MediaToday

Wenzu Mintoff | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81

Nannti Marì

Jgħidu li meta xi ħadd jibda jagħtiha għar-rakkonti ta’ ħajtu. Ikun ifisser li din tkun waslet fit-tmiem. Nittama li dan mhux minnu għax b’din ir-rata ta’ rakkonti mill-passat ma tantx se ndumu niltaqgħu nhar ta’ Ħadd. Jgħidu wkoll li meta l-futur ikun xi ftit jew wisq imċajpar, it-tendenza hi li naqgħu fuq in-nostalġija għall-passat. U n-nostalġija għandha ħabta tilgħab bl-emozzjonijiet tagħna sal-punt li mill-passat tiftakar biss is-sabiħ u kemm jista’ jkun twarrab l-ikrah. Forsi għalhekk meta nsiru xjuh, intendu li niftakru bi preċiżjoni x’għadda minna 50 sena ilu u ma niftakrux xi jkun laqatna lbieraħ, iktar u iktar meta tkun qed tistenna l-mewt ġejja għalik minn ħin għall-ieħor.
Jien il-kbir minn ħamsa, b’żewġ ħuti tampari li ġew f’din id-dinja: oħti l-kbira Marcon, sena u nofs warajja u ħija Dominic, sena u nofs warajha. Dan kien ifisser li f’temp ta’ tliet snin ommi kellha tliet itfal li mhux lakemm tlaħħaq magħhom fi żmien meta ma kienx għad hawn ‘disposable nappies’ fejn il-ħrieqi kienu jitgħallew fil-kaldaruni fuq l-ispiritiera ta’ l-istim. Dan fisser li jien trabbejt u għext tfuliti u parti sew minn żgħożiti ma’ nannti Marija Chetcuti mill-Misraħ ta’ Ħaż-Żabbar.
Ta’ dan ma jiddispjaċini xejn affattu, anzi grat mhux ftit għax-xorti li trabbejt minn mara qaddisa u eżemplari bħal din. In-Nanna Marija romlot fl-eqqel tal-gwerra, ta’ 33 sena b’sitt itfal, bl-ikbar wieħed Frans li dak iż-żmien forsi kellu 14-il sena u l-iżgħar wieħed Charles li kien għadu tarbija fil-fisqija.
Nannuhi Joseph Chetcuti kien ħaddiem it-Tarzna u fi żmien il-gwerra bħal ħafna oħrajn spiċċa jġorr bil-familja b’kollox, min-naħa t’isfel lejn in-naħiet ta’ fuq, ix-Xewkija, Għawdex fejn fil-fatt miet ta’ 36 sena. Ma nistax nifhem kif kien jagħmel biex imur għax-xogħol mix-Xewkija għall-Kottonera, b’dawk l-air raids kollha għaddejjin u bombi neżlin. Li hu żgur, meta miet u ħalla mara b’sitt itfal warajh, dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda pensjoni sura biex ittaffi ftit mit-tbatija għall-familja kbira li ma kellha lil ħadd minn jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Min jaf b’liema piena u rimors miet nannuhi meta ħalla warajh dawk il-ħlejjaq kollha ta’ fuqhom senduqhom?!
Għalkemm bilkemm kienet taf taqra u tikteb, tant li kienet tikteb bil-kliem maħlul u tgħaqqdu wara, nannti rnexxielha trabbi u tgħajjex familja b’għozza liema bħala. L-uniku sors ta’ dħul li kellha nannti kien mill-ħjata ta’ l-ilbiesi għan-nies u mill-bejgħ tal-bajd ta’ l-erba’ tiġiġiet li kellha. Safrattant irnexxielha tlaħħaq lil tlieta mit-tfal tagħha bħala għalliema, li ghal dak iż-żmien kienet xi ħaġa tassew kbira li armla b’sitt itfal tgħallimhom l-iskola u tlaħħaqhom biex jgħallmu l-iskola lil ħaddieħor. Il-kbir fost l-aħwa, Frans li kellha fonġa kbira bih, snin wara spiċċa laħaq Direttur ta’ l-Edukazzjoni u l-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar spiċċat msemmija għalih.

Tal-Grazzja
Nannti Marija, mara mill-iktar umli, modesta u sempliċi, għexet il-faqar b’dinjità u perseveranza kbira u rnexxielha tegħleb l-ostakli li ħabbtet wiċċha magħhom fil-ħajja, sforz il-fidi qawwija li kellha u l-imħabba kbira lejn il-Madonna tal-Grazzja u għall-Arkanġlu San Mikiel u l-kulur aħdar li kien imur miegħu.
Konna ninbxuha għall-fatt li l-kċina tagħha li kienet tikkonsisti f’toqba ta’ sitt piedi b’erbgħa, kienet tiżbogħha b’żebgħa aħdar ċar u b’zokklu aħdar skur, b’mejda u siġġijiet tal-formika wkoll ta’ kulur aħdar, il-kulur ta’ San Mikiel.
Nannti ftit li xejn kienet tilmenta għal dak li jolqot lilha.Iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitha għallmuha sew kif issofri ġo fiha. Fil-ħafna snin li domt ngħix magħha rari ħafna niftakarha tfisser il-weġgħat tagħha, ħlief għal żewġ episodji minn ħajjitha li direttament jew indirettament kienu jikkonċernaw lili. Ħa nsemmi wieħed minnhom.
Fil-każ ta’ l-ewwel wild, l-użanza kienet li jgħammdu n-nanniet, wieħed min-naħa u ieħor min-naħa oħra. Għal raġuni li mhux se nidħol fiha hawn, fil-kaz tiegħi għammduni n-nannu Wenzu u n-nanna Ċet min-naħa tal-familja Mintoff, xi ħaġa li kienet weġġgħet lin-nanna Mari mhux ftit.
Ommi u missieri dejjem żguraw li ma jkun jonqosni xejn ma’ nannti u għalhekk ma nistax ngħid li għext il-faqar. Imma xi ftit jew wisq il-faqar missejt miegħu wkoll.
Fid-dar ta’ nannti la kien jeżisti banju u wisq inqas giżer. Konna nsaħħnu l-misħun fil-kitla, u ninħaslu biċċa biċċa bħas-sorijiet, bi fliskatur ta’ l-enamel bit-tripied tal-ħadid. Tant kont imdorri ninħasel b’dan il-mod li meta ġieli kont immur għand ommi u nieħu banju, ta’ tifel li kont, ridt li ninħasel bil-ħwejjeġ ta’ taħt b’kollox.
Il-kamra fejn kellna t-toilet kienet tikkonsisti f’toqba ġo bitħa li kont trid tgħaddi għaliha minn taħt bini ikkundannat u fil-maltemp, bil-biżà li dan seta’ jaqa’, konna nitwerwru biex naqsmu l-bitħa. Ħafna snin wara kelli x-xorti nerġa’ nidħol fid-dar ta’ tfuliti meta kont qed nagħmel id-door to door fl-elezzjoni ta’ qabel din, flimkien ma’ Alfred Sant.

Diskors tal-muntanja
L-unika assistenza soċjali li kienet tieħu kultant nannti taħt Gvernijiet Nazzjonalisti kienet tikkonsisti f’xi landa żejt ta’ l-ikel, xi ċappa butir u xi borża dqiq bil-bandiera ta’ l-istrippi u ta’ l-istilel stampata fuqhom bħala parti mill-programm Amerikan tal-CARE.
Kellu jkun il-Gvern tal-Labour ta’ l-1971–1976 li ta lill-anzjani pensjoni diċenti li kienet tiżdied b’mod sostanzjali minn sena għal oħra. Għall-ewwel darba f’ħajjitha, nannti kellha għalfejn tmur il-bank b’ċekk xi ssarraf, u tiffirma fuqu bil-maħlul u xxellel bil-magħqud. Bħalha eluf kbar oħra f’Malta u Għawdex li wara li għomorhom u żmienhom jaħsbu f’ħaddiehor, għall-ewwel darba f’ħajjithom sabu lil min jaħseb fihom.
Għall-ewwel darba f’ħajjitha nannti setgħet nhar il-festa tal-Grazzja tippermetti ‘il-lussu’ li tagħmel festin żgħir għal tal-familja. Kienet tixtri l-Kinnie, erbgħa kull ġimgħa, sakemm kien ikollha biżżejjed għal kulħadd għal nhar il-festa filgħaxija.
F’kuntest familjari u soċjo-politiku bħal dan, ma stajtx ma nkunx ħlief partitarju kburi tal-Partit Laburista li mhux biss kien jippriedka imma fuq kollox kien għamel il-ġust u s-sewwa.
Id-dinjità li ta l-Partit Laburista lill-ħaddiema, lill-pensjonanti, lir-romol, lil persuni b’diżabbilità, eċċ, hi waħda mill-ikbar konkwisti storiċi li għamel dan il-poplu minkejja li mhi mniżżla fl-ebda ktieb ta’ l-Istorja.
Filwaqt li n-Nazzjonalisti kulma kellhom biex jiftaħru bih kienu valuri astratti ta’ l-elit bas-‘sbejħa Patrijà, il-lingwa Taljana, il-kważi Dominium Status u eventwalment l-Indipendenza, il-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien kellu l-mertu kbir li mingħajr ma qatt ma nqeda bir-reliġjon, kien hu li wettaq fil-prattika it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.
F’sens lajk u politiku, dan kien id-diskors tal-muntanja li għad irid jibqa’ jiġi mfakkar għalih il-Partit Laburista. Ara kemm matul is-snin tqatlu u nqatlu nies f’isem ir-reliġjon u l-Knisja, kemm qassisin bagħbsu tfal u patrijiet iffornikaw ma’ sorijiet u kemm kien hawn Papiet moħħhom fis-saltna ta’ din id-dinja ferm iktar mis-saltna ta’ dejjem, xejn minn dan ma ntakka d-diskors tal-Muntanja li jibqa’ wieħed etern u li ma jmut qatt.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat



Il Punt
Mexxej Laburista jew Prim Ministru?
Saviour Cachia


Toni U Peppi


L-MLP: iktar Xellug jew iktar Ċentru



Emmanuel Micallef
Id-Delegat versus d-Delegat


Carmelo Mifsud Bonnici

Moħħ mill-iktar ċar



X'kien Jgħid
Iljieli mqallbin



Wenzu Mintoff

Nannti Marì


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan