MediaToday

Intervista | 08 ta’ Ġunju 2008 Nr 84

Bidu ġdid għal Azzjoni Nazzjonali

Sabrina Agius tintervista lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-AN Malcolm Seychell

L-iżgħar kandidat li ħareġ ma’ Azzjoni Nazzjonali fl-elezzjoni li għaddiet għadu kif inħatar Segretarju Ġenerali mill-Eżekuttiv
tal-Partit.
Malcolm Seychell jieħu postu f’din il-kariga
fl-iktar partit żgħir wara riżultat xejn sabiħ
fl-elezzjoni ġenerali. Kien qed jistenna iktar appoġġ mill-poplu?
Seychell jammetti li għalkemm it-tiġrija
għall-Partit kienet iebsa, kien qed jistenna riżultat kemmxejn aħjar. Iżda jtenni li “issa li għadda kollox irrealizzajna li minflok bdejna nibnu ftit ftit, dħalna fi gwerra mill-ewwel. Kien hemm kampanja qawwija, imma n-nies tant kienu beżgħana minn Sant li ippreferew jivvutaw
lill-Partit Nazzjonalista.”
Seychell jiġġustifika n-nuqqas ta’ voti lejn il-partiti ż-żgħar għax skond hu l-PN għamel kampanja “perfetta”.
“Il-PN daħħal l-ewro, kellu partit ġdid u fl-aħhar xahar u nofs ġrew wara kull persuna li ħasbu li telqet mill-Partit. Wegħdu ħafna. Allura kif in-nies setgħu ma jivvutawx PN?”
Waqt li qed iniżżel tazza ilma nistaqsi lil Seychell x’se jkunu l-prioritajiet tiegħu issa li laħaq Segretarju Ġenerali.
“Li hu żgur hu li kemm jista’ jkun irridu niltaqgħu iktar man-nies. Apparti minn hekk irridu nfiehmu iktar b’mod ċar dak li ippruvajna ngħidu. Ħafna nies per eżempju ħasbuna kontra l-gays, imma t-timbru li tieħu qisek tibqa’ bih. Jien se nipprova nara li dawn is-sezzjonijiet
tan-nies niltaqgħu magħhom. Min-naħa tagħna rridu nisfruttaw ukoll il-media. Nemmen li b’argument persuna tista’ tirbaħlu.”
Indawwarlu d-diskors fuq il-kap tal-Partit. Bħal Alfred Sant, Josie Muscat ukoll għamel u-turn u reġa’ bdielu dwar it-tmexxija tal-partit.
Fil-fehma ta’ Seychell is-sitwazzjoni hi kemmxejn differenti għax Muscat kien ilu biss ftit xhur kap tal-partit mhux bħal Sant.
Din id-darba jkun hu li jdawwar id-diskors u jitkellem fuq l-ideat imniżżla fil-manifest ta’ Azzjoni Nazzjonali li skond hu jidher li niżlu tajjeb mal-PN.
“Meta tikkunsidra li l-Partit ma tantx ilu mwaqqaf, jidher li l-PN ħa diversi ideat minnu. Issa hemm John Dalli li jaqbel li hemm abbużi
fis-servizzi soċjali, Fejn tidħol l-immigrazzjoni,
fl-aħħar il-PN qed jammetti li hemm problema kbira. Qabel l-elezzjoni ma kellux l-guts jammettiha.”
Isemmi wkoll il-fattur taċ-children’s allowance li se tibda tingħata lil kulħadd.
“Għalina dan hu sodisfazzjon kbir, għax proposti li għaddejna fl-elezzjoni, qed jiġu diskussi.”
Infakkru li qabel l-elezzjoni kienu ssemmew diversi ismijiet ta’ persuni fil-partit tiegħu li xellfu difrejhom mal-ġustizzja. Fil-konferenza ġenerali dawn in-nies tneħħew. Jaħseb li din kienet problema kbira għall-kredibbiltà tal-partit meta kienu jisħqu tant fuq il-ġustizzja, l-ordni pubbliku u l-ġlieda kontra l-kriminalità?
Mingħajr tlaqliq jgħidli: “Naqbel. Naħseb waħda mid-daqqiet li qlajna waqt il-kampanja elettorali kienet dik. Li jkollok front page f’gazzetta b’erba’ mill-uffiċjali li għandhom kawżi kriminali bagħtitna lura. Li ma naqbilx hu li ma ġarax l-istess fil-każ ta’ Harry Vassallo.
“Biex każ hekk ma jerġax jiġri fi ħdan il-Partit se jinħatar bord ta’ dixxiplina fejn jiġi eżaminat min irid jidħol fl-eżekuttiv jew bħala kandidat. Xogħol il-bord hu li jivviġila min jidħol.”
Minkejja li l-immigrazzjoni kien suġġett fuq quddiem ta’ l-aġenda ta’ l-AN u tkellmu b’diskors iebes fuqu jidher li għan-nies ma kinitx priorità elettorali. L-AN issa se titkellem b’mod iktar moderat fuq il-kwistjoni?
Kien qed jistenna din il-mistoqsija. Xorta jisħaq li l-Partit dejjem tkellem b’mod moderat. “Dejjem ippruvajt nuża diskors moderat. Dan imbagħad jiddependi xi tfisser bil-kelma moderat. Jekk għax tgħid ‘għax ma rriduhomx iktar hawn għax
il-pajjiż ma jiflaħhomx’, xorta ħa nibqgħu ngħiduha hekk. Dak hu prinċipju li aħna nemmnu.”
Bla dubju soluzzjoni li tgħodd għal Malta li taqbel magħha l-AN hi li bħall-Italja, f’Malta l-immigrazzjoni irregolari tibda titqies bħala reat. “Hekk hemm bżonn, għax forsi jekk tiġi hekk, jibqgħu biss l-immigranti ġenwini.”
Biex ibenġilha jgħid “kif dejjem għedna jekk ikunu immigranti legali u li l-pajjiż ikollu bżonnhom mhux problema. Eżempju, jekk għandna problema ta’ għalliema, allura ma jimpurtax jekk iġibu minn barra, basta jħallsu t-taxxa u jkunu regolari.”
Nistaqsih, issa li l-Partit għadda minn ċerti trasformazzjonijiet, liema hi d-direzzjoni politika li se jieħu?
Għal Seychell id-direzzjoni hi li jibnu fuq dak li diġà għandhom. Jagħtini eżempju biex nifhem aħjar x’irid jgħid. “Aħna dejjem sħaqna li nemmnu bil-familja tradizzjonali. Imma xorta konxji li hawn ħafna nies poġġuti. Naqblu li n-nies għandhom dritt għall-wirt, joint accounts, imma li nibqgħu nisħqu wkoll hu li wieħed dejjem irid ikun responsabbli ta’ l-azzjonijiet tiegħu.”
Iktar importanti minn hekk jistqarr: “Ħa nagħmel l-almu tiegħi biex niltaqgħu mal-kategoriji ta’ nies differenti li weġġajna u nsibu punti komuni. Mhux se niddiskriminaw fuq lifestyle.”
Punt ieħor li jerġa’ jtambar fuqu hu dak
tal-ġustizzja. Jagħtini eżempju bil-familji li soffrew mll-isplużżjoni tan-nar fin-Naxxar. “X’ġustizzja saret magħhom dawn in-nies? Min ipperikolalhom ħajjithom spiċċa ħareġ fuq pleġġ. Allura hekk sew? Dik mhux ġustizzja.”
Spunt ieħor hi l-ekonomija.
“Kif diġà tkellimna waqt l-elezzjoni, lil min jaħdem trid tinċentivah. Inqas ma jkun hawn taxxa, iktar ikun hawn xogħol għaddej.”
Imma l-poplu jista’ qatt joħodhom bis-serjetà?
Jitbissem. “Niltaqa’ ma ħafna nies jgħidulna li għandna prinċipji tajbin u li għandna raġun f’diversi oqsma. Imma sfortunatament qisu mhux parti mill-kultura Maltija li tivvota għal partit żgħir. Naħseb iridu jkunu ż-żgħażagħ li jagħtuna l-appoġġ għax ġeneralment dawn jivvutaw lil min jaqblilhom u mhumiex daqshekk partiġġani.”
Awtomatikament toħroġ spontanja l-mistoqsija x’se tagħmel l-AN biex tiġbed lejha iktar
liż-żgħażagħ.
Pass żgħir diġà sar. “Ġie iffurmat eżekuttiv magħmul minn żgħażagħ biex nieħdu l-ideat tagħhom u naraw x’nistgħu nagħmlu.”
Nistaqi lil Seychell jekk l-AN hux se tikkontesta fl-elezzjonijiet lokali fis-snin li ġejjin. Mill-ħarsa ta’ wiċċu qisu ma tantx ried jiżvela daqshekk
il-passi futuri tal-partit.
“Din trid tkun deċiża mill-eżekuttiv imma l-probabbiltà kbira hi li iva.”
L-istess risposta jagħtini meta nistaqsih jekk hux se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla, imma din id-darba jwieġeb kemmxejn differenti.
“Irridu naraw il-finanzi tal-Partit.”
Qisu jaqrali moħħi għall-mistoqsija li jmiss. Anġlu Xuereb kien għassa għall-finanzi tal-partit. Iżda ddeċieda li ma jibqax jimxi fil-karriera politika tiegħu. Issa li telaq Xuereb mill-partit, mnejn se jġibu l-fondi?
Bħal biex iserraħli rasi jgħidli “ma telaq bl-ebda ġlied. Ħass li m’għandux ikompli, iżda nafu li l-appoġġ morali tiegħu se jagħtihulna. Il-flus jibqa’ dejjem fattur, imma xorta se nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq in-nies għax li tiltaqa’ magħhom hi importanti. Probabbilment niġbru wkoll mingħand in-nies, imbagħad tuża l-fondi bl-aħjar li tista’.”
Nistaqsih ma’ liema grupp politiku Ewropew se jaffiljaw irwieħhom iżda jidher li l-AN għadha ma ħaditx pożizzjoni uffiċjali.
“La mal-Ħodor, la mas-Soċjalisti u lanqas
mal-Komunisti. Hemm żewġ għażliet. Jew l-UEN (Union for a Europe of Nations Group) jew il-PPE (Group of the European’s Party and European Democrats), il-Partit li hemm fih in-Nazzjonalisti. Irid jiġi deċiż x’inhi l-aħjar għażla. Ma’ l-oħrajn mhux se nintefgħu żgur. Tista’ sserraħ moħħok.”

Intervista
Bidu ġdid għal Azzjoni Nazzjonali

Sabrina Agius tintervista lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-AN Malcolm Seychell



Il Punt
Ir-regola 6+5 tal-FIFA
John Borg


Toni U Peppi


L-Istat għandu jħallas rahan għal persuna maħtufa?



Emmanuel Micallef
Għażiż Joseph ...


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien il-pedamenti?



X'kien Jgħid
It-tfittxija għas-Salvatur



Wenzu Mintoff
Għabex sabiħ


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan