Emmanual Micallef | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Kif jgħidu l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Wara l-ħasda tar-riżultat elettorali l-Laburisti donnu ma jistgħux isibu kwiet. Inkwetati mhux biss għax il-partit se jkollu jagħmel iktar minn 20 sena fl-Oppożizzjoni iżda għax internament il-partit għadu ma sabx saqajh u jidher li qed tkompli tiżdied l-inċertezza dwar kemm se jkun b’saħħtu fil-futur.
Ix-xewqa ta’ kull Laburist ġenwin hi li jkollu partit b’saħħtu, sod, magħqud u mħejji sa snienu biex ikun jista’ joffri alternattiva denja għall-gvern preżenti. Il-Laburisti ma jistgħux iniżżluha kif il-Partit fil-Gvern naqqas daqstant appoġġ u jibqa’ jiggverna waqt li l-Partit Laburista jibqa’ bir-riħa bħallikieku hu destinat għall-Oppożizzjoni.
L-elezzjoni għall-ħatra tal-mexxej tal-Partit qed issir f’dan l-isfond u għalhekk it-tama tal-Laburisti hi li b’dan il-proċess tinbeda paġna ġdida u l-partit jerġa’ jirkupra biex ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi politiċi tal-ġejjieni.
L-istess proċess iżda qed juri f’liema stat diżappuntanti jinsab il-partit. Il-Laburisti stess jammettu li hemm wisq qasmiet u li l-ħtieġa ta’ katalist biex jerġa’ jgħaqqad il-partit f’familja waħda għandha tkun l-ewwel priorità.
Min dieħel għar-responsabbiltà tat-tmexxija għandu għadma ferm iktar iebsa milli jaħseb biex ikun jista’ jwassal lill-partit għat-triq tas-suċċessi.
L-insistenza li ssir biex il-ħwejjeġ maħmuġin jinħaslu ġewwa; il-glorifikazzjoni li jingħata l-Bord tal-Vigilanza u Dixxiplina u issa l-poteri assoluti li ngħatat il-Kummissjoni Elettorali tal-partit, minnhom infushom jixhdu kemm il-partit hu indixxiplinat fl-istrutturi, fl-amministrazzjoni u fl-operat ġenerali tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li ħafna Laburisti li għandhom idea ta’ x’ikun għaddej minn ġewwa jew minn wara l-kwinti jistqarru li l-Partit qatt ma kien f’dan l-istat daqstant fqir. Biex ipoġġu ċ-ċirasa fuq il-kejk jgħidulek “biex ma nsemmux il-qagħda finanzjarja tal-Partit u l-kumpaniji tiegħu!” Forsi għalhekk li issa anke fost il-kontestanti għat-tmexxija hemm min qed jippromovi l-idea li noħolqu suq kummerċjali għal-Laburistii!
Partit politiku organizzat professjonalment ma jagħtix lok li jiġru avvenimenti li jipproġettawh qisu xi organizzazzjoni dilettanteska. Ma jippermettix li jsiru ħmerijiet u fares waqt proċess elettorali daqstant importanti għall-ħatra ta’ mexxejja tiegħu. M’għandix dubju mill-integrità tal-membri tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit u żgur li dawn iridu jaraw li l-proċess jimxi bil-gustizzja u fl-interess tal-Partit. Iżda mill-banda l-oħra wieħed jitħasseb dwar kemm dawn huma komdi li jaqdu dmirhom kif jixtiequ huma. Għaliex qed ngħid hekk?
Minn kemm ilu li nbeda l-proċess l-partit kellu jorganizza Konferenza Ġenerali Straordinarja mhux għax kienet ippjanata imma fuq insistenza ta’ numru ta’ delegati. Issa qed tissemma li għaddejja petizzjoni oħra minn delegati biex tissejjaħ Konferenza Ġenerali Straordinarja oħra ħalli ssir qabel żmienha l-elezzjoni għall-uffiċjali ta’ l-Amministrazzjoni Ċentrali.
Kellha wkoll issir insistenza biex ikun analizzat ir-rapport intern tat-telfa elettorali. Wara din l-insistenza ġie deċiż li r-rapport jiġi diskuss u ippubblikat. Saret insistenza mal-Kummissjoni Elettorali, din id-darba mill-kontestanti għat-tmexxija, biex issir investigazzjoni serja dwar il-leakage tad-dettalji tad-delegati li dehru fuq l-Istampa. Mhux biss imma delegati individwali għażlu li jikkuntattjaw ukoll lil Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.
X’se jiġri dwar dan għadu misteru. L-istess kontestanti joħorġu fuq il-mezzi tax-xandir u jikkonfermawlna li qegħdin jirċievu l-ittri anonimi. Assistejna wkoll għal-leadership skills ta’ kull kontestant mill-mod kif ikkummentaw dwar kif jaħsbuha fuq iċ-ċensura li kienet imposta fuqhom biex jieħdu sehem f’Xarabank.
U issa spiċċajna b’kontestanti jesprimu d-diżappunt kif il-Kap tas-Soċjalisti Ewropej jiġi Malta specifikament biex jagħmel propaganda lill-kandidat partikolari. U allajbierek il-Partit bħal donnu ma jaf xejn b’din iż-żjara meta l-istess Kap Soċjalista kien il-mistieden tal-Partit matul il-kampanja elettorali ta’ xahrejn ilu!
Apparti l-kwistjoni ta’ l-etika imma l-mod kif seħħew dawn l-avvenimenti jixhed nuqqas ta’ professjonalità u nuqqas ta’ kordinazzjoni organizzattiva fuq livell ta’ partit. Donnu fil-Partit mhemmx ħassieba u strateġisti li kapaċi jipprevedu dak li jista’ jinqala’ matul proċess elettorali. Biex issir xi ħaġa jrid ikun hemm min jimbotta minn isfel għal fuq inkella kollox jibqa’ għaddej għal rieħu! Jekk wieħed janalizza dawn l-“inċidenti” jasal għall-konklużjoni li l-partit mhux biss għandu konsenturi fil-ħitan iżda xquq fil-pedament.
Għalhekk jinkwieta l-Laburist ġenwin! X’jonqos jinqala’ fil-ġimagħtejn li ġejjin meta l-kampanja għat-tmexxija mistennija tiħrax għad irridu naraw. Li hu żgur hu li xi ħadd se jinħatar fil-kariga ta’ mexxej tal-Partit u xi ħaddiehor se jokkupa l-post ta’ Deputat Mexxej tal-Partit u ieħor għal Deputat Mexxej tal-Parlament. Iżda, minkejja dawn il-ħatriet, l-ikbar ugigħ ta’ ras għal-Laburist hu x’se jiġri mill-partit wara l-5 ta’ Ġunju li ġej! |
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|