Sports | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Int li dilettant tal-logħba tal-futbol u tiftakar sew is-Snin Tmenin, agħlaq għajnejk għal ftit sekondi u mur lura għall-akbar rebħiet ta’ dawk iż-żminijiet. Ċert li jekk għamilt dan kollu ftakart fi Stadium Nazzjonali mballat bin-nies bil-kulur aħmar u iswed jiddomina kemm fil-briju u kemm fir-rebħ.
Xi ħaġa bħal din rajniha l-aħħar fl-1992. Kienet is-sena li fiha Ħamrun Spartans rebħu l-aħħar unur tagħhom qabel il-waqfa twila u n-nixfa fl-unuri minħabba d-diffikultajiet kbar li sabu rwieħhom fihom.
Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Anki jekk wieħed ma jistax jgħid li l-Ħamruniżi għandhom l-aqwa tim ta’ Malta, il-fatti qegħdin juru bil-provi li l-Kumitat ħadem kemm felaħ biex il-klabb jerġa’ jitpoġġa fuq sisien sodi biex fi żmien qasir jerġa’ jsir l-aqwa tal-pajjiz, jew inkella biex jifhimni aħjar kulħadd, il-klabb isir l-għira ta’ kulħadd.
Ħamrun Spartans laħqu l-aħħar dan l-istadju ta’ kompetizzjoni daqstant importanti lura fl-1995. Dak inhar, b’tim żagħżugħ għall-aħħar, tilfu 1-0 biss kontra Valletta mimlijin stilel bl-uniku gowl tar-rebħa jasal fil-ħin barrani minn Danilo Doncic. Kienet l-uniku finali li tilfu l-Ispartans mill-era ta’ Victor Tedesco, anki jekk sa din il-finali kien diġà ħalla dan is-siġġu.
Il-Ħamruniżi jibqgħu jiftakru. Ma jinsewx. Dilettanti ta’ vera. Anki jekk Valletta huma ċ-champions il-ġodda tal-futbol Malti, fit-toroq tan-naħat ta’ San Gejtanu kulħadd għajta waħda... “Irrid lil Valletta fil-finali.” Dan kollu nitkellmu ma’ Marco Gerada meta ltqajt miegħu nhar it-Tlieta li għadda ftit ħin qabel ma bdiet it-tieni semi-finali bejn Valletta u Birkirkara.
“It-tnejn huma timijiet diffiċli ħafna. Bħala rivalità xtaqt lil Valletta biex nerġgħu naraw dik l-atmosfera tas-Snin Tmenin. Minbarra hekk li tilgħab finali kontra Valletta kienet tkun attrazzjoni għax huma ċ-champions il-ġodda tal-futbol Malti. Iżda Birkirkara għandhom tim mill-aqwa wkoll. Jien inbassar li se tkun finali sa l-aħħar sekondi.”
Kienu għas-6pm meta poġġejna f’kafetterija f’Ħ’Attard fi triq li minnha jgħaddu ħafna mill-karozzi li jkunu tilgħin l-Istadium. L-arja li fi ftit tal-ħin wara se tintlagħab partita taħraq bdiet tinħass. Il-ħornijiet u l-innijiet ma qatgħux fis-siegħa li jien u Marco għamilna quddiem xulxin. Inbassar li kienu ta’ Valletta.
Nitkellmu fuq il-partita tal-ġurnata ta’ qabel. Ħamrun Spartans rebħu bl-aktar mod konvinċenti lil Floriana fis-semi-finali bl-iskor ta’ 4-2. Fil-klabb Ħaruniż qed jirrenja entużjażmu kbir li kien hemm bħala biss fiż-żminijiet tad-deheb.
“Jien naf li aħna fil-ġurnata tagħna tim li kapaċi nirbħu lil kulħadd. Kont konxju mir-riżultati negattivi taċ-Championship Pool iżda kont konxju wkoll li dawk il-wirjiet ma kinux jirriflettu l-vera saħħa tagħna. Minkejja l-wirjiet kemmxejn fqar ma qgħadx nagħmel l-affarijiet bi kbar. Minkejja l-wirjiet ftit fqar konna qed niskurjaw xorta waħda. Lill-plejers dejjem għidtilhom li rridu nħallu s-saħħa u l-aħjar tagħna għas-semifinali. Urejthom li għandi fiduċja fihom li din il-partita jistgħu verament jirbħuha u ma kontx ħażin. Vera konna xi ftit fortunati li l-affarijiet ġew kif xtaqna.”
Nistaqsieh kif ħassu meta Floriana skurjaw it-tieni gowl tagħhom u kien hawnhekk fejn il-partitarji numerużi ta’ Ħamrun Spartans ma nstemgħux jgħajtu aktar. Imma int ħassejt ċerta biża’ dak il-ħin?
“Mhux se ngħidlek li le. Li tlifna 5-0 ma kontx iddispjaċut daqslikieku tlifna din il-partita bi tliet gowls vantaġġ. Jien naħseb li aħjar bqajna 2-0 milli skurjajna ieħor. Għax bi 2-0 tibqa’ ikkonċentrat mija fil-mija u bi 3-0 mingħajr ma trid tirrilassa għax tgħid li l-istorja lesta. Kont ftit beżgħan li jiskurjawlna qabel il-mistrieħ u fil-fatt sar hekk fil-50 minuta. Imbagħad fil-mistrieħ tkellimna u erġajna sibna saqajna. Ħassejt li l-finali se nilagħbuha aħna.”
Marco Gerada twieled fl-4 ta’ Jannar 1968. Miżżewweġ lil Mary Grace Mifsud u missier ta’ zewġt itfal, Glenn li għandu 17-il sena u Maria li għandha 14-il sena. Mill-Kalkara u baqa’ joqgħod hemmhekk sal-ġurnata ta’ llum. Ikellimni fuq l-ewwel żminijiet tiegħu.
“Kont nilgħab fit-Tieni u t-Tielet Divizjoni u kont dejjem noqgħod nosserva x’inhu jiġri fil-grawnd u t-tattika tal-coaches. Kont dejjem niddiskuti ma’ coaches oħra għalfejn għamilt dik u għalfejn uzajt dik it-tattika. Minn hemm qisni integrajt bil-mod. Ġibt il-kwalifiki meħtieġa u bdejt bl-ewwel avventura mal-Kalkara, it-tim ta’ pajjiżi.
“Illum il-ġurnata naħseb li aktar nidentifika ruħi bħala dilettant tal-futbol minbarra sempliċiment coach tal-futbol. Ili snin plejer tal-futbol u illum ma ngħix mingħajru. Nixtieq li qabel nispiċċa mill-futbol jien ikun hawn sistema aktar serja u dixxiplinata fil-pajjiz għax għalkemm nemmen li mexjin lil hemm l-affarijiet jidhru bil-kalma ħafna.
“Bħala karattru jien bniedem ta’ ftit kliem iżda mbagħad li ngħid u jekk nieħu deċiżjoni rrid nagħmilha akkost ta’ kollox. U meta nieħu deċiżjoni nħobb inzommha u forsi għalhekk li fil-preżenza tiegħi nħobb nies li jkunu rġiel u jżommu l-kelma tagħhom dejjem. U nies li jkunu dak li fil-verità tara u mhux jilbsu maskra li jgħidu hekk imbagħad jagħmlu mod ieħor.
“Jien għalliem u għalkemm inkun impenjat insib xorta l-ħin biex nipprepara ħafna affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-taħriġ. Jien miżżewweġ u għalhekk irrid insib ħin ukoll għall-familja. Għandi żewġt itfal u rrid nagħtihom l-attenzjoni meħtieġa. Iżda s’issa dejjem ippjanajt il-ħajja tajjeb u nħossni kuntent.”
Ftit jafu li Marco għadu sa llum plejer attiv ta’ Żejtun. Nistaqsieh x’differenza jara bejn il-ħajja ta’ coach u ta’ plejer.
“Il-maġġoranza tat-tim Żejtuni ta’ bħalissa tellajtu jien u allura meta mmur nilgħab magħhom xorta ngħinhom f’dak kollu li nista’. Iżda l-ħajja ta’ coach differenti ħafna minn dik ta’ plejer. Illum nista’ napprezza aktar kemm plejer irid jagħti kas il-coach minħabba l-preparazzjonijiet li jkun għamel.
Għalkemm ngħid li plejer ħadt pjaċir aktar għax tista’ tesprimi ruħek, il-ħajja ta’ coach sabiħa wkoll. Coach wasalt sa l-ogħla livelli filwaqt li plejer le. Coach għandek vantaġġ għax tista’ l-ideat tiegħek tesprimihom kif tixtieq int. Il-fatt li trid tagħti sehmek mhux biss fil-logħba togħġobni aktar u għalhekk coach naħseb li hi l-vera ħajja tiegħi.”
Ħa l-ikbar isem tiegħu mat-tim ta’ St. George’s meta l-President Chris Agius wera fiduċja assoluta fih u ġabu f’dan ir-raħal. Ikellimni fuq Bormla.
“Bormla hemm diffikultajiet kbar u l-klabb jibbaża biss fuq tlieta min-nies. Chris hu wieħed minnhom, anzi jien ngħidlek li hu l-pern. Jagħmlu sagrifiċċji kbar biex imexxu. Eżempju klassiku ħadtu kemm ili li ġejt ma’ Ħamrun.
Naf kemm jinvolvi xogħol klabb tal-Premier u fil-Ħamrun jinqasam bejn ħafna persuni differenti. F’Bormla kien jinqasam kollox bejn tliet persuni. L-iżvintura kienet li meta sar il-pass għall-Premier ma kienx hemm il-backing tan-nies kif mixtieq u ħallew il-piż kollu fuq tliet persuni.”
Kif kien konvint li għalih Ħamrun Spartans kienu l-aħjar għażla?
“Mal-Ħamrun jien sibt żewġt iħbieb kbar tiegħi, Stefan Sultana u Marco Grech. It-tnejn nafhom sew u kont naf x’tip ta’ nies huma u li bihom kien se jkolli cushion fuqxiex nistrieħ. Huma kienu jafu xi kwalitajiet għandi u sibt appoġġ sħiħ mingħandhom.
Jien bniedem li l-pressjoni ma tantx tagħmel bija u kont naf li din fil-Ħamrun tezisti ħafna. Ħdimna id f’id u llum nistgħu ngħidu li wasalna s’hawn. Naħseb li kull Ħamruniż kuntent. Bħalissa hemm entużjażmu ġdid li din is-sena kien kruċjali li jitkompla. Hemm kumitat serju u qed jaħdem ħafna u huma nies li veramanet iħobbu l-futbol u għat-tim lesti jagħmlu affarijiet inkredibbli. Jien bqajt skantat safejn kapaċi jaslu l-Ħamruniżi għall-klabb tagħhom.”
Inkellmu fuq il-finali tal-bieraħ. Marco jammetti miegħi li kienet xi ħaġa li minn dejjem xtaq ikun fiha. Ngħidlu li għalih kienet ħolma li saret realtà.
“Mhux se ngħid ħolma imma xewqa ta’ kull coach. Anki meta kont ma’ Bormla ġieli ħlomt li nasal sal-finali. Ninsab ferħan ħafna iżda jkolli nammetti li m’għandix l-emozzjonijiet tal-Ħamruniżi. Ovvja li huma għaddew minn perjodu ta’ snin twal bħal dan u jien għadni le. Jafu x’jiġifieri u tara x’isarrfu n-nies meta tasal f’dan l-istadju.
“Kien hemm dik il-waqfa meta t-tim kien naqqas ħafna mis-saħħa tiegħu iżda meta jkun klabb leġġenda xi darba jew oħra jerġa’ jikseb postu mal-kbar. Jien ma nħossx li bħalissa l-klabb Ħamruniż jista’ jissejjaħ bħala top club. Bħala storja ovvja li għadu l-ħames l-ikbar klabb. Kollox miexi bi pjan u jidher li l-organizzazzjoni li hemm qed timbotta mill-ġdid lejn era oħra bħal dik.”
Nistaqsieh kif jimmaġina ruħu hekk kif iqum mis-sodda l-Ħadd filgħodu kieku jkollu jkun il-coach li jġib lejn il-Ħamrun l-FA Trophy wara 16-il sena.
“Ma nistax nirrispondik għal din il-mistoqsija għax kieku nirbħu t-Trophy mhux se nqum il-Ħadd għax mal-lejl tas-Sibt ma norqodx zgur. Izda l-ewwel ħsieb li jkolli jkun li kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jibda staġun ieħor. Imbagħad infittex u nibda naħdem fuq it-tamiet ġodda li għandna għal staġun ieħor.”
L-affarijiet jidhru ċari. Fil-preżent Birkirkara għandhom zgur xi ħaġa aħjar minn Ħamrun Spartans. Dan naqblu fuqu t-tnejn u allura nitolbu jagħtini raġuni waħda valida l-għala jemmen li din it-Tazza tista’ tiġi fil-Ħamrun.
“Għax f’90 minuta jista’ jiġri kollox u għal dawk id-90 minuta nistgħu nkunu aħna l-aqwa tim fil-ground. Aħna għandna ħafna plejers fit-tim li nzertaw Ħamrunizi u f’finali hekk f’ċert li se jagħtu qalbhom. Il-partitarji għandhom entuzjazmu zejjed mhux ta’ xejn. Jafu li fit-tim hemm seba’ jew tmien plejers Ħamrunizi. Dak fattur għalfejn idaħħalli ċerta fiduċja li din il-logħba nistgħu nirbħuha wkoll. Li jogħġobni fil-Ħamrunizi hu li l-appoġġ lejn it-tim jibqa’ għaddej il-ħin kollu waqt il-logħba u mhux jieqaf.
“Aktar milli jħarsu lejn il-finali ta’ l-FA Trophy nixtieq li kull Ħamruniz iħares lejn minn xiex tlaqna fil-bidu ta’ l-istaġun u fejn wasalna. Il-mira taċ-Championship Pool intlaħaq u morna aktar minnhekk. Issa li jiġi merħba bih. Li għamilna din is-sena nispera li kien bizzejjed biex il-partitarji Ħamrunizi li mas-snin telqu lill-klabb jerġgħu jiġu lura.”
Nitkellmu fuq l-istilla l-ġdida ta’ Ħamrun Spartans, Ryan Fenech. Ngħidlu li dan hu l-aħħar talent u l-aħħar plejer ta’ l-ogħla klassi li ħareġ mill-Ħamrun f’dawn l-aħħar snin. Marco jismagħni. Imma kemm hi ċ-ċifra ta’ Ryan Fenech biex jiffirma ma’ klabb ieħor?
“Iċ-ċifra għal Ryan Fenech ma nafx kemm tista’ tkun għax dik mhux jien niddeċidiha izda nħalliha f’idejn il-Kumitat. Jien m’għandix kantunieri u dak li nħoss ngħidu. Fi zmien sena jew tnejn Ryan se jkun wieħed mill-aqwa midfielders li qatt rat Malta. Jonqsu ftit oħra maturità u saħħa u jkun komplet.”
Marco ħa xita ta’ kritika fuq Alfred Effiong. “Jitlef ħafna ċansijiet ta’ skor”, hi l-aktar kelma li tisma’ fuqu. Kontra Floriana, Effiong għamel il-logħba ta’ ħajtu.
“Kont ġibt lil Effiong għax kont konvint li kapaċi jagħmel affarijiet kbar. Kien miegħi ma’ St. George’s u ma’ Ħamrun dam xi ftit ma jaqbad. Hi kollha kwistjoni ta’ kemm se nieħdu paċenzja u nistennew. Stajna waqqafnieh f’Jannar u kien jiddispjaċina. Jien xorta ngħid li l-veru Effiong fadallu 30% oħra x’jagħti. L-affarijiet kif qed jidhru għalih huma li l-plejer jista’ biss imur ’il quddiem u mhux lura.”
Qed jissemmew ħafna plejers oħra li jistgħu jingħaqdu ma’ Ħamrun minn staġun ieħor. Uħud minnhom huma ta’ l-ogħla livell li ftit li xejn stajt nimmaġinahom jilbsu dan il-gear meta smajt dawn id-diċeriji. Iżda minn diċeriji Marco jikkonferma li dawn huma kollha fatti. Fil-jiem li ġejjin din il-gazzetta tkun f’pożizzjoni li tikxef dawn ‘il-bombi’ l-ġodda ta’ Ħamrun Spartans.
“Kollu vera li qed naħdmu u sar il-kuntatt. Kif għidtlek il-klabb irid li tarġa tarġa nkunu l-aqwa tim. Qed jissemmew plejers li jistgħu jagħmlu d-differenza fil-futbol Malti u aħna rridu nikkonvinċu lil kulħadd li aħna klabb kbir li kapaċi naslu sal-quċċata.
Il-pjan hu wieħed sod u rridu nibqgħu nimxu tarġa tarġa. Issa bdejna l-proġett l-ieħor tal-grawnd il-ġdid. Dak li jrid isir f’sentejn ma nistgħux nippruvaw nagħmluh f’sena. Irridu nibqgħu saqajna ma’ l-art.”
Marco Gerada, il-Ħamruniżi u kulmin u dilettant tal-logħba tal-futbol, jispera bis-serjetà li fil-futur qrib Ħamrun Spartans jerġgħu jkunu forza fil-futbol Malti. Tkun attrazzjoni li l-futbol Malti għandu bżonn. In-nuqqas ta’ tim li għamel parti kbira mill-istorja tal-futbol Malti jinħass sew.
Fi ftit kliem nitkellmu fuq is-seba’ kampjonati mirbuħa, l-10 darbiet li t-tim wasal fit-tieni post, is-sitt FA Trophies mirbuħa u t-tliet darbiet li Ħamrun tilfu din il-finali.
Magħhom wieħed iżid ħames Super Cups u żewġ Euro Cups. Rebħu tliet darbiet il-kampjonat ta’ l-Ewwel Divizjoni. Lura fiż-żmien rebħu wkoll ħames darbiet il-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, żewġ Cassar Cups u erba’ darbiet in-Knock Out tat-Tieni Diviżjoni.
L-istorja titkellem waħedha. Anki jekk hawn min ma jniżżilhiex jew hawn min jipprova jnessiha.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulmin għeni biex f’ħajti biex tlajt tarġa tarġa. Klabbs bħal Kalkara, Żejtun u St. George’s bin-nies tagħhom dejjem tawni l-fiduċja kollha. Jien ngħidha b’wiċċi minn quddiem li kulfejn kont qatt ma ġie xi direttur ta’ klabb li qalli li għandi nagħżel biex nilgħab lil dak u mhux lill-ieħor. Kien punt ta’ vantaġġ għalija li ħallewni naħdem kulfejn kont. Nixtieq nirringrazzja lill-plejers kollha tas-sagrifiċċji li ilna nagħmlu flimkien u lill-partitarji kollha.”
Ta’ l-aħħar ninkih ftit... ‘Imma għid il-verità? Tħossok ftit Ħamruniż jew le?’
“Mhux se ngħidek li ma nqisnix ftit Ħamruniz. Emminni meta ngħidlek li hekk kif irbaħna lil Floriana rajt l-entużjażmu veru tal-Ħamruniżi li wassal sa anki nies taqbżilhom demgħa. Għidt bejni u bejn ruħi: “Possibbli dawn in-nies għadhom jeżistu?” Meta nirbħu xi logħba tajba tara nies veterani jerġgħu jsiru tfal u meta nitilfu kulħadd bid-dwejjaq. Dawn huma affarijiet sbieħ u jalla li entużjażmu hekk ikun ikkontrollat u jibqa’ jirrenja għal dejjem.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|