Toni u Peppi | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Li tkun Xellugi jew Lemini hi biss kwistjoni ta’ attitudni politika. Ħafna drabi hi wkoll influwenza taċ-ċirkostanzi soċjali li tkun sibt ruħek fihom mit-twelid. It-tifel ta’ Grezzju li jaħdem it-Tarzna, anki mingħajr ma jaf, hemm ċans li jkun aktar Xellugi mit-tifel tas-Sur Pawl in-negozjant. Anzi t-tifel tas-Sur Pawl x’aktarx joħroġ Lemini, ukoll mingħajr ma jaf.
Jiddependi wkoll mill-iżvilupp intellettwali ta’ dak li jkun b’mod speċjali mill-qari kif ukoll mill-influwenzi li jkollu meta jkun żagħżugħ. Fil-fatt l-aqwa esponenti tas-soċjaliżmu ġejjin minn klassi medja għolja u mhux minn dik tal-ħaddiema. Biex insemmi wieħed li għandu ismu marbut mas-soċjaliżmu internazzjonali, Fredriech Engels kien wieħed minn dawn.
Anki l-perjodu ta’ l-istorja għandu importanza kbira. Kien hemm żmien meta dawk fuq in-naħa tax-Xellug tradizzjonali tal-Parlament Franċiż wara r-revoluzzjoni ta’ l-1798 kienu meqjusa bħala Xellugin għax favur is-suq ħieles u l-ħarsien tal-proprjetà privata. Xi żmien wara, meta feġġ fix-xena Karl Marx, li tkun favur il-proprjetà privata u s-suq ħieles kienet dagħwa soċjali. Filwaqt li l-ekonomisti liberali Ingliżi kienu jħarsu lejhom bħala Xellugin, ġie żmien meta bdew jitqisu bħala konservattivi u li jagħmlu apoloġija lil-Lemin.
Li tkun Xellugi u Lemini, qishom żewġ linji tal-ferrovija li għalkemm qrib xulxin qatt ma jiltaqgħu, tant li l-aktar persuni prominenti fl-istorja tal-bniedem f’nifs wieħed kienu ikkunsidrati mill-umanità bħala Soċjalisti u l-antiteżi tas-Soċjaliżmu fl-istess ħin. Pereżempju, Josef Stalin kien meqjus minn Togliatti, segretarju tal-Partit Kommunista Taljan bħala t-tarka tax-Xellug. Mentri fl-1973, f’diskors li kien għamel Enrico Berlinguer ukoll segretarju tal-Partit Kommunista Taljan, Josef Stalin kien imsejjaħ għal dak li kien, dittatur u li l-metodi tiegħu kienu Faxxisti.
Sakemm bdejna nisimgħu bil-kelma Ċentru. Kelma politika li tindika li ħadd ma jibqa’ estrem u kulħadd jersaq aktar qrib xulxin għax fil-ħajja tan-nies magħmula mid-demm u l-laħam hemm taħlita taż-żewġ kurrenti.
Il-ħajja magħmula mill-istint individwalista li kull bniedem jiġbed lejh, iżda li fl-istess ħin kull bniedem jgħix f’soċjetà allura jrid iħares l-interessi ta’ ħaddieħor.
Għamilt din l-introduzzjoni storika qasira għaliex hu neċessarju li lill-qarrej mhux lakemm naqbdu u nitilqulu frażi u nippretendu li qed jifhimna. Li naħseb li jrid jifhem il-qarrej hu, li kulma nagħmlu f’ħajjitna jrid jittieħed fil-kuntest taż-żminijiet li nkunu għaddejjin minnhom. Meta fis-Sebgħinijiet bdew jiġu nazzjonalizzati l-banek, il-kritika kienet kbira. Iżda meta min kien ikkritika tela’ fil-Gvern, ma tahomx lura lil min ittieħdu, iżda qabad u biegħhom lil ħaddieħor.
Illum, li ma tgħix fl-estrem, iżda li tibqa’ tiġi ispirat mill-prinċipji bażiċi tiegħek u li tipprova ssib punti ta’ konverġenza ma’ dawk li għandhom prinċipji bażiċi differenti minnek, ifisser li int qed tipprova tressaq lejn iċ-Ċentru tal-politika. L-importanti li tasal saċ-Ċentru u ma taqbiżx il-linja. Li jintlaħaq kompromess politiku mingħajr ħadd ma jikkomprometti lilu nnifsu hu neċessarju biex is-soċjetà timxi ’l quddiem. Fi ftit kliem, l-enerġiji tagħna għandna naħluhom fuq ħwejjeġ li naqblu fuqhom milli fuq dawk li ma naqblux meta ħsara mhi se ssir lil ħadd.
Minkejja dak kollu li jingħad il-Partit Laburista Malti dan ipprova jagħmlu u kontra kull oppożizzjoni għamlu. Jekk inħarsu lejn il-liġijiet fiskali u soċjali li introduċa snin ilu l-Partit Laburista, dan is-sens ta’ kompromess storiku bejn il-Lemin u x-Xellug kien evidenti.
Kien il-Partit Nazzjonalista li għal żmien twil addotta pożizzjoni riġida u kien biss fl-aħħar tas-Snin Sebgħin li seħħet bidla fih, fis-sens li mhux biss ma għandux jibqa’ kontra kull proposta soċjali, iżda għandu jipproponihom hu. L-arkitett politiku wara din il-bidla kien Louis Galea.
Meta fis-snin Ħamsin il-Partit Laburista daħħal l-Income Tax kien qed jagħmel il-politika taċ-Ċentru. Iż-żwieġ bejn dawk li jaqilgħu l-flus f’ekonomija liberali u l-ħtieġa li l-ġid nazzjonali jkun imqassam b’mod ġust. Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien qal li dawn huma miżuri komunisti. Sa l-1976 il-Partit Nazzjonalista, biex jappella għall-egoiżmu li jikkaratterizza lil-Lemin, kien għadu jwiegħed li jneħħi l-Income Tax.
Meta l-Partit Laburista fl-1956 daħħal id-dritt ta’ l-ewwel forma ta’ pensjoni u allura l-ħlas tal-bolla, il-Partit Nazzjonalista kien għadu jemmen li anki dudu jgħix f’ċagħqa, anzi kienu jemmnu li x-xjuh jonfqu dak li jirċievu fit-tipjip u f’xi pinta nbid.
Sa l-1981, il-Partit Nazzjonalista kien għadu jemmen li l-bolla kienet balla. Meta bejn l-1971 u l-1981 il-Partit Laburista daħħal aktar minn tliet kwarti tal-liġijiet soċjali li għandna llum, il-PN kien kontra.
Il-Partit Laburista dejjem saħaq fuq politika ta’ kompromess ideoloġiku bejn il-Lemin u x-Xellug, filwaqt li sa l-1987, il-Partit Nazzjonalista oppona għal dan, anki jekk fi ħdanu diġà kellu min qiegħed jaħsibha mod ieħor. Fejn falla l-Partit Laburista ma kienx wisq fis-sustanza ta’ dak li wettaq iżda fil-mod li wettqu.
Il-metodu kien wieħed li tbiegħed miċ-Ċentru tal-politika. Il-PN ħataf l-okkażjoni u għamel kapital politiku kemm felaħ minnha. Qamet kontroversja kbira li tellfet eluf ta’ voti lill-Partit Laburista. Kontroversja fuq il-forma u mhux fuq is-sustanza. Jibqa’ xorta fatt storiku li l-Partit Laburista huwa l-pijunier tal-politika Xellugija, iżda Ċentrista.
Tul dawn l-aħħar tliet elezzjonijiet, din l-attitudni kompliet tidher. Anzi hawn min sostna li l-MLP kien qed ikun Ċentrista sal-punt li ma baqax qrib l-għeruq tat-twemmin politiku tiegħu. Biex jinħabb mal-klassi medja u ma’ dawk li huma meqjusa, jekk mhux tal-Lemin, pjuttost konservattivi, ma ddejjaqx li anki jiġi ikkritikat minn ħdanu. Parti mill-kriżi ta’ l-1998 fi ħdan il-Partit Laburista kienet is-sensazzjoni li qed jitlef ‘ir-ruħ soċjali’. Jekk dan kienx minnu jew le, l-istorja biss għad trid tgħidilna.
Ma rridux ninsew li skond l-aħħar statistiċi maħruġa min-National Statistics Office, 16 fil-mija tal-poplu jgħix taħt l-għatba tal-faqar. Mhix ċifra żgħira u dawk li jgħixu ’l fuq minn din l-għatba mhumiex jgħixu f’Ġenna ta’ l-art lanqas. Iżda kultant ninsew, b’ċerta konvenjenza dan kollu, minħabba kwistjonijiet frivoli li jingħataw importanza nazzjonali.
B’din biss f’moħħna, il-Partit Laburista għandu missjoni x’iwettaq, billi f’kull kompromess politiku li jidħol għalih iżomm f’moħħu lil din is-saffa soċjali.
Fl-aħħarnett ma rridux ninsew realtà politika importanti. Illum Malta hi membru ta’ l-Unjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet u l-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea huma mfassla b’mod li kemm jista’ jkun iwasslu lil kull pajjiż membru jaqbad it-triq tan-nofs.
F’kontinent fejn twieldu żewġ ideoloġiji politiċi mill-aktar kontrastanti, il-Komuniżmu u l-Kapitaliżmu u f’unjoni fejn fi ħdanha għandha kurrenti politiċi ġejjin mit-tnejn, kien jonqos kieku ma kienx hekk.
Għalkemm l-unjoni hi mibnija madwar suq ħieles, fl-istess ħin tinsisti li għandu jkun hemm sens ta’ ‘fair play’. Għalhekk ma tippermettix cartels kummerċjali biex proprju ma ssirx spekulazzjoni kattiva. Tinsisti ħafna li l-awtoritajiet regolatorji jħarsu l-interessi tal-konsumatur u allura ta’ min jaqlagħha u jikolha. Għandha karta tad-drittijiet soċjali li tħares id-drittijiet minoritarji u leġislazzjoni li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol b’ċertu skrupli. Insomma, r-Reġim totali tar-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea huma maħsuba li jindirizzaw kemm lil min għandu l-kapital u anke lil min m’għandu xejn ħlief is-saħħa ta’ dirgħajh.
Lejn iċ-Ċentru rridu nersqu dejjem imma mhux sal-punt li meta jkun hemm bżonn ma noħorġux minnu għax nibżgħu li niġu ikkritikati.
Nemmen li llum anki l-Partit Nazzjonalista fehem dan, bid-differenza li jekk iż-żewġ partiti jħossu li m’għandhomx jibqgħu fih, it-tnejn li huma se jersqu minn fejn ġew. Il-Partit Laburista lejn ix-Xellug u l-Partit Nazzjonalista lejn
il-Lemin. X’inhu l-aħjar mit-tnejn m’għandix għalfejn ngħid.
http://toniabela.blogspot.com/
“Int qed tgħir għal dawk li għandhom is-swimming pools,” kien qalli Alfred Sant waqt Xarabank.
Kien mument li verament ma kontx naf x’se naqbad ngħidlu. Hemm quddiemi kelli l-mexxej tal-Partit Soċjalista Malti qed jiddefendi lin-nies li f’Malta għandhom swimming pool.
Aktar minn hekk Alfred Sant kien qed jiddefendi wegħda prinċipali tiegħu li jnaqqas is-soprataxxa bin-nofs għal kulħadd. Ifisser li dawk li jaħlu l-aktar se jiffrankaw l-aktar u dawk li jaħlu l-anqas u diġà ma jħallsux soprataxxa mhuma se jiffrankaw xejn għax diġà ma jħallsux.
Dak kien u s’issa għadu s-Soċjaliżmu ta’ Alfred Sant u Jason Micallef. Fil-programm elettorali ta’ dak li kien jissejjaħ il-Partit Laburista kellna l-miżura tas-sahra bla taxxa. Din miżura li kellu Berlusconi fil-programm elettorali tiegħu. Din miżura li tinċentiva lill-ħaddiema jaħdmu aktar u aktar, ikollhom anqas ħin mal-familja, jitħajru jiddejnu aktar u hekk isiru aktar dipendenti fuq min iħaddimhom bil-konsegwenza li jibżgħu b’xi mod jikkritikaw.
Soċjaliżmu li jfisser ħniena u mogħdrija. Imbagħad tiftaħ il-programm elettorali tal-Partit hekk imsejjaħ Laburista u lanqas kellhom il-kuraġġ jitkellmu fuq parole li suppost il-partiti Xellugin fid-dinja mhux biss jissuġġeruha iżda jipproponuha u jiġġieldu biex tidħol.
Il-Partit Laburista Malti lanqas għadu jintgħaraf minn kif twieled. Mhux kiber u żviluppa imma nbidel kompletament biex lanqas għadu jintgħaraf. Minn hawn nislet tliet punti:
a. Il-programm eletorali kien approvat unanimament mid-delegati li issa se jagħżlu mexxej ġdid. Jekk verament kienu jemmnu dak li kien qed jipproponi il-Partit imsejjaħ Laburista u għadhom jemmnu hekk sa llum allura l-għażla ta’ mexxej se tirrifletti dan u jaf ikollna mexxej li jkompli jeħodna aktar lejn il-lemin. F’dan il-każ ngħid li l-elezzjoni li ġejja jerġa’ jirbaħha l-Partit Nazzjonalista li b’Gonzi fit-tmun jibqa’ jersaq aktar lejn ix-xellug u jkompli jirbaħ.
b. Il-Partit Laburista mar fuq il-Lemin u lanqas irnexxielu jġib il-voti ta’ dawk li jaħsbu bil-lemin filwaqt li tilef dawk li jemmnu fix-Xellug. Dawn naf ħafna minnhom li jgħidulek – jiena Laburist u għalhekk se nivvota PN. Ġralu hekk għax it-twemmin Lemini tal-Partit Laburista ma kienx ġej minn twemmin tal-mexxejja tiegħu. Nies bħal Alfred Sant u Jason Micallef kienu u għadhom jemmnu li mhux importanti xi twemmin ikollu dak li nipproponu iżda l-importanti li l-wegħdi jġibulna l-voti. Jekk in-nies trid li nitfgħu lil min iwettaq delitt il-ħabs u narmu ċ-ċavetta allura dak li nipproponu. Jekk sirna nafu li hemm xi biċċa korruzzjoni, din ma ngħiduhiex fil-ħin li nsiru nafuha imma meta jkun jaqbel biex inġibu l-voti. In-nies qraw dan kollu u għalkemm jista’ jkun li emmnu l-istorja raw li l-intenzjoni tal-MLP mhix vera li jiġġieled il-korruzzjoni iżda li jirbaħ l-elezzjoni.
La l-immigranti irregolari mhux popolari allura l-MLP jagħlaq ħalqu dwarhom u l-obbligu tax-Xellug li jipprovdi s-solidarjetà internazzjonali jintefa fil-ġenb, jiskot għax jintilfu l-voti. Allura għall-elezzjoni l-MLP spiċċaw partit li telaq mix-Xellug għax ħaseb li se jiggwadanja l-voti ta’ dawk fuq il-Lemin. Xi ġralu? Tax-Xellug telquh għax ħassewhom traduti u tal-Lemin ma emmnuhx għax indunaw li kienet biss pożizzjoni ta’ konvenjenza.
c. Hawn min isostni li l-ideoloġiji spiċċaw. Ma naqbilx għal kollox. Veru li l-ideoloġiji spiċċaw bħala regoli fissi f’xi ktieb li miegħu trid timxi biex tikteb il-programm elettorali. Illum il-bażi ta’ l-ideoloġiji jinbtu mill-kwistjonijiet li jinqalgħu fi żminijiet u ċ-ċirkostanzi partikulari. Partit iħares u jieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet differenti mill-ideoloġija li jħaddan. Iżda l-kwistjonijiet assolutament ma baqgħux il-prerogattiva tal-partiti.
L-issues saru aktar f’idejn in-nies aktar milli f’idejn il-media li bil-mod qed titlef il-kontroll li kellha u qed iċċedi postha għall-internet fejn l-opinjonijiet u l-esperjenzi tan-nies saru ħafna aktar importanti minn tal-mexxejja. It-tweġiba tal-mexxejja għal dawn l-kwistjonijiet għandha tibqa’ ispirata mill-ideoloġija li jħaddnu u li suppost jemmnu fihom.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|