Xkien Jgħid? | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Għalkemm jisimni Manwel bħalu u twelidt fil-jum li jiċċelebraw it-twelid ta’ Kristu, lanqas meta kont ngħix il-Belt fejn hemm knisja jew kappella ma’ kull kantuniera ma kont xi wieħed li niekol l-għatba tagħhom. Iktar u iktar imbagħad meta mill-moffa tal-Kurja waħħluli l-interdett u skumnikawni, m’għandnix xi ngħidu, inqas u inqas dħalt fi knejjes. Biex iżebbilħuni u jiddieħqu bija, it-tfal
tal-Belt li daqs kemm kienu qalbhom tajba, kienu xidjiet li jafu jkun kattivi wkoll, kienu jiġu minn warajja u jgħolluli l-ġlekk biex jaraw fejn suppost kelli d-denb tax-xjaten.
Għalkemm kont ngħodd ma’ l-iskumnikati, l-itfal tiegħi xorta ridt inderrihom imorru l-quddiesa
tal-preċett kull nhar ta’ Ħadd. Meta kienu jistaqsuni għalfejn ma kontx immur magħhom, biex ma ninkixifx magħhom, kont ngħidilhom li l-quddiesa kont nismagħha minn fuq il-bejt peress li kerrejja fejn konna noqogħdu kienet tmiss bejt ma’ bejt mal-knisja ta’ Ġieżu. Fil-fatt veru kont nismagħha mill-kamra fejn kont inżomm il-kotba kollha ta’ qalbi u ma kont nitlef xejn minnha għax fi żmien li qed insemmi, fil-knisja xorta ma kont tara xejn bil-qassis dahru lejn in-nies.
Hawnhekk f’Lixandra f’ħaġa waħda sibtni komdu u għandi skuża tajba għax lanqas kieku rrid ma nista’ mmur knisja. Fil-kamp ta’ l-Ingliżi hawn kappella tal-Protestanti li skond ma kienu jgħallmuna l-Monsinjuri
tal-Katidral, titlef ruħek jekk tidħol fiha. Mill-bqija ħlief minaretti tal-moskeji bil-mweżżin isalli u jħanxar minn sbieħ Alla, m’għandekx ċans issib patri jew soru biex ifakkruk li għadek Kattoliku. Vera kif jgħid il-Malti, il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Iljieli mħarrkin
Għal dnubieti ta’ spiss ikolli ljieli mqallbin u ma nkunx nista’ nagħlaq għajn m’għajn. Bejn għax il-mitraħ ikissirli s-sinsla ta’ dahri u mill-ħaxixa ta’ ġo fih, hekk kif nimtedd fuqu, jibdew ħerġin kolonja sħiħa ta’ briegħed u qamel.
Mhux l-ewwel darba nqum maħsud u maħsul bil-għaraq, u ta’ xiħ li jien ninfexx nibki u nolfoq għax bqajt m’erġajtx rajt lil uliedi li nkun għadni kif ħlomt bihom.
Insomma ġieli darba f’sena jew iktar, wara xarba ilma tal-ħajja mill-irqiq, minn għonq il-flixkun ta’ dak il-ġnibru li jafu jagħmlu biss l-Ingliżi għall-baħrin tagħhom, kont nistenbaħ imħarrek, stirat u sod fejn jiswa, ħa niftakar imqar darba kultant li kont, għadni u nittama li nibqa’ raġel.
Għandi dak kollu xi jtellifni mill-irqad, imbagħad propju kif tkun għadha kif marret għajni bija, mal-għabex jiftaħ garġi daqshiex dak l-bagħal ta’ żiemel il-mweżżin tal-moskea ta’ ħdejna, u jqajjimni mir-raqda bl-Allah u akbarijiet tiegħu.
L-Islam
Ngħid is-sew minn kemm ili hawn matul dawn is-snin kollha, ġieli għaddieli minn moħħi li naqleb għal Musulman biex forsi jkolli minn jieħu ħsieb ta’ ruħi għal meta nerġa’ nsir trab.
Għax għandek tkun taf li tal-Knisja Kattolika ta’ Malta baqgħu ma neħħewuli qatt l-interdett wara dawn
is-snin kollha. Issa jien x’tort għandi jekk infittex toroq oħra għas-salvazzjoni, ġaladarba t-triq tal-Kattoliċi għall-ġenna għadha imblukkata għalija u t-triq għall-infern miftuħa beraħ?! F’mumenti ta’ disprament nispiċċa ngħid bejni u bejn ruħi ‘ġew jaqgħu u jqumu dwar x’se jiġri minni meta għadni ħaj, wisq inqas se jimpurtahom ta’ x’se jiġri minn ruħi wara mewti’.
Bħal kull reliġjon oħra, dik Musulmana fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha. L-ikrah tafuh kollu sa l-inqas dettal mill-istampa tal-punent li tiddemonizza lill-Misilmin kollha bla distinzjoni ħalli l-Amerka u l-figatelli tagħha jkomplu jiddominaw u jikkontrollaw id-dinja bl-iskuża
tas-sigurtà kontra t-terroriżmu.
Imma aspett partikolari mir-reliġjon Islamika li qed jibda jogħġobni. Qaluli lil tal-Hamas u lil tal-Qaeda qabel xi attakk suwiċida, biex ma jonqoshomx il-kuraġġ għal dak li jkunu se jagħmlu fil-ġenn ta’ moħħhom, jinvokawlhom passaġġ mill-Kuran li jgħid li min jirnexxilu jsalva ruħu għall-glorja tal-fidi Islamika, il-premju fid-dinja li jmiss ikun li jiżverġna waħda wara l-oħra tmienja u erbgħin verġni mhux mimsusa. Issa fl-istat ta’ xjuħija għakka li li ninsab fih jien, imqar b’nofs waħda noqgħod u nibbasta, imma jkolli nistqarr miegħek li l-idea qed tibda togħġobni.
Apparti ċ-ċajt, għadni skussjat b’dak li ġara fid-dinja matul il-jiem li għaddew biċ-ċiklun fil-Burma u bit-terrimot fiċ-Ċina li ħallew għexieren ta’ eluf ta’ vittmi. Quddiem sitwazzjonijiet katastrofiċi u ta’ tbatija kbira bħal dawn, il-ħin kollu nistaqsi lili nnifsi ‘fejn hu Alla tal-monsinjuri u Alla tal-mweżżin f’dak kollu?!’ Tagħtini tort jekk nibqa’ niddubita fl-eżistenza ta’ Alla u minkejja t-48 virgni li qed toffrili fuq platt
ir-reliġjon Islamika, għal konsistenza nagħzel li nibqa’ anjostiku u ma nemmen f’xejn.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|