Intervista | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85
Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef
Kont nismagħhom jgħidu li Jason Micallef jasal tard. Ġarrabtha riċentament u għal din l-intervista mort armata. Bejni u bejn ruħi ħsibt li jekk jasal xi tlett kwarti tard kelli missjoni mużikali xi nwettaq. U ma ħriġtx diżappuntata.
Fil-kwarta li għamilt nistenna rnexxieli nħaddem b’suċċess mp3 player li qlajt xahar ilu u li qatt ma rnexxieli naqbad art kif jaħdem. Irnexxieli wkoll b’suċċess naħraq widnejja nisma’ għal tliet darbiet infila l-uniku mp3 li kelli fuqu: Apologize ta’ Timbaland u One Republic.
Imma bix-xorti. Għax din id-diska daħħlitni fl-atmosfera għat-tweġibiet li bdew ħerġin minn fomm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista… l-apoloġiji.
Jason Micallef iddeċieda li għal dawn l-aħħar xahrejn iżomm silenzju. Intqalu ħafna affarijiet fil-konfront tiegħu. Liema affarijiet xtaq iwieġeb u ħallihom għall-‘ewwel’ intervista?
“Kien prudenti ħafna li nżomm lura mix-xogħol politiku estern. Bl-ebda mod ma ridt niġi interpretat li b’dak li ngħid qed niffavorixxi lil dik jew lill-oħra. U dan għamiltu fl-interess tal-partit kif dejjem għamilt f’ħames snin infila. Però ma jfissirx li għax issa qed nitkellem wara li għaddiet l-elezzjoni se nkun qed nirrispondi għal xi kritika li saritli minn individwi jew mezzi tax-xandir oħra fil-konfront tiegħi li jien kont qed niffavorixxi lil xi ħadd u mhux lill-ieħor. Assolutament mhux fl-interess tiegħi li noqgħod inwieġeb għall-kritika u l-allegazzjonijiet. Dak inħallih għad-delegati biex jiddeċiedu u naturalment jien nirrispondi fl-istrutturi interni tal-partit.”
Se jerġa’ jikkontesta għal Segretarju Ġenerali jew reġa’ bdielu?
“Iva, se nerġa’ nikkontesta għal Segretarju Ġenerali. Tiġi meta tiġi l-elezzjoni ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali u ta’ l-amministrazzjoni tal-partit.”
Nistaqsih jekk jikkunsidrax rwol ieħor minbarra ta’ Segretarju Ġenerali. Jixirfu par snin bojod. It-tbissima tikxef skumdità fina.
“Se nikkontesta l-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali,” wieġeb b’vuċi mfella b’daħka.
Nerġa’ npoġġi l-istess mistoqsija b’damma ta’ kliem differenti.
Jekk l-MLP jara li hemm rwol akbar x’imkien ieħor għalik, x’tagħmel?
“Jikkonfermawni billi jaraw il-bilanċ tiegħi fuq l-erba’ snin u aktar li servejthom. Kelli privileġġ li f’età tant żgħira ta’ 32 sena servejt lil dan il-partit f’waħda mill-akbar karigi tiegħu.
“L-akbar sodisfazzjon li kelli kien il-kampanja brillanti li rnexxieli mmexxi ’l quddiem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ l-2004. Dik kienet elezzjoni li dehret impossibli għall-MLP biex jirbaħ. Mhux biss ridna nirbħu u ridna nikkonvinċu lill-poplu Malti li l-kandidati tal-MLP se jkunu l-aħjar imma ridna wkoll nikkonvinċu li l-pożizzjoni politika tagħna barranija hi differenti mill-2003. Il-PN kien ċert li se jirbaħ dik l-elezzjoni għax fl-elezzjoni ġenerali rebaħha b’dik il-kwistjoni.
“Kuntent ħafna li mexxejt dik il-kampanja u li rbaħniha u li rbaħniha bil-kbir. F’dik l-elezzjoni rajna l-akbar distakk elettorali bejn iż-żewġ partiti l-kbar kemm ilhom jinżammu elezzjonijiet nazzjonali. Aktar minn 21,000 vot maġġoranza. Mhux 1,500.”
Il-fatt li kien parti mit-tim tal-ħamsa li mexxew il-kampanja elettorali ta’ Marzu li għadda, ma jħossx li għandu jerfa’ r-responsabbiltà u ma jerġax jikkontesta?
“L-unika intervista li tajt wara r-riżultat elettorali kien mas-sister paper tagħkom il-MaltaToday. U għidtha mill-ewwel ġranet. Nerfa’ ħafna mir-responsabbiltà. Naċċetta dik ir-responsabbiltà u din il-mistoqsija tingħaqad mat-tweġiba ta’ dakinhar. Id-delegati se jkunu qed jagħmlu bilanċ ta’ Jason Micallef x’għamel bħala Segretarju Ġenerali fuq erba’ snin u nofs: mat-tajjeb li għamel, ma’ l-inqas tajjeb u ma’ l-iżbalji li għamel.
“Jien għamilt diversi żbalji fit-tmexxija tiegħi bħalma jagħmel kull politiku ieħor.”
Nitolbu jagħtini lista ta’ dawn l-iżbalji.
“Ikollok deċiżjonijiet li wara li tkun ħadthom with hindsight tkun tixtieq li ma tkunx għamilthom. Nemmen li politiku għandu jaċċetta li żbalja u fejn żbaljajt u fejn stajt weġġajt lil xi nies għax żbaljajt jiena, m’għandix problema biex niskuża ruħi. Bħalma niskuża ruħi ma’ Laburisti li setgħu urtaw ruħhom fil-programm Xarabank fil-konfront ta’ George Abela.
“Wieħed irid japprezza li dak kien programm li ġie ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali. Is-sitwazzjoni kienet skomda ħafna għalija personali. Jien nibqa’ ngħid li aħna għandna nattendu fuq il-mezzi tax-xandir kollha jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi. Jien kontra kull bojkott, fir-rebħ u fit-telf. U naħseb kelli kuraġġ kbir biex dakinhar mort f’Xarabank, iffaċċjajt udjenza pjuttost ostili kollha Nazzjonalista, il-panel kien kollu kontra tiegħi, kollu mistoqsijiet diffiċli għalija u xorta iffaċċjajthom. Ma jfissirx li dik kienet l-aqwa wirja tiegħi fuq it-televiżjoni u dik jien nirrikonoxxiha.”
Nerġa’ nitolbu lista ta’ l-affarijiet li d-delegat jixraqlu jkun jaf fejn Micallef qed jammetti li żbalja.
“Nemmen li stajt ħadt aktar riskji fl-interess tal-partit. Stajt għamilt aktar stediniet lil aktar nies li b’xi mod jew ieħor fil-passat ma rawx għajn m’għajn mal-Partit Laburista u ġibthom lura bħalma ġibt lura nies oħrajn. Jien personalment ħdimt ħafna speċjalment fl-ewwel sentejn għall-għaqda fil-Partit. Għax meta dħalt jien kien hemm nies oħrajn uħud, minnhom Membri Parlamentari li ma kinux baqgħu jaraw għajn m’għajn mal-Partit Laburista. Waħda minnhom hi Maria Camilleri. Kienet waħda mill-ewwel nies li ippruvajt u rnexxieli nġib lura fl-MLP. U hi delegata. Qabel dħalt jien ma kinitx delegata.
“Nifhem meta ftit tal-jiem ilu xi ħadd qalilha li rridek tibqa’ fil-periferija ma kinitx qed tgħid għalija. Ma nafx għal min kienet qed tgħid.”
Jgħid ukoll li ma kellu l-ebda problema biex imur għal iktar minn darba għand Lino Spiteri.
Madankollu, minkejja l-interventi tiegħu, xorta jidher li baqgħet tinħass gwerra bierda bejn l-MLP u dawn l-esponenti.
“Minix kuntent li Lino Spiteri lili personali ma għinniex biżżejjed biex ikun involut aktar fl-MLP fl-aħħar ħames snin. Mhux qed ngħid li għax ma riedx hu. Ma naħsibx li lili personali għenni biżżejjed biex id-differenzi li kien hemm bejnu u bejn Alfred Sant nirranġawhom. Kelli żewġ okkażjonijiet. Waħda minnhom partikolari fejn jien qattajt ammont ta’ ħin fuq il-post tax-xogħol tiegħu nammetti ċerti differenzi, nisma’ l-weġgħat li kellu u xtaqtu ħafna jiġi lura lil Lino Spiteri.
“Bħalma kont nistieden lil Alfred Mifsud matul dawn l-aħħar ħames snin biex jattendi attivitajiet tal-MLP fejn hu jista’ jagħti s-sehem tiegħu fosthom meta konna għaddejjin bil-kampanja tagħna fil-Pjan Għall-Bidu Ġdid. Anke Alfred Mifsud ma ħassejtux li għenni biżżejjed biex id-differenzi li kellu ma’ Alfred Sant jirranġahom.”
Jieqaf qisu biex jirrifletti u jkompli.
“Allura jien kont biżżejjed persistenti? Jista’ jkun li ma kontx biżżejjed persistenti. Hi waħda mid-dispjaċiri li għandi. Se nkun qed nagħmel dak kollu possibbli biex il-mexxej il-ġdid Joseph Muscat, dak li ma rnexxilix nagħmel jien jagħmlu hu, hu min hu l-persuna, hi min hi, għamlet x’għamlet fil-passat. Fl-interess li l-viżjoni li għandu għall-MLP u l-biċċa xogħol li għandu biex iżomm lil kulħadd onboard.”
Qed isemmi x-xogħol. Nistaqsieh jekk għandux xogħol alternattiv jekk ma jkunx elett fil-kariga ta’ segretarju ġenerali li hi kariga mħallsa tajjeb ħafna.
“Le, m’għandix xogħol alternattiv. Julia, meta jien ġejt fl-MLP jien irriżenjajt mix-xogħol għażiż li kont nagħmel, il-PBS. Jibqa’ xogħol marbut ħafna ma’ qalbi u nibqa’ niftakru b’għożża. Però dehrli dakinhar li jkun inġust mal-prinċipji li nemmen fihom jien li qed nidħol f’kariga politika għal ħames snin u forsi aktar u nibqa’ nżomm post vakant mal-Gvern. Joe Saliba għandu dan l-arranġament ma’ l-Università. Imma iva. Jekk nispiċċa minn Segretarju Ġenerali nispiċċa bla xogħol.”
Nistaqsieh jekk jikkonfermax li Joseph Muscat kellmu u ddiskuta miegħu l-futur ta’ tiegħu fil-Partit Laburista.
“Kien hemm ħafna laqgħat diġà imma biex nispjegalu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit, is-sitwazzjoni politika interna tal-partit, is-sitwazzjoni awdjo-viżiva tal-partit, kif naħdmu strutturalment fil-partit. Naturalment iddiskutejna wkoll il-programm ta’ laqgħat li se jkollu matul is-sajf.”
Micallef jiddeskrivi dan il-perjodu bħala wieħed eċċitanti anki jekk tar ħafna xrar bejn nies differenti fl-MLP.
“Inħoss li dak kollu li ntqal fl-aħħar tliet xhur, minn kulħadd, hu min hu, jien lest li naħfer u naċċetta kull kritika li saritli anke minn eks kollegi tiegħi fil-Partit Laburista fl-Amministrazzjoni. Lest li ninsa kull differenzi fl-interess ta’ dan il-partit biex jieħu r-ruħ. Biex jieħu r-ruħ, hemm barra rridu nuru li aħna ponn wieħed. Anke jekk nibqgħu bejnietna mhux neċessarjament kulħadd ikollu grazzja miegħek mija fil-mija. Dawn huma l-fatti tal-ħajja. Hu thrill li jkollok mexxej daqshekk żgħażugħ, daqshekk enerġetiku, daqshekk viżjonarju ta’ 34 sena. Ċertament dan hu żmien li ngħinu lil xulxin bid-differenzi kollha li jista’ kellna u jista’ jkun li jibqa’ jkollna.”
Iżda jekk joħroġ bħala Segretarju Ġenerali hemm diġà indikazzjoni ċara li se jinqala’ l-inkwiet fl-MLP. Nies bħal George Abela u Michael Falzon iddikjaraw li ma’ Jason Micallef ma jaħdmux. Lest li jħallas dan il-prezz ta’ aktar ġlied fil-partit frott id-deċiżjoni tiegħu?
“Id-delegati d-deċiżjonijiet li dejjem jieħdu ma joħduhomx bil-kundizzjonijiet. Joħduhom fl-interess tal-Partit. Dak li se jwassalni biex noħroġ għall-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali.”
Imma konxju li jekk jerġa’ jkun konfermat Segretarju Ġenerali l-partit se jkun bidel il-mexxej imma ħalla l-għodda msadda fi ħdanu?
“Biex jien se nerġa’ nikkontesta nemmen li għad fadalli x’noffri. Nemmen li għandi l-ideat tiegħi u l-enerġija li narahom kompatibbli ħafna mal-viżjoni li ppropona qabel l-elezzjoni għall-ħatra ta’ mexxej Joseph Muscat. Naturalment aħna ta’ l-istess ġenerazzjoni. Joseph għandu 34 sena u jien għandi 36.”
Inkellmu dwar ir-rapport tat-telfa u l-kummenti tal-Kummissjoni li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet wara t-telfa ta’ l-2003 lanqas biss kienu implimentati. Ma jħossux li naqas fuq dan il-punt?
“Personalment ma naqbilx mal-konklużjonijiet kollha ta’ l-aħħar rapport tat-telfa. U ma naqbilx ukoll ma’ ċerti konklużjonijiet li qed jagħmlu abbażi ta’ dak li semgħu. Ma jfissirx li mhumiex integri.
“Sew dan ir-rapport kif ukoll tal-2003 jirrakkomandaw, anke tal-PN fih hekk, li l-MLP ikollu chief executive officer. Kelma sabiħa. Warrab l-ammont sostanzjali li trid tħallas lill-individwu. Dik il-kariga ma tagħmilx sens għal partit politiku. Aħna mhux kumpanija privata. L-eżempju tal-hire and fire ma jistax isir għax tispiċċa dejjem fl-oppożizzjoni,” jargumenta Micallef.
Isemmi affarijiet oħra fir-rapport li ma jaqbilx magħhom fosthom fejn ingħad li l-MLP ma kellux imħejji l-website u blog għal Alfred Sant.
“Mhux veru. Il-blog u l-websites jeżistu. Jiddispjaċini li ma ħarġitx biżżejjed fir-rapport kemm jien kelli nagħmel tibdil fil-kampanja minħabba li l-mexxej ħakmitu marda serja. Personalment Alfred Sant qalli li xtaq jagħmilhom għax ried dak il-kuntatt personali man-nies imma l-kimoterapija żammitu. Waqt il-kampanja kellu bżonn jorqod numru ta’ sigħat matul il-ġurnata u nassigurak li għalkemm naf li jekk Alfred Sant se jaqra din l-intervista mhux se jieħu gost biha, it’s only fair li ngħid li bir-restrizzjonijiet li kellu l-mexxej tiegħi fil-kampanja elettorali, nibqa’ niftakru u ngħożżu għal għomri kollu. Il-marda ħallietu b’ċerta diżabbiltà li ma setax iżomm blog u website u din ma ħarġitx fir-rapport tat-telfa.”
Ir-rapport jindika wkoll li kien hemm arja tqila bejn l-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali u l-uffiċċju ta’ Michael Falzon. Għala kien hemm din l-arja tqila? Hi kwistjoni ta’ kimika ħażina bejnu u Falzon jew għax l-istatut ma jiddefinixxix sew ix-xogħol taż-żewġ karigi?
“Minix lest li nikkummenta fuq dawn it-tip ta’ mistoqsijiet. Mhux fl-interess tad-delegati, tal-partitarji tagħna li nibqgħu nitkellmu fuq xulxin fil-pubbliku. Dak hemm strutturi interni fil-partit li jippermettu ħafna dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet għalihom. Jien qatt ma nxart ħwejjeġ tal-MLP barra u mhux se nagħmilha issa anke jekk tista’ tkun tiswini ta’ ġid. Anke jekk ngħid affarijiet li jgħinuni biex niġi konfermat Segretarju Ġenerali. Ma naħsibx li dawn l-affarijiet jagħmlu ġid la għall-preżent u wisq anqas għall-futur tal-MLP.”
Infakkru li fir-rapport saret referenza li ħafna nies fosthom Wenzu Mintoff (li iddikjaraha pubblikament ukoll f’din il-gazzetta), offrew li jgħinu fil-kampanja elettorali imma sabu bieb magħluq. Għalxiex?
“Jien niċħad kompletament li ħafna nies xtaqu jaħdmu u sabu bieb magħluq. Mhux veru. Mhux veru. Ma jfissirx li ma setax kien hemm nies li ikkuntattjaw lil nies oħra u dak il-messaġġ ma wasalx għandi jew għand ħaddieħor,” tkun it-tweġiba.
Insostni li Wenzu Mintoff pubblikament qal li offra li jieħu xahar leave biex jgħin u ħadd ma involvieh.
“Wenzu Mintoff jista’ jkun li kien maħkum mir-rabja li tlifna l-elezzjoni ġenerali meta tkellem hekk. Li nista’ ngħidlek li Wenzu Mintoff nhar il-Ħadd li għadda ġie fl-uffiċċju tiegħi u ħadna b’idejn xulxin u għalija dak li qal Wenzu Mintoff fuqi daqslikieku qatt ma ntqal!”
Nieħdu lura għal ftit sigħat biss qabel id-delegati marru jivvutaw għall-mexxej ġdid. Micallef ħass il-ħtieġa li jikser il-wegħda li għamel li ma jitkellimx qabel il-ħatra ta’ mexxej ġdid u uża l-media tiegħu biex għamel dikjarazzjoni iebsa: li la tgħannaq, la żifen u lanqas raqad man-Nazzjonalisti. Ma jaħsibx li kienet daqqa taħt iċ-ċintorin għal Michael Falzon u n-nies tiegħu?
“Allaħares kont qed ngħid għal Michael Falzon. Dik hi metafora ta’ kif jiena nara lil Jason Micallef. Dejjem. Il-bieraħ, illum u se jibqa’ jkun hekk għada. Naħseb kulħadd jaf li qatt fl-istorja tal-MLP ma kellu Segretarju Ġenerali li kien attakkat bl-aktar mod feroċi erba’ snin konsekuttivi mill-mezzi tax-xandir u mill-Partit Laburista.
“Anke li joħroġ is-Segretarju Ġenerali tal-PN li ħass li kellu jmur fuq Radio 101 iwieġeb lili fuq din il-metafora, lili ssorprendietni. Jissorprendini jgħid li miegħi kien diffiċli li jikkomunika. Issa jekk is-Segretarju Ġenerali tal-PN lili kien isibni diffiċli biex jitkellem miegħi għax kont ngħidlu le fl-interess tal-Partit Laburista u meta niltaqgħu miegħu ma kontx ngħidlu iva għal kollox, dak kont qed naqdi l-funzjoni tiegħi fl-interess tad-delegati li tellgħuni,” ikompli Micallef.
Inqajjem il-kwistjoni ta’ l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li kien jagħmel il-partit. Lil min kien jurihom?
“Hi xi ħaġa sensittiva ħafna. Survey ta’ partit mhux ġurnal li qiegħed hemm biex jarah kulħadd jew biex jagħmel referenza għalih kulħadd imma qiegħdin hemm biex jagħmlu indikazzjoni lil min ikun involut fil-kampanja elettorali.
“F’dan il-każ is-surveys tal-partit seta’ kellhom aċċess għalihom u setgħu talbuhom bla problemi ta’ xejn u din toħroġ ukoll mir-rapport ta’ l-analiżi tat-telfa, it-tmexxija, jien u l-President tal-MLP. Kulmin talabhom ħadd ma żamm lil ħadd biex jarahom.”
Infakkru li f’intervista ftit bibien biss ’il bogħod minnu l-eks Deputat Mexxej Michael Falzon kien sostna li talab li jara s-surveys u ma urewhomlux.
“Lili personali kieku talabni kont intihomlu għax kellu dritt li jarahom bħala Deputat Mexxej tal-Partit bħalma kellu dritt jarahom Charles Mangion, Stephan Zrinzo Azzopardi, bħalma kellu dritt jarahom Alfred Sant.
“Ir-rapport tat-telfa jikkonferma li l-grupp ta’ strateġija ta’ ħamsa kien infurmat, kien involut, kien jaf bid-deċiżjonijiet ta’ qabel u bid-deċiżjonijiet li kienu qed jittieħdu waqt il-kampanja. Jien għaddejt il-minuti kollha tal-laqgħat kollha tal-grupp ta’ strateġija,” iwieġeb.
Nissikkah. Fil-laqgħat ta’ strateġija s-surveys kien jurihom?
“Segretarju Ġenerali jarahom kollha s-surveys għax dejjem kien id-Direttur tal-kampanja. M’hemmx privileġġ speċjali. Alfred Sant, almenu kemm ili hawn jien f’dawn l-aħħar ħames snin, dejjem kellu attitudni li personalment hu ma jkunx irid jara s-surveys u kien ta parir, u jien kont preżenti għalih dak il-parir, li hu fl-opinjoni tiegħu lid-deputy leaders ‘m’għandniex għalfejn naraw is-surveys sakemm l-affarijiet ma jkunux sejrin ħażin.’ Din hi l-verità kollha. Min jitlob li jara s-surveys jista’ jarahom u ma kienx hemm problema biex xi ħadd mid-deputati mexxejja jitlob is-surveys. Dan mhux lili imma min kien jagħmel is-surveys seta’ faċilment, mingħajr problemi ta’ xejn ġie ikkuntattjat mit-tmexxija.”
Imma sa ftit jiem qabel l-elezzjoni Jason Micallef kien qed tgħid lin-nies li l-MLP se jirbaħ bl-eluf. Kien qed jibblaffja jew kellu figuri ħżiena?
“Jien qatt ma għidt li l-Partit Laburista se jirbaħ bl-eluf ,” iwieġeb xott xott.
Nieħdu lura għas-sala tal-għadd tal-voti meta ftit sigħat biss wara li bdew jingħaddu l-voti kien tani kumment fejn fih qal li kien konvint li kien hemm partit se jirbaħ b’maġġoranza assoluta tal-voti.
“Ħa nkun ċar. L-indikazzjoni jien ġibtha mill-informazzjoni li ngħatat lili minn nies li kienu qed jieħdu ħsieb il-proċess elettorali. Ma jfissirx li għidt li l-MLP rebaħ.
“Hawn min interpretani hekk, ħa nkun ċar. U jista’ jkun li dak kien kumment li wara jien iddispjaċini li għidtu. U anke fuq din niskuża ruħi. Ġenwinament, jekk ġejt interpretajt ħażin, niskuża ruħi.”
Kemm hu fiduċjuż li se jerġa’ jinħatar Segretarju Ġenerali?
“Kull elezzjoni hi battalja. Qatt m’għandek tieħu l-elezzjoni bħala rebħa ċerta. Id-delegati draw u jafu li qatt ma kellhom Segretarju Ġenerali attakkat mill-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista daqskemm kont jiena.
“Dak li qed jintqal fuqi fil-mezzi tax-xandir kien intqal minn deputati ewlenin Nazzjonalisti u minn kunsilliera fuq Joe Saliba. Kien konvint li l-PN kien se jirbaħ żgur l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dawk l-elezzjonijiet tilifhom b’21,000 vot. It-talbiet tar-riżenja dakinhar kienu enormi. Taf x’inhi d-differenza? Li Joe Saliba dakinhar ma marx għal elezzjoni, għall-ġudizzju tal-kunsilliera tal-PN. Ma setax għax is-Segretarju Ġenerali jagħżlu l-mexxej u 39 ruħ oħra mill-eżekuttiv li hi xi ħaġa anti-demokratika għall-aħħar.
“Jien kull sena rrid noqgħod għall-ġudizzju tad-delegati. Kull sena għall-ġudizzju ta’ 889 ruħ. Joe Saliba injora t-talbiet kollha tar-riżenja u lanqas talab vot ta’ fiduċja. Jien naħseb hu kuraġġuż ħafna li jiena fuq dak kollu li qed jintqal fuqi se npoġġi ruħi għall-elezzjoni biex inkun konfermat mid-delegati tiġi meta tiġi l-elezzjoni.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef
Editorijal

Il Punt
Patri Mintoff

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|