Wenzu Mintoff | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
L-iktar aħbar ta’ qsim il-qalb matul il-ġranet li għaddew la kellha x’taqsam ma’ terrimoti u lanqas ma’ ċikluni fl-Asja, imma mal-fatt li Tonio Borg kellu konferenza x’imkien fil-Mawritanja bħala parti mill-proċess Ewro-Mediterranju u ma setax jattendi għaliha għax ma ngħatax pairing mill-Oppożizzjoni perfida Laburista.
Issa dan il-proċess Ewro-Mediterranju li kien inbeda f’Barcellona madwar 14-il sena ilu, għalkemm lilna għandu jinteressana mhux ftit bħala pajjiż fil-qalba tal-Mediterran, bil-pass tan-nemlu li mexa bih matul is-snin, qajla wieħed kien qed jistenna li fil-laqgħa tal-Mawritanja kien se jsir xi miraklu li qatt ma sar bħalu fl-14-il sena li għaddew.
Tista’ taħseb, il-proċess ta’ Barcellona suppost li kellu l-għan li permezz ta’ għajnuna finanzjarja li l-pajjiżi Ewropej kellhom jipprovdu lill-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq, dawn ta’ l-aħħar kien se jkollhom żvilupp ekonomiku qawwi biżżejjed biex in-nies t’hemmhekk ma jkollhomx għalfejn jirriskjaw ħajjithom biex ifittxu xortihom f’xi pajjiż Ewropew.
Għalkemm hawn ħafna li jiddeskrivu l-proċess ta’ Barcellona bħala wieħed mill-ikbar fallimenti ta’ l-Unjoni Ewropea, tisma’ lil Tonio Borg inewwaħ dwar in-nuqqas ta’ pairing li tellfu l-mawra tal-Mawritana kemmxejn ma tibdix taħseb li din kienet xi kwistjoni ta’ ħajja jew mewt.
L-Eċċellenza Tiegħu
Malta xorta waħda setgħet tkun rappreżentata fil-Mawritanja minn pereżempju r-Rappreżentant Permanenti, l-Eċċellenza Tiegħu Richard Cachia Caruana jew xi subaltern tiegħu.
Imma safrattant beda l-ispinning and weaving biex l-Partit Laburista jitpinġa li qed itellef mill-‘ħidma importanti’ tal-Gvern barra mill-pajjiż, meta s’issa l-unika pożizzjoni li ħa l-MLP dwar il-pairing kienet proprju li ma jiħux pożizzjoni sakemm issir l-elezzjoni għal mexxej ġdid tal-Partit. Minflok ma jirrispettaw din id-deċiżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bdew l-imbekkati min-naħa Nazzjonalista qisu li l-Oppożizzjoni Laburista hi b’xi mod obbligata li tagħmilha ta’ bilfors ta’ l-abbati tal-Gvern.
Tort tal-Partit Laburista li l-Partit Nazzjonalista spiċċa b’maġġoranza relattiva ta’ 0.55%, bil-partiti fl-oppożizzjoni kollha kemm huma b’50.66% u bil-PN b’49.34%? Tort tal-Partit Laburista li l-PN spiċċa b’maġġoranza ta’ 1.44% tas-siġġijiet meta suppost għandu maġġoranza ta’ 0.55%?
Proporzjonalità
Lawrence Gonzi qed jirrekrimina kontinwament dwar id-distretti kif imfassla mill-Kummissjoni Elettorali maħtura minnu stess għax skond hu din ħadmet id-distretti fuq ir-riżultati tal-kunsilli lokali u minħabba f’hekk spiċċajna b’riżultat pervers ieħor fejn is-siġġijiet ma qablux b’mod preċiż mal-voti.
F’sitwazzjoni fejn il-partiti ewlenin kienu prattikament ras imb’ras diffiċli ħafna li b’differenza ta’ 1,580 vot bejniethom, id-distretti setgħu jagħtu proporzjonalità millimetrika bejn voti u siġġijiet.
Meta jilmenta kontinwament dwar kif kienu mfasslin id-distretti, x’qed iberren f’moħħ Gonzi? Li bl-ekwivalenti ta’ terz ta’ kwota, minflok maġġoranza ta’ siġġu wieħed, il-Partit Nazzjonalista kellu jingħata maġġoranza ta’ tliet siġġijiet?
Meta jpinġi s-sitwazzjoni skomda li jinsab fiha l-PN fil-Parlament qisu jaħti għaliha l-Partit Laburista li għadu ma tax pairing, Gonzi mhuwiex jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu. Għax hu l-poplu u ħadd iktar responsabbli għal din is-sitwazzjoni, meta tajjeb jew ħażin iddeċieda li jħalli l-Gvern ta’ Gonzi mdendel b’xagħra bit-tama li dan il-Gvern inaqqas mill-prepotenza u mill-arroganza tiegħu.
L-1996-1998
Meta argumenta għalfejn l-Oppożizzjoni Laburista kważi ta’ bilfors ‘obbligata’ tagħti l-pairing, Gonzi pprova jqanqal l-ilmijiet tal-passat meta bejn l-1996-1998 il-PN kien fl-Oppożizzjoni u l-MLP fil-Gvern b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed.
Iżda l-paraguni huma odjużi mhux ftit, l-iktar meta ċ-ċirkostanzi li jitqabblu jkunu sostanzjalment differenti anki jekk mad-daqqa t’għajn ikun hemm xi xebħ. Fl-1996 l-MLP kellu maġġoranza assoluta ta’ 7,633 vot li kienu l-ekwivalenti ta’ żewġ kwoti u terz u spiċċa b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed, mentri fl-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu li għadda, il-PN ġab maġġoranza relattiva ta’ 0.55% bħala voti (terz ta’ kwota) u spiċċa b’maġġoranza ta’ 1.44% bħala siġġijiet. Jiġifieri assolutament m’hemmx paragun bejn sitwazzjoni u oħra.
Apparti li r-raġunament dejjem għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett lejn ir-rieda popolari, anki jekk wieħed jista’ jkollu r-riżervi leġittimi tiegħu dwar kif ikun inkiseb dak il-mandat popolari. Lanqas m’hu qed ikun daqstant onest Gonzi meta jgħid li n-Nazzjonalisti kienu taw il-pairing waqt il-leġislatura ta’ l-1996 u l-1998.
Inqas minn erba’ xhur wara li kienu taw il-pairing ma’ l-ewwel ċans ta’ skuża spiċċaw iritiraw mill-pairing għall-bqija ta’ dik il-leġislatura.
Għajn il-labra
Qed ngħid dan kollu mhux għax naqbel li assolutament m’għandux jingħata l-pairing imma għax ma naqbilx li GonziPN għandu jitħalla jagħmel pressjoni mhix xierqa fuq l-Oppożizzjoni biex din ma titħalliex tieħu l-pożizzjoni li tħoss li tkun l-aktar ġusta fiċ-ċirkostanzi.
Anki l-offerta biex il-Grupp Parlamentari Laburista jinnomina lil xi ħadd minn ħdanu ma kinitx waħda sinċiera. Jekk din il-proposta hi marbuta ma’ ftehim dwar il-pairing ikun superfluwu jekk il-persuna nominata bħala Speaker tkunx Deputat Laburista jew le.
Jew tassew iridu jibdew paġna ġdida fil-politika ta’ dan il-pajjiż, inkella se jkomplu jilagħbu bil-bżallu billi jippruvaw jgħaddu kontinwament lill-Partit Laburista minn għajn il-labra.
B’dak kollu li paspar il-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel l-ebda elezzjoni, abbużi galore minn fondi pubbliċi f’reklamar fuq il-media, tqassim ta’ materjal propagandistiku, billboards eċċ, bl-għoti ta’ kemm Alla ħalaq permessi mill-MEPA, il-mijiet ta’ strutturi illegali fl-Armier u fid-Dwejra Għawdex li ġew approvati proprju lejlet l-elezzjoni, kull xorta ta’ pjaċiri u ċejċa oħra bħala lixka għall-voti, żbilanċ sfaċċat fuq ix-xandir pubbliku.
Il-PN ċertament ma ħaqqux isib lil min jikkopera miegħu u jħaffiflu xogħlu fil-Parlament. Jekk il-Prim Ministru Gonzi għandu sitwazzjoni diffiċli fil-Parlament, żgur ma jaħtix għaliha l-Partit Laburista. Din is-sitwazzjoni hi konsegwenza diretta tal-messaġġ li ried jagħti l-elettorat fl-aħħar elezzjoni li xtaq jagħti tbeżbiża lin-Nazzjonalisti għall-arroganza tagħhom fis-snin imgħodijja.
Jekk wieħed jimxi fuq dak li jgħidlu l-istint il-Gvern Nazzjonalista żgur ma ħaqqux il-pairing. Jekk mill-banda l-oħra rridu naħsbu b’mod strateġiku u politiku, m’għandniex inħallu l-istint jikkmandana u jirkibna.
Ħames snin oħra jaslu u min minna jibqa’ ħaj, oqgħod żgur li se jsib ma’ wiċċu l-istess barumbati u prattiċi immorali li jintlagħbu biex jiddeterminaw ir-riżultat ta’ l-elezzjoni.
Meta l-Oppożizzjoni Laburista tikkunsidra għandhiex tidħol fi ftehim ta’ pairing imissha tinsisti man-Nazzjonalisti fuq liġijiet stretti biex dawn l-abbużi jkunu meqjusa bħala prattiċi korrotti li jistgħu jwasslu biex tiġi annullata l-elezzjoni.
Il-quid pro quo għall-pairing m’għandhiex tkun xi kariga istituzzjonali li ma tbiddel xejn mill-kwadru ġenerali imma għandhom ikunu miżuri effettivi li jsaħħu d-demokrazija ta’ dan il-pajjiż.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|