Xkien Jgħid? | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Is-saga tas-suċċessjoni tal-Mexxej Laburista mill-ewwel kienet waħda b’aspetti teatrali. Fiha il-kurżitajiet u s-sorpriżi tagħha - saħansitra b’xeni ta’ comic relief - tant li jagħmluha waħda interessanti biex tkun segwita mill-udjenza, tkun min tkun. Fil-bidu kellha l-elementi kollha biex tkun traġedja Griega tajba, iżda spiċċat farsa minn tat-tip li dari l-popolin kien imdorri jara fis-sala tal-Kappillan.
Issaqsunix kif, iżda l-ħames karattri li donnhom qed ifittxu awtur biex jiġborhom f’xogħol wieħed, b’apoloġija dovuta lil Luigi Pirandello, il-ħin kollu jissorprendu. Daqqa b’li jgħidu u daqqa b’li ma jgħidux. Din il-ġimgħa fil-programm ta’ Hanson fuq l-istazzjon televiżiv Smash, Michael Falzon qal ħemel affarijiet li qatt ma konna nobsru u tant implika intriċċi u akkużi li seta’ jsawwar rumanz twil xi 2,000 paġna bħalma tant jaf jikteb u jħawwar l-istess Alfred Sant!
Il-kwistjoni tas-sondaġġ li sar mill-gazzetta MaltaToday wasslet għall-imrar liema bħalu fost l-erba’ kontendenti li kienu jafu li m’għandhomx ċans iżda qatt ma riedu jaċċettaw il-verità! U l-farsa tkompli.
Sadanittant, mhux daqstant f’għajnejn il-pubbliku, għaddejja saga oħra tas-suċċessjoni fil-Partit Nazzjonista. Wara Joe Saliba, min? B’kuntrast mal-farsa fi ħdan il-Partit Laburista, is-saga li għaddejja bħalissa fil-PN hi traġedja Griega awtentika b’għeluq mimli dwejjaq u sfortuna!
Hawnhekk ma kellniex lista ta’ karattri jfittxu l-inkoronazzjoni tagħhom (anki jekk b’kuruna tax-xewk!) iżda kellna l-allat jitfgħu għajnejhom fuq min dehrilhom li għandhom jagħżlu biex jissuċċiedi lil Saliba a skapitu ta’ min kellu jitħalla jimxi waħdu lejn il-ħatra tiegħu bl-aktar mod naturali.
Ma nafx kif u għaliex, iżda l-allat iddeċiedew li jitfgħu għajnejhom fuq Xmun Busuttil biex jidħol għall-isfida li ġġib magħha l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN, il-kariga li Saliba se jħalli warajh fi ftit ġimgħat oħra.
Ma nafx kif u għaliex, għax filwaqt li Busuttil għandu ħafna merti tant li diġà ngħata l-medalja għal Qadi tar-Repubblika b’riħet dawn il-merti, ma jidhirx li għandu l-kapaċità organizazzjonali biex jidderieġi l-għeruq tal-PN.
Milli jidher fl-ewforija tat-tielet rebħa, l-allat insew li mhux kulma għamel Joe Saliba kien perfett. Wieħed minn nuqqasijiet tiegħu kien proprju kif mexa u ttratta lill-kumitati sezzjonali tal-Partit. Hu ovvju li dak li tilef Joe Saliba f’din id-direzzjoni ma tantx jista’ jkun xi ħadd it-tip ta’ Xmun Busuttil li jirkuprah.
Iżda xi minn daqqiet dak li jkun tant ikun diġà pinġa f’moħħu l-istampa kif deċiża minn qabel, li anqas jintebaħ bir-realtà ovvja twerżaq f’wiċċu.
Dak li kellu jkun il-kontendent naturali kien ovvvjament Beppe Fenech Adami. Dan ilu jaħdem fl-Uffiċċju Elettorali tal-PN (l-Elcom) għal aktar minn 20 sena u hu midħla sew tan-nies tal-Partit f’kull belt u raħal. Il-bużillis hi li hu t-tifel ta’ missieru u naħseb li kien hemm min iddarras li tkompli tingħata l-impressjoni li fil-PN jeżistu d-dinastiji.
Madankollu, jekk wieħed jiġġudikah fuq l-esperjenza u l-kapaċitajiet tiegħu biss u mhux fuq kunjomu, Beppe jgħaddi mill-eżami bl-unuri.
It-traġedja avverat ruħa meta l-allat għamluha ovvja wisq li jippreferu lil Busuttil minn Beppe u li dan kien biss is-sekonda preferenza tagħhom.
L-ebda bniedem li jirrispetta lilu nnifsu m’għandu jkun mistenni joqgħod għal din it-tip ta’ umiljazzjoni bħallikieku xejn ma hu xejn! U Beppe ħa l-messaġġ u ‘irtira’ x-xewqa tiegħu li jidħol fiż-żarbun ta’ Joe Saliba.
Sadanittant, madankollu, Simon Busuttil kien għadu jtella’ u jniżżel sakemm fl-aħħar iddeċieda li jagħżel il-kesħa tas-sema griż u msaħħab ta’ Brussel flok jissogra li jinħaraq fix-xemx Maltija tikwi fis-sema kaħlanija ta’ din l-art ħelwa. Kif kellu dritt jagħmel!
U issa? Beppe se jaċċetta li jkun aċċettat għax hu kien it-tieni għażla wara li min kien aktar preferut minnu ma aċċetax?
Jekk le, fuq min se jitfgħu ħarsithom l-allat?
Hu x’inhu, żgur li meta jiltaqa’ l-Eżekuttiv il-ġdid tal-PN, ħadd m’hu se jkun nominat għal ħatra ta’ Segretarju Ġenerali b’xi mossa spontanja mingħajr ma jkun hemm kollox moħmi minn qabel.
Metodi differenti dawn ta’ kif isiru s-suċċessjonijiet fil-Partit Laburista u fil-Partit Nazzjonalista. Wieħed fid-dehra bla kont u bla diplomazija u l-ieħor taparsi aktar pakat u matur. Iżda t-tnejn jibdew b’mira maħsuba minn qabel u b’xi mod jew ieħor din il-mira tispiċċa jkun attwata, jew kważi! |
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|