Il-Punt - Emmy Bezzina | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Bilfors irrid nakkuża lill-Gvern bil-qagħda kaotika li għandna f’pajjiżna marbuta ma’ l-eluf ta’ żwiġijiet mitmuma li hawn fostna. Eluf ta’ nies qed jikkoabitaw għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor.
Tridu tkunu l-Qorti u bilkemm temmnu lil widnejkom bil-fatti li jinstemgħu fl-awli dwar it-taħwid li għandna fis-soċjetà nisranija tagħna fejn tidħol il-ħajja intima tal-familja li dan il-Gvern tant jgħid li jrid jgħożż.
Iżda minflok għożża l-Gvern iktar qed ikun il-promotur tat-tifrik tal-familja meta b’ipokresija estrema mhux qed jilleġisla biex ikollna l-proċeduri tad-divorzju f’pajjiżna. Għalhekk il-konfużjoni qed tiżdied.
Il-Gvern ma għandu l-ebda dritt jindaħal fil-ħajja privata taċ-ċittadini tiegħu għax wara kollox hu l-poplu li jaħtar il-Gvern biex jirrappreżentah imma f’din iċ-ċirkostanza l-Gvern mhux qed jirrappreżenta l-interessi tal-poplu kollu.
Il-Qorti tal-Familja li diġà teżisti mhux qed tlaħħaq mal-ħidma kbira li hemm bżonn issir. Dan hu aggravat meta sezzjoni mill-impjegati tibqa’ tinbidel minn żmien għal żmien kif għadu kif seħħ dan l-aħħar u allura x-xogħol jitlef mir-ritmu tiegħu sakemm terġa’ tinkiseb t-teknika meħtieġa kif jitmexxew l-affarijiet fil-Qorti tal-Familja.
Grazzi għall-ipokresija tal-Gvern, li bħall-parabbola jara t-tibna f’għajn ħaddieħor u ma jarax it-travu li għandu f’għajnejh, in-nuqqas ta’ liġi li tirregola d-divorzju f’artna qed twassal biex bosta miż-żgħażagħ intelliġenti li għandna jippreferu li ma jidħlux fir-rabta ta’ żwieġ minħabba d-diffikultajiet kbar li jinħolqu jekk fiż-żwieġ mhux kollox imur sew u l-koppja jkollha tissepara.
Għalhekk b’responsabbiltà ħafna persuni qed jiddeċiedu li jpoġġu u mhux jiżżewġu. L-Istat ma jridx li ċ-ċittadini jiżżewġu minħabba r-rebgħa għall-voti u l-lagħqiżmu lejn il-Knisja Kattolika li b’konsegwenza t’hekk qed iżżid fit-telf tas-segwaċi tagħha.
L-ipokresija hi ikbar meta wieħed iqis li pajjiżna jirrikonoxxi d-divorzju li jsir skond il-liġi ta’ pajjiżi oħrajn.
Nemo dat quod not habet. Ħadd ma jagħti dak li m’għandux, u l-Gvern m’għandux dritt li jagħti dak li m’għandux, jiġifieri li ma joħloqx dik il-leġislazzjoni għad-divorzju meħtieġa għall-eluf ta’ ċittadini f’pajjiżna li jekk ikunu jridu jagħmlu użu minnha.
Gvern ta’ pajjiż ċivilizzat u li għandu minquxa fil-ġuf legali tiegħu d-drittijiet u libertajiet fundamentali ta’ l-individwu m’għandu l-ebda mandat li jilgħabha tal-moralista.
Illum għandna Gvern tal-minoranza li hu obligat li jintroduċi liġi tad-divorzju operattiva f’pajjiżna. Jekk ma jsirx hekk se jibqgħu jbatu eluf ta’ familji Maltin, il-koabitazzjoni tiżdied ferm iktar, jikber in-numru tat-tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ u kulħadd ikompli jagħmel li jidhirlu għaliex dik hi l-moralità li qed iferrex dan il-Gvern li jgawdi l-appoġġ ta’ 49.3 fil-mija ta’ l-elettorat.
Għandna nintroduċu d-divorzju immedjatament. Il-Gvern jirrikonoxxi li hemm problemi kbar li qed joħolqu instabbiltà fil-familji bħall-vizzju tal-logħob. Bl-istess mod in-nuqqas ta’ liġi tad-divorzju qed toħloq instabbiltà f’dawk il-familji li jeħtieġu din is-soluzzjoni legali u fost koppji żgħar li jibżgħu jidħlu għall-irbit għax m’hemmx soluzzjoni għalihom jekk jinqala’ l-inkwiet.
Mingħajr divorzju se jkompli jitkattar it-taħwid fil-familja Maltija filwaqt li nkomplu negħrqu fl-ipokresija.
Emmy Bezzina hu avukat li jispeċjalizza fil-qasam tal-familja
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|