MediaToday

Editorjal | 15 ta’ Ġunju 2008 Nr 85

L-Avukat Ġenerali ma jaħfirx id-dnub politiku

Il-vittorja li kanta Jeffrey Pullicino Orlando nhar il-Ġimgħa għax il-Pulizija iddeçidiet li ma tiħux passi kriminali kontrieh fuq il-każ tal-Mistra hi prematura u barra minn lokha.
Il-parir li jidher li ta l-Avukat Ġenerali lill-Pulizija li fil-konfront ta’ Pullicino Orlando m’hemmx lok li jittieħdu passi kriminali ma jassolvix lid-Deputat Nazzjonalista mir-responsabbiltà politika.
Pullicino Orlando jmissu jaf li mhux il-kompitu ta’ l-Avukat Ġenerali li jaħfer jew ma jaħfirx id-dnub politiku. Id-Deputat Nazzjonalista xorta għad irid iwieġeb għal għemilu quddiem l-elettorat.
Pullicino Orlando gideb meta qal li ma kien jaf xejn dwar il-proġett tal-Mistra li kien se jirrovina żona ta’ importanza ekoloġika kbira. Fl-istess nifs li Pullicino Orlando kien qed jagħmel din id-dikjarazzjoni quddiem il-poplu bilkemm laħqet nixfet il-linka fuq kuntratt li iffirma hu stess ma’ l-iżviluppatur xahrejn qabel.
L-Avukat Ġenerali qatt ma seta’ jagħti parir biex fuq din il-gidba jittieħdu passi kriminali għax għall-finijiet tal-Liġi dan mhux att kriminali. Imma qabel ma jibda jkanta vittorja u jqassam il-karti fid-djar tal-kostitwenti bħalma għamel ilbieraħ biex juri lid-dinja li mhux ħati, Pullicino Orlando kien jagħmel tajjeb li jrabbi ftit umiltà u jammetti li żbalja.
Għall-ingann politiku m’hemmx ħabs imma kull politiku serju jaf li jrid jerfa’ piż morali akbar minn ħaddieħor fejn jidħlu nuqqasijiet fil-ħajja pubblika. Jeżisti kejl ta’ x’piż irid jerfa’ l-politiku u dan il-kejl mhux se ssibu fil-kotba tal-Liġi.
Dan il-kejl kien ta prova tiegħu l-eks deputat mexxej Laburista Charles Mangion meta fl-1997 kien irriżenja minn Ministru tal-Ġustizzja wara żball amministrattiv li ma kienx responsabbli għalih hu. Dakinhar Mangion ħass li kellu jerfa’ r-responsabbiltà politika minkejja li fil-kotba tal-Liġi ma kien hemm xejn li jġiegħlu jagħmel dan.
Id-diċenza kienet titlob li Pullicino Orlando jwarrab mill-politika anki jekk ma kien hemm l-ebda dell kriminali mdendel fuqu. Ma jistax jaħsel idejh mill-każ tal-Mistra qisu qatt ma kien xejn.
Irridu nistennew x’se jingħad fil-Qorti tul il-każijiet li se jitressqu kontra t-tliet persuni indikati mill-Pulizija. Li hu żgur li mill-ftit informazzjoni li ħarġet s’issa hu ovvju li dawn it-tlieta ma setgħux aġixxew minn jeddhom mingħajr ħadd ma qabbadhom jew staqsihom biex jinvolvu rwieħhom.
Żewġ persuni kienu membri fil-Bord tal-Mepa u ieħor kien konsulent ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu li għamilha wkoll ta’ konsulent għall-iżviluppatur. X’interess seta’ kellhom dawn li jigdbu, jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jew juru interess iktar mis-soltu fi proġett li ma kienx tagħhom?
Għad hemm mistoqsijiet kbar dwar x’wassal lil dawn it-tlieta jwettqu r-reati kriminali li huma akkużati bihom. Seta’ kien hemm terzi persuni involuti? Jekk iva, min huma? L-investigazzjoni tal-Pulizija se tkompli fuq il-każ jew se tieqaf hawn?
Nittamaw biss li l-azzjoni tal-Pulizija u d-deċiżjoni ta’ l-Avukat Ġenerali ma twassalx biex jinqabdu s-suldati u l-ġenerali jibqgħu jiġru barra qisu xejn mhu xejn.

Intervista
Bejn maħfra u apoloġija

Julia Farrugia tintervista lil Jason Micallef



Il Punt
Appell lill-Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Joseph Muscat
Patri Mintoff



Emmanuel Micallef
Maltemp fis-sajf?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Fidi, politika u persuni pubbliċi



X'kien Jgħid
Żwieġ ipprojbit



Wenzu Mintoff
Sine qua non


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan