Toni U Peppi| 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
TONI
Iva! U ngħidha mingħajr tlaqliq. Partit politiku għandu jkollu l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. F’dinja fejn l-ispejjeż biex jasal il-messaġġ politiku dejjem qegħdin jikbru, huwa neċessarju li partit politiku jkollu għejjun finanzjarji mhux biss minn dak li jdaħħal mingħand l-imsieħba tiegħu iżda minn sorsi indipendenti oħra. L-importanti li d-dħul ikun trasparenti u li l-imsieħba jinżammu infurmati bil-qligħ, telf u mod ta’ tmexxija ta’ l-attività kummerċjali.
L-importanza li partit politiku jkollu l-attività kummerċjali tiegħu hija meħtieġa aktar għal dak il-partit li jkun fl-Oppożizzjoni. Din tinħass aktar f’pajjiżna fejn kuntrarjament għal pajjiżi oħrajn bħall-Ġermanja u Franza, il-partiti f’Malta ma jirċievu ebda għajnuna finanzjarja mingħand l-istat. Minbarra dan, partit fl-Oppożizzjoni dejjem qiegħed fi żvantaġġ mal-partit fil-Gvern.
Dan l-aħħar bdejna l-ħin kollu nsemmu l-‘power of incumbency’ li għandu l-partit fil-Ġvern. Parti minn dan il-power of inċumbency rajnieh fl-aħħar kampanja elettorali meta eluf kbar ta’ liri ntefqu mill-Kaxxa ta’ Malta bħala kampanja pubbliċitarja tad-dipartimenti kollha tal-Gvern. Fil-verità kienu parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Dan tant huwa minnu li f’diversi okkażżjonijiet l-Awtorità żammet milli jidhru fuq il-PBS u stazzjonijiet oħrajn riklami ta’ Dipartimenti għax kienu ta’ natura politika partiġġana. Wieħed minnhom kien dak ta’ Smart Island.
Li kieku l-flus li ntefqu bil-kampanja pubbliċitarja li għamel il-PN minn fondi pubbliċi ħarġu mill-kont bankarju ta’ dak il-Partit, kieku Peter Darmanin kien jispiċċa jiġġennen. Kieku mhux maratoni ta’ ġbir u fieri tal-ħut kien ikollu jorganizza, iżda kampanji internazzjonali u anke japplika għal self mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Quddiem dan il-vantaġġ skandaluż, il-partit fl-Oppożizzjoni qatt ma seta’ jibda. Għalhekk il-ħtieġa akbar għall-Partit fl-Oppożizzjoni li jkollu dħul finanzjarju u minn attivitajiet kummerċjali biex forsi jnaqqas ftit minn dan l-iżvantaġġ.
Minbarra li dawn ix-xorta ta’ attivitajiet iservu bħala għajn ta’ introjtu, għandhom vantaġġ ieħor importanti. Inaqqsu mill-ħtieġa li l-partiti jistrieħu fuq id-donazzjonijiet tal-membri tagħhom u anke ta’ terzi li jista’ jkollhom aġenda moħbija.
Tiskanta kemm isiru ġenerużi ċerti nies, b’mod speċjali fir-rigward ta’ dak il-partit li jkun fil-gvern. Id-donazzjonijiet huma sbieħ iżda fl-istess ħin odjużi. Altru l-Lm10 li jagħti membru ordinarju u altru l-Lm20,000 li jagħti negozjant li ismu jissemma ta’ kuljum fil-gazzetti għall-kwantità ta’ kuntratti li jieħu mingħand il-gvern kull sena.
Dan l-aspett ta’ l-argument jakkwista aktar importanza meta wieħed jiftakar li sa llum, aħna wieħed mill-ftit pajjiżi li m’għandniex liġi dwar il-finanzjament tal-partiti. Sa llum kulħadd aċċetta r-rakkomandazzjoni ta’ Anthony Galdes ħlief min kien ikkummissjona lil dan l-ex-Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex jagħmel rapport, jiġifieri l-Partit Nazzjonalista. Jidher ċar li dan il-partit ma jridx jikxef idejh.
Għalhekk il-Partit Laburista għandu l-aktar interess li malajr kemm jista’ jkun jibda jaħdem biex jikkumpensa għal dawn iż-żewġ vantaġġi finanzjarji kbar li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Bid-donazzjonijiet tal-partitarji biss ma hux ser ikampa.
X’aktarx il-ħruġ qiegħed ikun ħafna akbar mid-dħul. Minbarra dan din l-attitudni passiva li noqogħdu nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna u li tistrieħ fuq dak li jaqa’ mis-sema, mhix tagħmel ġustizzja mal-membri tal-partit. M’għandhomx ikunu huma biss li jġorru fuq spallithom il-parti l-kbira tal-madmad finanzjarju tal-Partit. Li jkollok l-attivitajiet kummerċjali tiegħek tixprunak li ssir proattiv u titla’ mas-siġra biex taqta’ l-frotta flok togħqod tistenniha taqa’ f’ħoġrok.
Illum iż-żewġ partiti għandhom il-mezzi tax-xandir tagħhom. Mhux ser noqgħod nidħol fl-argument kemm dan għandu jkun, iżda jibqa’ l-fatt li għandhom vettura importanti ta’ reklamar. Dawk tal-Partit Laburista huma qawwija ħafna, tant li kull sena jiġu l-ewwel jew it-tieni fl-ammont ta’ nies li jsegwuhom. Negozjanti, anke Nazzjonalisti, li jirreklamaw fuq il-mezzi tal-media Laburista jgħidulek li jekk iridu anke ġelati fl-Antartika jew heaters fis-Saħara jistgħu jbigħu, tant huwa b’saħħtu dan il-mezz ta’ xandir Laburista.
Minbarra dan iż-żewġ partiti għandhom is-suq tagħhom. Hemm mal-200,000 Laburist u naf b’uħud minnhom, li anke siefru ma’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar Nazzjonalisti.
B’danakollu, kulħadd għandu xi prodott x’ibigħ minbarra l-Partit Laburista. Qiegħed bil-qiegħda fuq minjiera mingħajr ma jaf u għadu għaddej jiddependi fuq dak li jagħtuh il-partitarji tiegħu biss. Jekk hawn Partit li jista’ jkollu l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, huwa l-Partit Laburista li għandu mezz qawwi ta’ reklamar u s-suq qiegħed jistennieh.
Iżda għandu jkun hemm ċerti regoli ta’ etika li għandhom jiġu osservati b’mod skrupluż. L-ewwel li l-partit għandu jagħti rendikont ċar ta’ dawn l-attivitajiet mħux biss lill-istat, iżda aktar minn hekk, lill-imsieħba tal-partit li fl-aħħar mill-aħħar huma l-‘istakeholders’.
It-tieninett, li partit fil-Gvern ma jistax għal skopijiet kummerċjali jkollu lill-istess Gvern bħala klijent tiegħu. Anzi ikun eskluż milli qatt jista’ jagħti servizzi kummerċjali lill-Gvern. Il-Bambin biss jaf kemm biljetti ta’ l-ajru inxtraw mill-Euro Tours għal delegazzjonijiet tal-Gvern. Meta wieħed jiftakar kemm dan il-Gvern kien u għadu dilettant tas-safar, dan ifisser eluf kbar ta’ liri.
Fl-aħħarnett, għandu jkun hemm kummissjoni ta’ moniteraġġ dwar l-attivitajiet kummerċjali li jkollhom il-partiti. Din tassigura li r-regoli ta’ etika ta’ attivitajiet kummerċjali tal-partiti politiċi qegħdin jiġu osservati. Kull sena tkun obbligata li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport annwali dwar il-ħidma tagħha u dwar ksur ta’ regoli li jista’ jkun hemm. Il-membri tal-kummissjoni jinħatru mill-Ombudsman biex b’hekk tiġi assigurata l-ogħla livell ta’ trasparenza u responsabbiltà politika.
Nistenna l-mument meta fil-Partit Laburista nkunu nistgħu ngħidu: “Business as usual!”
http://toniabela.blogspot.com/
PEPPI
Qatt ma nħossni fil-maġġoranza meta ngħid li jien naqbel li l-partiti jkollhom l-istazzjon tat-televixin u tar-radju tagħhom. Ma nifhimx għala kumpanija kummerċjali jista’ jkollha liċenzja tat-televixin u partit le.
Nibża’ wisq li ħafna mill-kritika li ssir ġejja minn għeruq fejn inħarsu lejn l-eżistenza tal-Partiti qishom xi problema serja f’pajjiżna.
Anke l-kliem li jużaw ċerti persuni li żgur nippretendi mod ieħor minn għandhom: “Ma ħadtx sehem għax ma ridtx niċċappas bil-politika” Tiċċappas? Tiċċappas mad-droga mela mal-politika.
Il-ħasra hi li kif aħna nħarsu lejn il-politika u kif kultant anke l-istess politiċi jħarsu lejha qed tirrendi l-istess politika bħala xi ħaġa maħmuġa li meta tmiss magħha ċċappsek. Allura l-kritika li tiġi li l-partiti għandhom l-istazzjon tagħhom jew in-negozji tagħhom tiġi mill-fatt li qisu it-televixin u n-negozju m’għandhomx jiċċapsu bil-politika.
Naħseb li stazzjon tat-televixin huwa iktar safe f’idejn partit politiku milli f’idejn entità kummerċjali. Żgur li huwa aktar demokratiku u jeżisti għax in-nies jagħżlu dak il-partit u allura x’fiha ħażin li jkollhom l-istazzjon tagħhom? Żgur huwa iktar sinċier għax taf fejn qiegħed u taf li jekk tara in-Net u l-ONE qed tara stazzjon imxaqleb ġo wiċċek. Entità kummerċjali dejjem ikollha x-xaqlib u l-interessi tagħha iżda taf tagħti l-impressjoni li hija ‘newtrali’ meta n-newtralità ma teżistix u kull persuna għandha l-aġenda tagħha.
Id-differenza jekk tkunx mikxufa jew moħbija. Mikxufa ħafna aħjar.
Nistgħu ngħidu li stazzjon tat-televixin jagħti stampa mfixkla tal-fatti. Iżda liema aħbar, liema programm fuq mit-televixin jagħti il-verità kollha? Il-medium innifsu ma jistax ikun bilanċjat għax kontinwament isiru l-għażliet li jħallu oħrajn barra.
Taqra argumenti li jinsistu li n-nies jispiċċaw jgħixu realtà differenti skond l-istazzjon tat-televixin li jaraw. Dan huwa żball kbir. In-nies mhux ċwieċ. In-nies jafu jagħżlu. It-televixin ma jgħidlekx kif tgħix jew kif qed tgħix.
It-televixin jaf joħloq l-aħbar jew id-diskussjoni biex tistaqsi kif qed tgħix, jgħaddilek informazzjoni li inti, għax mhux ċuċ, tqabbilha mal-ħajja reali tiegħek u hija ħrafa li qed nispiċċaw nagħmlu r-realtà tagħna skond it-televixin.
In-nies jagħmlu division by five aħbar fuq l-għoli tal-ħajja fuq il-ONE u division by ten meta n-Net jgħidilna kif l-ekonomija qed titjieb. Il-ONE u in-Net jeżistu għax in-nies tagħżel li tarahom u ssegwihom. Tagħżel li kultant żmien tagħti id-donazzjonijiet biex ikomplu. Allura ma narax għala għandu jkun hawn l-orakli li jinsistu li l-Partiti ma għandhomx ikollhom stazzjon tat-televixin jew negozju. Negozju? Hawn nibda nsir ftit xettiku.
Ma nara assolutament xejn ħażin li l-Partit Nazzjonalista għandu l-Euro Tours, waħda mill-iktar kumpaniji ta’ suċċess f’ dan il-qasam u ma nifhimx kif il-Partit Laburista m’għandux xi aġenzija simili li tgħin lill-Partit Laburista jkompli bil-ħidma tiegħu.
Mhux talli ma nara xejn ħażin talli hija xi ħaġa nobbli li l-qligħ li jsir minn negozju bħal dan jgħin biex il-partiti suppost jagħtu servizz lin-nazzjon. Naraha pożittiva wkoll għax issa l-Partiti qed ikollhom jgħixu dak li jippriedkaw u l-poplu jesiġi minn għandhom li jgħixu dak li jippriedkaw.
Ma jistax il-Partit Laburista jgħid li ma jaqbilx li l-overtime issir siegħa b’ siegħa imbagħad iħallas lill-ħaddiema tiegħu bis-siegħa siegħa. F’dan is-sens nara periklu wieħed. Dak li l-amminisrazzjoni tal-Partiti flok tikkonċentra fuq il-kontenut politiku tispiċċa tagħti iktar importanza lit-tmexxija tan-negozji li jkollhom.
Ma jistax ikollok Segretarju Ġenerali li jgħaddi iżjed ħin jinnegozja ftehim kollettiv għall-ħaddiema tiegħu milli ħin biex jippreżenta l-programm elettorali. Dan narah periklu li jista’ jissolva jekk il-Partiti jkollhom qafas li jitmexxa b’mod kważi indipendenti u fuq bażi kummerċjali b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji ta’ l-istess partit.
Trid tkun ċara wkoll li l-Partit fil-Gvern ma jkunx qed jieħu vantaġġ politiku fuq in-negozju. Naħseb li f’Malta s’issa tiġri bil-maqlub għax il-Gvern jibża mill-kritika u allura jbatu n-negozji
tal-Partiti. Lanqas ma’ dan ma naqbel. Għandu jkun hemm proċess trasparenti u jekk in-negozju ta’ partit kapaċi jagħmel ix-xogħol għandu jagħmlu minkejja il-kritika.
Imma allura Partit jista’ jkollu negozju fl-ispekulazzjoni ta’ l-art? Ma nafx. Hawn nibda nitħawwad u nixtieq niftaħ id-diskussjoni. Għax tassew, imħawwad fuqha din….
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|