MediaToday

Toni u Peppi | 08 ta’ Ġunju 2008 Nr 84

L-Istat għandu jħallas rahan għal persuna maħtufa?

TONI

Tħallas jew ma tħallasx? Mhux faċli twieġeb meta xi ħadd mill-familja tiegħek ikun involut u faċli ħafna tgħid li m’għandux ikun hemm ħlas meta l-persuna involuta ma tkunx membru tal-familja tiegħek.
Dan qed ngħidu fil-każ ta’ ħtif ta’ persuna u li min jaħtafha jibda jinsisti għall-ħlas biex jeħlisha.
L-aktar li dejjem taw fil-għajn huma l-ħtif ta’ persuni f’pajjiżi fejn hemm konflitti internazzjonali kbar. Dan qed jingħad b’mod partikulari għall-każ ta’ l-Afganistan u l-Iraq. Il-każ ta’ Guliana Sgrena ta’ nazzjonalità Taljana u dik ta’ l-arkeologa Susan Osthoff ta’ nazzjonalità Ġermaniża, qajmu dibattitu kbir dwar kemm hu etiku li tħallas għal ħelsien ta’ ħaddieħor meta l-effett se jkun li ssaħħaħ din ‘l-industrija’ tat-terrur.
Minbarra dan bil-flus li jitħallsu jinxtraw aktar armi li jwasslu għal aktar imwiet ta’ innoċenti.
Fil-fatt bħalissa għaddej dibattitu kbir fil-Ġermanja għandux ikun hemm liġi li torbot idejn il-Gvern milli jkompli jagħmel ħlas għall-ħelsien tal-persuni maħtufa. S’issa l-Ġermanja mxiet fuq il-passi ta’ l-Italja u Franza. Mill-banda l-oħra pajjiżi bħall-Ingilterra u l-Istati Uniti huma assolutament kontra ħlas ta’ din ix-xorta u kemm-il darba akkużaw lill-Italja u lil Franza li b’għemilhom qed jaqsmu l-alleanza tal-punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
M’għandniex xi ngħidu, dawk li jinsistu għall-flus u ma joħduhomx ma jiddejqux joqtlu. Mhux hekk biss. Biex jibagħtu l-messaġġ li magħhom ma tilgħabx l-eżekuzzjoni ta’ l-ostaġġ saħansitra jxandruha fuq siti elettroniċi.
Xeni makabri ta’ ħsad ta’ irjus b’sikkina, bil-vittma tgħajjat għall-għajnuna, saru komuni u tat-tkexkix. Nista’ nifhem minn x’hiex jgħaddu l-familjari tal-vittma f’mumenti bħal dawn.
Nemmen li fil-komunita internazzjonali għandu jkun hemm front wieħed kontra dawk il-pajjiżi, persuni u organizzazzjonijiet li jfornu l-armamenti lil min jirrikori għal metodi tal-biża’ ta’ din ix-xorta. Għandu jkun hemm reġistru internazzjonali taħt is-sorveljanza ta’ aġenzija tal-Ġnus Magħquda dwar kemm, lil min u lejn liema pajjiżi jiġu esportati l-armamenti.
Biex nissorveljaw lill-pajjiżi bħall-Iran u l-Korea Ta’ Fuq hemm biżżejjed riżorsi internazzjonali. Ma nistax nifhem għaliex ma nistgħux nagħmlu l-istess lill-dawk il-fabbriki tal-punent li jħaddnu sistemi demokratiċi meta dawn suppost aktar disponibbli li jkunu trasparenti. Kemm ilha li bdiet il-gwerra ta’ l-Iraq inħatfu 305 persuna.
174 minnhom inħelsu billi sar xi xorta ta’ ħlas. Il-bqija nqatlu jew ħadd ma jaf x’ġara minnhom. Li hu żgur hu li l-ammont ta’ ħtif f’dawn il-pajjjiżi qed jiżdied. Bil-flus jinxtraw aktar armi mill-pajjiżi tal-Punent biex imutu aktar nies u jinħatfu oħrajn. Dan ċirku vizzjuż u ma jispiċċa qatt jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn.
L-agħar meta mill-ħelsien ta’ persuni innoċenti jsir in-negozju bejn min jaħtaf u min iħallas biex isir il-ħelsien.
Avveniment li ma ninsa qatt huwa dak meta Cecilia Sarkozy daħlet fil-kwistjoni taħraq tas-sitt tobba Bulgari li kienet inqatatilhom għall-mewt fil-Libja. Dan kien xorta ta’ ħtif istituzzjonalizzat. L-aħbar prinċipali kienet li bis-saħħa ta’ din il-mara dawn it-tobba nħelsu kollha.
B’kumbinazzjoni ftit tal-ġimgħat wara l-President Nicholas Sarkozy, li sa dak iż-żmien ma kienx jidher li kien ma’ Carla Bruni, ħabbar li Franza laħqet ftehim mal-Libja dwar bejgħ ta’ armi u bini ta’ ċentru nukleari. F’din il-kwistjoni kulħadd mar tajjeb. Franza għamlet il-bejgħ. Il-Libja ħadet dak li riedet. Is-sitt tobba Bulgari nħelsu u ftit wara s-sinjura Sarkozy ħadet id-divorzju minn mal-President u m’għandniex xi ngħidu ħadet xi ħaġa tajba magħha fid-dar ġdida fejn marret toqgħod. Kummiedja sarkożjana!
Li hu żgur hu li ħtif tal-persuni madwar id-dinja sar industrija kbira li qed tqanqal dibattitu etiku kbir. Il-ħtif ta’ persuni madwar id-dinja żdied b’70% u l-akbar numru ta’ persuni maħtufa, kontra kull impressjoni, mhux fl-Afganistan jew l-Iraq iżda fl-Amerika t’Isfel. Hemm spjegazzjoni mħallta. Parti mill-ħtif hu politiku u biex jiġi ffinanzjat ix-xiri ta’ l-armi. Iżda raġuni oħra hi dik tal-faqar kbir li hemm f’dawn il-pajjiżi.
F’dan il-kontinent il-ħtif ta’ persuna hu mezz kif il-fqir jieħu dak li jista’ mingħand is-sinjur. Minħabba t-tqassim inġust tal-ġid nazzjonali fejn ftit ħafna huma sinjuruni u l-bqija jgħixu fid-djar tal-landi, in-nies jireaġixxu għal din is-sitwazzjoni billi jieħdu l-ġustizzja ekonomika b’idejhom. Il-mira prinċipali huma t-tfal ta’ industrijalisti kbar ħerġin mill-iskola jew x’imkien jilagħbu. Iżda qed jiġri li ank l-fqar iduru għall-fqar .
Tant qed issir diffiċli li taħtaf it-tfal tas-sinjuri minhabba l-mezzi tas-sigurtà li jifilħu jħallsu għalihom li issa saret komuni wkoll li jinħatfu t-tfal tal-fqar u li jinħelsu wara l-ħlas ta’ ftit dollari. Għalhekk waħda mis-soluzzjonijiet biex jieqaf il-ħtif ta’ persuni f’dan il-kontinent hi li naħdmu biex ikun hemm ekonomija aktar ġusta u li tħares l-interessi soċjali ta’ kulħadd. Jekk ma jsirx hekk se jibqa’ jiġri dak li qal Victro Hugo f’Les Miserables, li l-fqir ma jiddejjaqx jisraq biex jibqa’ ħaj għax m’għandu l-ebda għażla oħra ħlief bejn il-ħajja u l-ħabs tal-bniedem.
Kull pajjiż għandu l-mod tiegħu kif iħares lejn din il-problema. L-Ingilterra u l-Istati Uniti huma intransiġenti u ma jċedu għall-ebda rikatt. Sa ċertu punt wieħed jammira din l-attitudni, iżda fl-istess ħin kemm hu etiku li tippermetti li titneħħa ħajja għax ma tridx tagħmel ħlas.
Il-Gvern Filippin jimxi ma’ din il-politika b’mod speċjali fil-każ ta’ ħtif politiku minn gruppi Islamiċi radikali ta’ ċittadini kemm tal-post kif ukoll barranin. Iżda fl-istess ħin ma jindaħalx jekk xi pajjiż barrani jrid jagħmel il-ħlas.
Mezz ieħor kif nistgħu niġġieldu dawn ir-reati hu billi jitħarrxu l-pieni. Meta fl-1932 inħataf it-tfel tal-famuż avjatur Charles Lindbergh fl-Istati Uniti qam furur kbir. Il-persuna li kienet ħatfet lit-tifel, ċertu Bruno Hauptmann kien issentenzjat għall-mewt għalkemm baqa’ jinsisti li kien innoċenti. Fil-fatt wara dan il-każ għaddiet liġi li jisimha “Little Lindbergh Law” li biha tħarrxu l-pieni għall-każijiet ta’ din ix-xorta.
Ma naħsibx li fil-każ ta’ ħtif marbut mal-privat għandu jkun hemm liġijiet li jipprojbixxu l-ħlas mill-familjari biex tinħeles il-persuna maħtufa. Din il-kwistjoni għandha titħalla f’idejn il-familjari. Ħadd daqshom ma jista’ jkun jaf minn x’hiex ikunu għaddejin. Il-problema tqum meta ma jkunux jistgħu jagħmlu l-ħlas u jitlobu lill-Istat iħallas għalihom għax inkella kif jgħidu r-Rumani, “Fortuna favet fortibus” għax nispiċċaw li min hu l-aqwa jħawwel.
Fl-aħħarnett naqbel li l-familjari jkunu obbligati li jirraportaw meta persuna tinħataf. L-Istat għandu jkun jaf b’dan biex ikun f’pożizzjoni jagħmel apprezzament tas-sitwazzjoni u anki jagħti l-pariri tiegħu lill-familjari x’għandhom jagħmlu. Bħal pereżempju għandhomx iħallsu immedjatament jew jissapportu qabel jagħmlu l-ħlas. Jista’ jkun ukoll il-każ li jkun jista’ jittieħed ir-riskju li jonsbu lil min ikun ħataf il-persuna billi jagħtuh x’jifhem li l-ħlas se jsir.
Iżda f’dawn is-sitwazzjonijiet l-Istat għandu jkun armat u mħarreġ tajjeb. Għandu jkollu dipartiment b’nies imħarrġa tajjeb billi jagħmlu l-kalkoli kollha qabel ma jittieħed xi riskju.
Fost oħrajn ikun hemm psikologi kriminali li mill-provi skarsi li jkollhom quddiemhom ikunu jistgħu jibnu profil tal-kriminal jew jaslu għall-motiv tal-ħtif. Ikollu apparat li jkun jista’ anki minn telefonata jew nota jasal għall-kriminal.
Fi ftit kliem f’dawn l-okkażjonijiet l-Istat għandu juri kompetenza sħiħa biex jinqabad il-kriminal u ssir lanqas ħsara possibbli lill-maħtuf.
Ara toniabela.blogspot.com

PEPPI

Immaġina li int il-Prim Ministru. Ċittadin Malti jinħataf barra l-pajjiż. Dawk li ħatfuh qed jitolbu ħames miljun ewro biex jeħilsuh. Sa llejla trid tagħtihom risposta. Inkella joqtluh.
Bħala Prim Ministru taf li dawn mhux qed jibblaffjaw. Li fl-imgħoddi, meta ma ċediex għat-talbiet tagħhom, qatlu lill-persuna maħtufa.
X’tagħmel? Iċċedi? Il-familja tal-persuna maħtufa qed titolbok bil-ħniena biex tgħaddilhom il-flus.
It-tfal tiegħu ma jifilħux jistennew minuta oħra mingħajr missierhom. Il-persuna maħtufa tbati minn kundizzjoni fiżika li għaliha għandha bżonn kura kontinwa. L-uġigħ tal-persuna minħabba din il-kundizzjoni jaf ikun insapportabbli. Il-ħin għaddej. Int bħala Prim Ministru trid tiddeċiedi x’se tagħmel? X’tagħmel?
Din mhix dilemma faċli. Għax żgur jiġuk f’moħħok ħafna kunsiderazzjonijiet li mhux faċli tweġibhom. Int, bħala Prim Ministru, għandek dritt taqbad 5 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu u tagħtihom li dawn il-kriminali?
Meta tgħaddilhom il-ħames miljun ewro, x’ikun il-messaġġ li tkun tibgħat? Erġgħu aħtfu lil xi ħaddieħor, sibuh Malti għax aħna lesti li nħallsu? Għax id-deċiżjoni trid tkun konsistenti. Ma tistax ikollok persuna maħtufa, jitolbuk somma flus biex jinħeles u tgħid iva għal wieħed u le għall-ieħor.
B’dawn l-argumenti quddiemek għandek tirrifjuta, le? Imma mbagħad x’jiġri jekk għada tqum filgħodu u wara l-bieb issib lil martu u lil uliedu jibku li lil missierhom qatluh kisaħ u biered u ħallewh f’għadira demm?
Issa li aktarx iddeċidejt li bħala Prim Ministru tgħid le għal dawk li qed jitolbu il-flus biex jeħilsu lil dawk maħtufa, immaġina li int omm il-persuna maħtufa. Il-persuna maħtufa hi tifla ta’ 11-il sena.
Xi tkun trid inti bħala ommha jew missierha? Kieku int kellek l-ammont ta’ flus li jkunu qed jitolbu, tħallas il-flus biex teħles lil bintek jew lil ibnek? Tinsisti ma’ l-Awtoritajiet biex iħallsu biex bintek tinħeles? Tkun lesta tħalli lil bintek ta’ 11-il sena f’idejn persuni li ma tafx x’qed jagħmluha bħalissa? X’se tiddeċiedi issa li ġejt inurmata li għada jekk ma jirċievux il-flus se joqtlu lil bintek?
Iltqajt ma’ storja ta’ xi ħadd li għen ħafna biex titħallas somma flus biex jinħeles tifel maħtuf. Il-ferħ li ħass meta ra lit-tifel jingħaqad ma’ ommu u ma’ missieru ma setax jiddeskrivih. Il-flus imorru u jiġu imma dan it-tifel kien reġa’ twieled mill-ġdid. Sakemm,.minn investigazzjoni tal-Pulizija kien żvelat li l-omm u l-missier kienu involuti fl-istorja. Kienu huma li ftiehmu mal-persuna biex taħtaf lit-tifel tagħhom. Il-persuna titlob somma flus. Il-ġenituri jirnexxilhom iġibu dawn il-flus biex jinħeles it-tifel suppost maħtuf. It-tifel jinħeles.
Parti sostanzjali tal-flus jispiċċaw fil-but tal-ġenituri tiegħu. Meta l-awtoritajiet jibdew iċedu għall-pressjoni li ssir biex jitħallsu l-flus ikunu qed jagħtu lok li anke jinbtu dawn l-abbużi serji.
Id-dilemma tikber meta flok flus jintalbu biex jinħelsu priġunieri msejħa politiċi. Uħud mill-priġunieri verament ma jkunx ħaqqhom ikunu il-habs imma oħrajn jafu jkunu terroristi u allura perikolużi li kif joħorġu jispiċċaw joqtlu nies oħra bla ħtija. Dilemma li tħawdek għax issa jista’ jkun li biex tkun salvatha ħajja waħda jitpoġġew fil-periklu ħafna ħajjiet oħra.
Hawn iqum argument ieħor. Il-ħajja għandha tinkludi n-numri? Lesti nissagrifikaw ħajja għax hemm ħajjiet oħra fil-periklu?
Jiena mħawwad fuq din. Nasal biex naqbel li jkun hemm negozjati ma’ dawk li jaħtfu lil xi persuni. Iżda li jitħallsu l-flus, ma naqbilx, dejjem jekk ma jkunx ibni.

Intervista
Bidu ġdid għal Azzjoni Nazzjonali

Sabrina Agius tintervista lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-AN Malcolm Seychell



Il Punt
Ir-regola 6+5 tal-FIFA
John Borg


Toni U Peppi


L-Istat għandu jħallas rahan għal persuna maħtufa?



Emmanuel Micallef
Għażiż Joseph ...


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien il-pedamenti?



X'kien Jgħid
It-tfittxija għas-Salvatur



Wenzu Mintoff
Għabex sabiħ


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan