniena. Qatt, qatt u qatt dawn l-atroċitajiet ma kienu jkunu irrappurtati fuq ix-Xandir.
Mhux talli hekk, iżda b’mod mill-aktar vili, waqt li aħna konna nkunu l-isptar jew arrestati illegalment, it-televixin u r-radju ta’ l-Istat, immexija fost oħrajn minn Flores, kienu jirrappurtaw li konna aħna li wżajna l-vjolenza. Meta konna noħorġu stqarrija li dan ma kienx minnu, meta konna nipprovdu filmati u ritratti li juru eżatt bil-maqlub, ix-Xandir ta’ l-Istat kien ikompli jigdeb ġimgħa wara ġimgħa.
Dak iż-żmien ma kienx bħal-lum fejn iċ-ċittadini jistgħu jiġu f’Xarabank u jiffaċċaw u jgħidu li jridu lill-Prim Ministru quddiem Malta kollha. Dak iż-żmien aħna ż-żgħażagħ ma konniex ningħataw iċ-ċans nitkellmu. Qatt.
Darba iddeċidejna li mmorru fi programm live. Kien jismu ‘Bonġu Malta’. Staqsejna biex nitkellmu u qalulna li ma stajniex. Allura bħala protesta dorna mal-preżentaturi u meta ndunajna li konna live għamilna protesta u bdejna ngħajtu li rridu xandir ħieles. Domna biss ħames sekondi għax it-trasmissjoni qatgħet minn live. Eżatt kif ma bqajniex live tfaċċaw il-kriminali li flimkien mal-Pulizija tawna xebgħa li għadni nħoss l-effetti tagħha sa llum. Sawtuna u saħansitra tnejn minnhom rikbu f’karozza u għaddew minn fuq wieħed minna u kisrulu għadmu. Lili waddbuli ċangun għal sidri.
Waqt li konna l-isptar x’taħsbu li kien irrapporta x-Xandir ta’ l-Istat li fih kellu kariga għolja Flores?
Li aħna morna nsawtu lin-nies. Għalxejn tlabna kjarifika għax baqgħu jgħidu hekk jum wara l-ieħor. Immaġinaw kieku llum il-Kamra ta’ l-Aħbarijiet tal-PBS kellha tagħmel l-istess. X’differenza!
Nista’ nkompli nirrakkonta kif bħala ġurnalist kont dieħel biex nintervista lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien. Jien u dieħel waqqfuni s-suldati li kienu jkunu għassa bil-machine guns max-Xandir.
Bil-machine gun ma’ dahri dħalt mhedded mis-suldati biex “nibża’ għall-Prim u ma nitkessaħx.”
Għal-lum nieqaf hawn. Kull kumment dwar dak li jippriedka llum Flores hu żejjed.

 

Intervista
Bejn maħfra u apoloġija

Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef



Il Punt
Appell lill-Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Joseph Muscat
Patri Mintoff



Emmanuel Micallef
Maltemp fis-sajf?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Fidi, politika u persuni pubbliċi



X'kien Jgħid
Żwieġ ipprojbit



Wenzu Mintoff
Sine qua non


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan