Editorjal | 25 ta’ Mejju 2008 Nr 82
Id-deċiżjoni li ħa l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex ir-rapport tat-telfa jkun pubblikat kienet waħda tajba ħafna għax tat sinjal li fil-partit hemm moviment ġdid biex l-affarijiet jibdew isiru b’mod differenti.
Il-pubblikazzjoni tar-rapport hu sinjal ta’ trasparenza li l-ebda partit politiku s’issa ma rnexxielu jagħti.
Sa llum kull rapport tat-telfa li qatt kien ikkummissjonat minn xi partit politiku qatt ma sar pubbliku. Ir-rapport tal-MLP fl-2003 baqa’ mistur, l-istess bħalma baqa’ moħbi r-rapport tal-PN fl-2004.
Għaldaqstant dak li għamel il-Partit Laburista, anki jekk se jdejjaq lil xi wħud u jweġġa’ lil min idejjaq ‘ipaxxi’ lill-avversarju, hu att kuraġġuż u fid-direzzjoni t-tajba.
L-ebda mexxej ġdid wara l-5 ta’ Ġunju ma seta’ jibda paġna ġdida jekk ir-rapport baqa’ moħbi. Kif kien ġara wara l-2003 b’xi mod jew ieħor kienet tinħareġ informazzjoni minn taħt tul il-ħames snin ta’ wara u kulmin jista’ jinħatar mexxej kien jispiċċa joqgħod jinkwieta fuq ħwejjeġ li jkunu għaddew.
Apparti dan, illum kulħadd se jkun jaf x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u għalhekk kulħadd se jkollu kejl tajjeb biex jara x’ġie implimentat jew le. Kif sirna nafu mill-istess rapport, ir-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-2003 fil-maġġoranza kbira tagħhom ma ġewx implimentati u b’hekk twettqu l-istess żbalji.
Fuq livell strateġiku twettqu ħafna żbalji li jixħtu fid-dubju l-professjonalità ta’ min mexxa l-kampanja elettorali. Imma nkwiet ikbar minn hekk hi n-nuqqas ta’ viżjoni politika koerenti u direzzjoni ċara li setgħet taspira fiduċja fin-nies.
L-ikbar settur li ma għarafx jidentifika ruħu mal-MLP kienu ż-żgħażagħ. Ħassew li l-partit kien negattiv wisq u ma kienx kredibbli fuq numru ta’ kwistjonijiet li l-aktar jolqtu liż-żgħażagħ bħall-edukazzjoni, l-ambjent u x-xogħol.
Dan għandu jinkwieta lill-mexxej il-ġdid. Fuq livell ideoloġiku l-partit irid isib il-boxxla tiegħu biex jagħraf jaddatta l-politika għaż-żminijiet ta’ llum u ta’ għada mingħajr ma jitlef l-identità Xellugija tiegħu.
Hemm bżonn iktar ftuħ lejn setturi ta’ nies li mhux bilfors jaqblu f’kollox mal-MLP imma jistgħu jħossuhom komdi jaħdmu miegħu f’qafas iktar wiesgħa.
Biex dan iseħħ hemm bżonn bidla fil-mentalità.
F’dan il-kuntest, anki jekk il-preżenza ta’ Martin Schultz din il-Ġimgħa maġenb Joseph Muscat kienet mistennija tqanqal kritika dwar ‘il-barrani li jiġi biex jindaħal’, inħossu li din il-kritika għandha għeruq fil-mentalità ta’ assedju li ħakkmet lill-Partit Laburista f’dawn l-aħħar 10 snin.
Fl-aħħar mill-aħħar jekk Schultz kisirx l-etika jew le minħabba l-kariga tiegħu fis-Soċjalisti Ewropej dik jaraha hu.
Iż-żmien fejn lill-politiku barrani nhedduh li nigdmulu lsiennu għadda u nisperaw ma jerġax jiġi, mhux b’att ta’ serviliżmu lejn il-barrani imma b’kunfidenza li nistgħu niddjalogaw u naqsmu l-ideat tagħna bħala sħab indaqs.
Il-mentalità insulari trid tinbidel biex l-MLP ikun jista’ jiftaħ għal kategoriji oħra ta’ nies li s’issa dejjem ħassewhom iktar komdi jivvutaw PN. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Marie-Louise Coleiro-Preca
Editorijal

Il Punt
Emmy Bezzina

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|