MediaToday

Intervista | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82

Fiex temmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca

Marie-Louise Coleiro-Preca niżżlet isimha fl-istorja tal-pajjiż meta hi l-ewwel u l-uniku Segretarju Ġenerali mara ta’ partit politiku. X’taħseb li huma ċ-ċansijiet tiegħek li ismek jerġa’ jitniżżel fl-istorja bħala l-ewwel mexxejja mara tal-MLP?
Ma nikkalkulax fuq iċ-ċansijiet. Qed insib li hemm appoġġ imma qed insib ukoll li għad hemm ftit mentalità fejn li tafda mara fit-tmexxija tal-partit għadha kbira f’moħħ ċerti nies. Qatt ma nkun prużuntuża li ngħid ‘dawn huma ċ-ċansijiet jew dawn m’humiex iċ-ċansijiet.’

F’din l-elezzjoni, kemm ħassejtek żvantaġġata li int mara?
Bl-istess mod. Għad hemm min li mhux qed jara mara fit-tmexxija ta’ partit politiku.

Issib min jgħidlek f’wiċċek?
Le ma tingħadx f’wiċċi imma imbagħad tasal f’widnejja li xi ħadd ikun irrimarka b’ċertu mod. Jien qatt ma bsarta din għax jien minix mara fil-politika ta’ llum. Għamilt disa’ snin Segretarju Ġenerali tal-partit u dak iż-żmien il-Konfernza Ġenerali tal-Partit kien fiha aktar irġiel milli nisa. Meta darba minnhom ġejt kontestata kont ġibt 96% tal-voti tal-Konferenza u allura dik jiena qatt ma mmaġinajt li nista’ nsib dan it-tip ta’ diffikultà.
Minkejja dan xorta nibqa’ b’fiduċja kbira fid-delegati tal-partit li se jkunu qed jiżnu l-kompetenzi u l-ħiliet.

Għal ħafna Marie-Louise Coleiro-Preca tibqa’ ttimbrata bħala waħda mis-suldati ta’ l-azzar tas-Snin Tmenin. L-għajta hi għal demm ġdid fl-MLP. Kif tikkonvinċi lid-delegati li int għandek dan id-demm ġdid?
Fil-politika fost l-aktar valuri li jrid ikollok hi li tadatta. U mexxej ta’ partit politiku modern irid ikollu dan il-valur. Marie-Louise Coleiro hi persuna fil-politika tas-Sebgħinijiet, tat-Tmeninijiet, tad-Disgħinijiet u tal-Millennju l-ġdid. F’dawn l-aħħar 10 snin kont fil-Parlament u minkejja li l-partit sfortunatament kien qed jitlef Marie-Louise Coleiro kienet qed iżżid il-voti tagħha bl-eluf. Jiġifieri jien għal din l-elezzjoni pereżempju ġibt 56% taż-żieda tal-voti ġodda fid-Distrett waħdi, minn 14-il kandidat, li 13 minnhom kollha rġiel!
U allura dik hi ċertifikat li Marie-Louise Coleiro tadatta, Marie-Louise Coleiro għandha demm ġdid għax mhux kemm għandek età jgħodd imma kif tispira lin-nies. Jien għandi 49 sena. Bdejt ta’ 16-il sena fl-MLP u ta’ 23 sena kont it-tieni l-iżgħar Segretarju Ġenerali tal-partit. Mintoff kellu 19-il sena.

Jekk tkun mexxej se ssejjaħ konferenza ġenerali minnufih biex id-delegati jkollhom id-dritt jagħżlu l-amministrazzjoni tal-partit?
Immedjatament. Biex intajru x-xogħol proċedurali ħa nintefgħu fuq ix-xogħol sustantiv.

Qbilt mad-deċiżjoni li r-rapport tat-telfa tal-MLP għada jkun ippubblikat?
Iva. Anzi kont waħda mill-promoturi fl-Eżekuttiv tal-Partit biex tittieħed din id-deċiżjoni.

Int u l-erba’ kontestanti l-oħra ħadtuha bi kbira li lista tad-delegati ntużat mill-gazzetta MaltaToday biex sar stħarriġ fost l-istess delegati. Dan l-għaġeb kollu ma tarahx kontradittorju għall-fatt li l-MLP bħal partiti l-oħra għandu aċċess għal dettalji personali ta’ kull persuna li ma vvutatx fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-kunsilli u juża din l-informazzjoni biex il-partit jimbotta l-votant biex joħroġ?
Li ħadt bi kbir kien li data personali, protetta, ħarġet mill-partit. Issa marritx għand MaltaToday, marritx għand individwi oħra, dik ma tinteressanix. Fl-istatement pubbliku li għamilt jien lill-MaltaToday qatt ma semmejtha. Ma kontx jien li semmejt lill-MaltaToday. Probabbli mhux qiegħda għand il-MaltaToday biss. Kif jiġru l-affarijiet f’dan il-pajjiż ħafna drabi ma tkunx biss għand il-MaltaToday.
Issa x’inhi d-differenza bejn il-lista tad-delegati u l-lista ta’ l-elettur ħalli nagħmlu din id-distinzjoni? Il-lista ta’ l-eletturi hi xi ħaġa pubblika, għandek il-Gazzetta tal-Gvern li toħroġlok il-lista ta’ l-eletturi kollha. Id-data li jista’ jkollu l-partit, qed ngħid jista’ għax jien ma nafx x’għandu l-partit u f’ħajti qatt ma kelli din il-lista f’idi. Kemm ili noħroġ għall-elezzjoni kif ukoll kemm ili attiva fil-partit, disa’ snin minnhom bħala Segretarju Ġenerali, qatt ma kelli f’idi lista ta’ dawk l-eletturi li ma vvutawx.
Il-lista tad-delegati għandek it-timbru fuq dawn in-nies, għandek il-kwistjoni tad-dritt ta’ l-assoċjazzjoni tagħhom. F’pajjiż bħal tagħna u fi kwalunkwe pajjiż dik hi data protetta u personali għax qed tidħol ukoll fuq id-dritt fundamentali ta’ l-assoċjazzjoni. Forsi għandna persuna li qed tassoċċja b’mod liberu imbagħad tiġi f’idejn persuni li hi forsi ma tridx turi.

Imma d-dritt tal-vot f’elezzjoni ġenerali hu personali wkoll?
Ħa nagħmilha ċara. Id-dritt tal-vot hu dritt sigriet u dritt personali u le ma naqbilx li aħna għandna jkollna listi ta’ min ma vvutax għax allura dak li jkun iddeċieda li jastjeni naqqasnielu mid-dritt li jagħmel dak li jidhirlu hu.
Issa, hemm mezzi wkoll li mingħajr ma jkollok il-lista f’idejk ta’ dawk li ma vvutawx, int jekk timmoniterja bil-pickets ħdejn il-polling booths, Malta tant aħna żgħar li inti tista’ tasal għal min ma ħariġx jivvota.

Jiġifieri minn issa ’l quddiem taqbel li partit politiku ma jibqax eżentat mil-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data?
Partit politiku għalxiex għandu jkun eżentat mill-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data? M’għandux ikun eżentat! Partit politiku jista’ jagħmel ħsara personali lil xi ħadd daqs kwalunkwe entità oħra ċivili jew le fil-pajjiż.

Int għandek il-lista tad-delegati tal-Partit?
Iva. Bħala kontestanta jiġifieri. Qatt ma kelli lista tad-delegati tal-partit. L-ewwel darba għax qed nikkontesta għat-tmexxija.

Il-Partit Laburista qal li kulmin ħareġ għall-elezzjoni ġenerali kellu aċċess għal din il-lista…
Jien personali ħriġt tliet darbiet f’isem il-Partit Laburista u qatt ma kelli aċċess għad-data tad-delegati tal-partit u qatt ma tlabtha lanqas.

Taqbel ma’ l-isħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace?
Żgur li ma naqbilx mal-mod kif iddeċieda l-Gvern. Qed nitkellmu dwar is-sigurtà ta’ pajjiżna. Qed nitkellmu wkoll dwar ftehim partikolari. Din mhix organizazzjoni miftuħa bħal Ġnus Magħquda, jew il-Kunsill ta’ l-Ewropa. Sa llum dan il-ftehim għadni ma rajtu ippubblikat imkien jien. Dak kollu li jista’ jidħol fuq in-newtralità u jista’ jippreġudikalna s-sigurtà ta’ pajjiżna ma naqbilx miegħu jiena.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi ligi tad-divorzju?
Iva. Meta jasal il-mument, iva.

Imma meta hu dan il-mument?
Il-Partit Laburista mhux qiegħed fil-Gvern. Biex tipproponi liġi dejjem sta għall-Gvern. Definittivament il-Partit Laburista għandu jippromwovi li għandu jagħmel xi ħaġa dwar il-partnerships li jeżistu. Ma jistax ikun li nkomplu nagħlqu għajnejna. Però min-naħa l-oħra nemmen li l-MLP għandu jħalli l-membri tiegħu fil-Parlament b’mod ħielsa li jaġixxu skond il-kuxjenza tagħhom.

Taqbel li l-MLP għandu jipproponi ż-żwieġ għal koppji gay?
Le, ma naqbilx. Però naqbel żgur u din anke fid-dokument li għamilt dwar il-familja li kont responsabbli minnha jiena ipproponejtha, li għandu jkun hemm l-għarfien tad-drittijiet ċivili ta’ dawn in-nies. Dawn huma ċittadini daqs kulħadd u għandhom ikollhom id-drittijiet kollha tagħhom imħarsa.

Taqbel mal-proposta tal-PN li l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul għandha tinżel minn 35% għal 25% ħlief għal dawk li jaqilgħu €60,000?
Li nnaqqsu t-taxxi dik dejjem xi ħaġa pożittiva. Però ma naħsibx li trid taraha waħedha. Trid tara f’kuntest ukoll tax-xibka ta’ taxxi li dan il-pajjiż għandu. Allura naħseb li jekk wieħed jikkummenta fuq dik biss partikolari ma nkunux qed inħarsu lejn l-affarijiet b’mod ħolistiku.

Taqbel mal-proposta li saret fil-manifest tal-MLP li s-sahra ma tkunx intaxxata?
L-għan tagħha kienet biex ninċentivaw ix-xogħol. Magħha jien kieku nżid proposti oħra. Għax mhux kulħadd jagħmel is-sahra!
Hemm nies oħra li trid tinċentivahom b’affarijiet oħra għax ma jaqgħux f’din il-kategorija ta’ nies li jagħmlu s-sahra. Dik il-proposta waħedha mhix biżżejjed biex tilħaq il-mira li tinċentiva x-xogħol.

Marie-Louise Coleiro-Preca kienet għal żmien twil assoċjata ma’ dawk dgħajfa/foqra fis-soċjetà, anke minħabba l-portafoll li kellek. Tħoss li din hi minnha? U poġġietek fi żvantaġġ f’din il-kampanja elettorali?
Il-perċezzjoni li nbniet dwari minħabba li għamilt 10 snin nagħmel shadowing ta’ aspetti tal-politika soċjali hu veru. Min-naħa l-oħra hemm aspett pożittiv li oqsma li xejn mhuma colourful, trendy u fashionable f’pajjiżna tajthom profil. Għamilt suċċess fix-xogħol li ġejt fdata bih. Jekk qiegħditnix fi żvantaġġ jista’ jagħti l-każ jekk inti tħares lejn dik biss.
Jien fil-Parlament ma tkellimtx biss fuq il-faqar u l-esklużjonijiet soċjali. Tkellimt fuq oqsma ekonomiċi, fuq oqsma ta’ kummerċ, tkellimt fuq ħafna liġijiet li huma tekniċi ħafna u li jien ħassejt li hu fid-dmir bħala persuna li nirrappreżenta lin-nies li niffaċilita dawn il-liġijiet għax fl-aħħar mill-aħħar il-liġijiet isiru bħala għodda biex jintużaw minn nies biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Inħossni responsabbli li jekk jista’ jkun nirriċerka u nistudja u nikkonsulta fuq kwalunkwe liġi biex inkun nista’ nwassal il-vuċi tan-nies fil-Parlament.
Jien ma naħsibx li nappella għall-fqar u għall-batuti biss, kieku ma ġibtx 5,500 vot. Nista’ nassigurak li fid-Distrett tiegħi hemm minn kollox. Partikolarment fir-raħal li ġejja minnu jiena hu l-aktar raħal li għandu nies tan-negozju, nies self-employed u dawn huma ħbieb tiegħi u għandi stima minnhom daqs kwalunkwe persuna oħra.
Jekk xi ħadd irid ikun ġust dwari jrid iħares lejn l-affarijiet kollha li fil-verità jien inkun qed nagħmel fuq livell ta’ Parlament, fuq livell ta’ partit u fuq livell ukoll ta’ elettorat.

Taqbel li ċ-Children’s Allowance għandha tingħata lil kulħadd, ikun xi jkun id-dħul tal-familja?
Irridu narawha wkoll mill-perspettiva ta’ x’tiswa amministrattivament lill-Gvern. Meta l-Gvern kien qabad u ddeċieda u rabat ic-children’s allowance ma’ ċertu means testing hemm ħoloq ħafna nġustizzji.
Il-means testing ħafna drabi ma jagħtikx lok li int tħares lejn il-piżijiet li għandha l-familja.
Jien naf familji li jekk int tqisilhom biss id-dħul tagħhom tgħid ‘dawn żgur komdi’. Però mbagħad tibda tikkunsidra ċerti piżijiet ta’ mard kroniku, ta’ forsi diżżabbiltà fil-familja u ċerti diffikultajiet oħra. Iltqajt ma’ diversi familji li filli ħajjithom kienet tajjeb u f’daqqa waħda daqsxejn ta’ trawma u tgerfxilhom kollox u jsiru fqar u jibdew jiġu esklużi soċjalment.
Jekk tintrabat ma’ means testing biss din toħloq inġustizzja.

Kont għal snin twal single mother. X’għallmitek din l-esperjenza? Bħala leader tal-MLP din l-esperjenza x’piż se jkollha fuq deċiżjonijiet u fuq it-tiswir tal-politika?
Il-fatt li jien kont single mother għal ċertu żmien din għamlitni aktar sensittiva. Għamlitni kapaċi nagħder aktar. Għamlitni kapaċi nisma’, nirrifletti ħafna aktar fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Dawn huma kwalitajiet li jirriflettu ħafna fix-xogħol tiegħi u komplew sawru l-karattru tiegħi u l-maturità tiegħi fil-politika. Kull esperjenza dejjem għenitni fix-xogħol tiegħi u tkompli tgħini fix-xogħol tiegħi ’l quddiem.

X’inhi l-politika tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali?
L-immigranti rregolari f’pajjiżna jridu jkunu trattati aħjar. Dak li qed jiġri f’Ħal Far, dawk it-tined lanqas huma tajbin għall-annimali u allura definittivament aħna li suppost poplu li għandna ħafna sensittività u mogħdrija m’għandniex indawru daharna lejn dawn in-nies li fl-aħħar mill-aħħar bnedmin bħalna.
Deffinitivament irridu nkunu ħafna aktar ħabrieka biex dawn in-nies li qed jiġu f’pajjiżna nfittxu nagħtuhom l-istatus li għandhom jieħdu. Jekk għandhom jieħdu status ta’ refuġjat inkomplu nħaffu u niffaċilitaw biex joħduh kemm jista’ jkun malajr u dawk li attwalment m’għandhomx l-istatus ta’ refuġjati jerġgħu jingħataw l-opportunità li jmorru lura lejn pajjiżhom.
Min-naħa l-oħra rridu naħdmu ħafna aktar biex dawk li diġà huma refuġjati f’pajjiżna jfittxu jiġu mpoġġija malajr f’pajjiżi li jistgħu joħduhom u li fihom jista’ jkollhom verament futur aħjar. F’pajjiżna hi diffiċli biex jingħataw futur tajjeb dawn in-nies għax pajjiżna diġà saturat b’ċerti diffikultajiet għall-Maltin stess u ma nistgħux inkomplu nissaturawh. Mhux biss fl-aħjar interess ta’ pajjiżna imma fl-aħjar interess ta’ dawn il-familji importanti li bħala l-Gvern inħabirku biex jiġu mpoġġija fejn suppost.

L-Oppożizzjoni fil-Parlament għandha tagħmel ftehim ta’ pairing mal-Gvern?
Jiddependi x’tip ta’ ftehim. Fuq xejn jew għalxejn ma naħsibx li wieħed għandu jasal li jkun hemm ftehim. Il-pairing għandu jingħata mingħajr ftehim fuq bażi biss ta’ fejn jidħol l-interess nazzjonali. Oltre hekk irid ikun hemm negozjar fuq affarijiet sostantivi mhux fuq affarijiet ta’ Speaker. Hemm il-kwistjoni tax-xandir pubbliku li hu problema, jew il-Liġi Elettorali li nistgħu pereżempju ninnegozjaw fuqha.

Taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes biex donazzjonijiet lill-partiti politici ta’ aktar minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ta’ iktar minn Lm5,000 ikun ippubblikat is-sors?
Jien inħoss li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-partiti trid tittieħed bis-serjetà u jkun hemm deċiżjoni dwarha. L-ebda partit politiku ma jaqbillu li jkollu spag miġbud minn kwalunkwe persuna jew entità. Partit politiku kemm jekk fl-Oppożizzjoni kif ukoll fil-Gvern irid ikun indipendenti u integru u li l-miri tiegħu dejjem jibqgħu l-ħtiġijiet tal-poplu u tal-pajjiż.
Il-kwistjoni tal-finanzjament trid terġa’ tqum. Irridu naraw minn hemm x’se niddeċiedu. Jien għalija anke Lm5,000 hi somma kbira. Ħafna drabi ssib li ċerti entitajiet ma jiffinanzjawx partit wieħed imma jkunu qed jiffinanzjaw liż-żewġ partiti. Jiġifieri ma naħsibx li se tinħoloq daqstant problema. Il-kwistjoni tat-trasparenza trid tibda tidher u trid tibda tidher sew.

Id-delegati ivvutaw kontra l-mozzjoni biex titwessa’ l-bażi elettorali li minnha jkun elett il-mexxej. B’din id-deċiżjoni ma taħsibx li kulmin se jinħatar mexxej se jkollu jħabbat wiċċu jew wiċċha l-ħin kollu mal-kritika li l-għażla ma kenitx demokratika biżżejjed?
Ma nistgħux inċajpru sistemi demokratiċi rappreżentattivi għax allura imbagħad nibdew nistaqsu għala hemm il-Parlament. Il-Parlament hu wkoll sistema demokratika rappreżentattiva. Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista hi sistema demokratika rappreżentattiva.
Naħseb imma li l-partit irid jidħol biex jara kif iwessa’ l-bażi demokratika tiegħu ħalli ċerti deċiżjonijiet mhux biss fl-għażla ta’ leader, anke jkun hemm għażliet jew diskussjonijiet u deċiżjonijiet oħra.

Temmen li l-partiti politiċi għandhom ineħħu l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom?
Jekk ikun hemm ftehim, iva għala le? U nsaħħu mbagħad ix-xandir ta’ l-istat. Imma din hi xi ħaġa li jien naraha remota.

Sodisfatt bil-mod kif qed jitmexxa One TV f’din il-kampanja għat-tmexxija?
Il-Kummissjoni Elettorali ta’ l-MLP stabbilixxiet ċerti inputs minn naħa tagħna. Meta kelli xi diffikultajiet ressaqt l-affarijiet fil-Kummissjoni Elettorali. Nistqarr li mhux dejjem ħadt rimedju imma ġieli kien hemm mumenti fejn dehrli li min suppost qed imexxi skond dawn ir-regolamenti mar ftit overboard. Pereżempju ġieli kien hemm items ta’ ċerti kandidati fil-bulettini ta’ l-aħbarijiet ikunu itwal minn ta’ l-oħrajn.

Għamilt ilment?
Iva. Imma tibqa’ bla rimedju. Meta l-aħbar tkun intqalet tkun intqalet u mhux se terġa’ tagħmel replay.

Jekk ma ssirx mexxej x’se jkun ir-rwol ta’ Coleiro-Preca? Interessata sservi ta’ Deputat Mexxej?
F’dan l-istadju jien qed inħares lejn il-ħatra ta’ mexxej imbagħad wieħed irid jara l-ħtiġijiet tal-partit wara li tinqata’ din. Però jien nibqa’ Marie-Louise kif kont f’dawn l-aħħar 34 sena fil-Partit Laburista. Naħdem fl-aħjar interess tat-twemmin li naħdem fih: is-soċjaliżmu demokratiku.

Jekk ma ssirx mexxej lesta li tappoġġja fil-miftuħ kandidat ieħor?
Let’s take one step at a time. L-ewwel se jkun hemm din l-elezzjoni mbagħad naraw. Din kwistjoni ta’ 24 siegħa differenza se jkun hemm. Jien nimxi pass wara l-ieħor.

 

Intervista
Fiex temmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca



Il Punt
Il-Gvern u ż-żwiġijiet mitmuma
Emmy Bezzina


Toni U Peppi


Tajjeb li partit ikollu attivitajiet kummerċjali tiegħu?



Emmanuel Micallef
L-inkwiet tal-Laburisti


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bidla parlamentari bdiet tinħass?



X'kien Jgħid
Bejn saga tas-suċċessjoni u oħra



Wenzu Mintoff
Quid pro quo


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan