Aħbarijiet | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
John Attard Montalto, l-avukat tal-familja ta’ George Scerri li l-Ġimgħa nħataf fin-Niġerja minn persuni armati, ikkonferma ma’ din il-gazzetta li s’issa l-grupp li ħataf lill-Malti u lill-Pakistani li kien miegħu għadu m’għamel l-ebda kuntatt dwar dan il-każ.
“Għadu ma sar l-ebda kuntatt la mal-qraba ta’ George Scerri, la ma’ l-aktar persuni viċin tiegħu fin-Niġerja u lanqas mal-kumpanija taż-żejt li jaħdem magħha.
“Qiegħdin f’kuntatti diretti man-Niġerja u f’dan l-istadju għadna qed niġbru l-informazzjoni sensittiva. F’dan il-mument mhux opportun li jingħataw aktar dettalji. Il-familja ma tixtieqx tikkummenta,” saħaq Montalto.
L-avukat u Membru Parlamentari Ewropew intagħżel mill-familja bħala rappreżentant tagħhom minħabba numru ta’ fatturi, fosthom għaliex madwar seba’ xhur ilu Attard Montalto kien il-Kummissarju Elettorali Ewlieni fl-elezzjonijiet li saru fin-Niġerja.
George Scerri, anzjan ta’ 62 sena, ilu jaħdem fuq rig taż-żejt fin-naħa t’isfel tan-Niġerja għal dawn l-aħħar tmien snin u xogħlu hu ta’ tool pusher.
Sorsi qrib Scerri sostnew li l-Malti kien jaf iż-żona sew. Hu nħataf ostaġġ waqt li kien jivvjaġġa bil-karozza f’highway ewlenija fi triqtu lejn Omoku.
F’dawn l-aħħar sentejn minn din iż-żona partikolari nħatfu xejn anqas minn 200 persuna. Id-Delta tan-Niġer hi l-aktar parti Kristjana tan-Niġerja. Din iż-żona hi mqallba ħafna b’kunflitti kontinwi bejn diversi gruppi ribelli u l-Gvern.
Il-gruppi ribelli jsostnu li n-naħa t’isfel tan-Niġerja ma tgawdi xejn mid-dħul li għandu l-Gvern mill-industrija sinjura taż-żejt. Bħala parti mir-rikatt, ħafna drabi jaħtfu ħaddiema barranin li jaħdmu f’riggijiet taż-żejt u jitolbu li jingħataw somom kbar ta’ flus b’kumpens.
Aktar kmieni din is-sena, ħaddiema oħra impjegata fl-istess kumpanija li jaħdem magħha Scerri nħatfet u għaliha kellha titħallas is-somma ta’ €3 miljun.
S’issa l-awtoritajiet barranin qed jixħtu għajnejhom fuq grupp bl-isem ta’ MEND, il-Moviment ta’ l-Emanċipazzjoni tan-Niger Delta. Nhar l-Erbgħa, jumejn biss qabel il-ħtif tal-Malti u tal-Pakistani, iddikjara li se jwettaq aktar atti ta’ sabutaġġ kontra l-industrija taż-żejt fil-pajjiż.
“Sakemm il-Gvern jibqa’ mhux sinċier dwar il-kriżi fid-Delta tan-Niger se nkomplu bil-kampanja ta’ sabutaġġ fuq l-industrija taż-żejt,” sostna l-grupp.
Aktar kmieni dan ix-xahar l-istess grupp assuma r-responsabbiltà ta’ attakk li wettaq fuq il-faċilitajiet tal-kumpanija Shell fin-naħa t’isfel tan-Niġerja.
Il-grupp MEND hu responsabbli wkoll minn ħtif ta’ numru ta’ ħaddiema barranin li normalment jinħelsu minn ostaġġi mingħajr ma’ jkunu midruba.
Din il-vjolenza fid-Delta tan-Niger qed tkompli tkisser l-produzzjoni taż-żejt fin-Niġerja. F’dawn l-aħħar sentejn il-produzzjoni naqset bi kwart.
Il-Gvern Malti permezz tal-Viċi Prim Ministru Malti u Ministru għall-Affarijiet Barranin Tonio Borg kompla bil-ħidma diplomatika dwar il-każ kemm permezz ta’ l-Ambaxxata Niġerjana fi Tripli kif ukoll b’kuntatt dirett mas-Sotto Segretarju Taljan Enzo Scotti. Il-Gvern Malti qed jingħata għajnuna wkoll mill-Kummissjoni Għolja Ingliża fin-Niġerja.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|