Sport | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
L-isem jibqa’ sinonimu mal-klabb ta’ Valletta iżda l-moħħ tal-persuna bħalissa qed taħseb biss fuq kif se tirnexxi din il-ħolma li jwassal il-vapur sal-port. L-għan ta’ Qormi FC fil-bidu ta’ l-istaġun kien biss li għall-ewwel darba jiġu promossi fl-ogħla kampjonat tal-futbol Malti. Għadu xejn mhu ċert iżda l-Qormin jinsabu bħall-avversarji diretti tagħhom…rebħa biss ’il bogħod f’90 minuta kruċjali li għandhom fid-decider kontra l-Mosta. F’90 minuta jista’ jiġri kollox u nemmen li Qormi FC fil-kampjonat Premier se jkunu attrazzjoni.
“Raħal bħal Ħal Qormi ħaqqu jkun Premier għax hu tim li jġib ħafna nies miegħu. Għandna nkunu Premier għax hemm materjal tajjeb għall-Ewwel Divizjoni. Għalkemm il-Premier hu tqil wisq, l-Ewwel Diviżjoni hu aktar diffiċli. Li niġu promossi għalija mhux biżżejjed. Irridu nibnu tim biex inkunu stabbli mal-kbar.”
Hekk nibdew din l-intervista jien u Jesmond Zerafa meta ltqajna nhar it-Tnejn. Ma’ Jesmond nitkellem dwar kollox, dwar dak kollu li sawwar karriera ta’ snin twal fil-futbol Malti. Ikellimni dwar il-mentalità u l-istil ġdid li rnexxielu jdaħħal f’Ħal Qormi saż-żminijiet tiegħu ta’ meta kien jifforma parti mill-iskwadra tal-Belt u tat-tim nazzjonali Malti u anki kemm skond hu seta’ ħalla impatt ħażin fuq iż-żgħażagħ li jipprattikaw il-futbol, il-leġġenda Diego Armando Maradona.
Personalment nikkalkula li bniedem bil-passat u l-karriera ta’ Jesmond għadda aktar minn tliet kwarti ta’ ħajtu fil-logħba u jaħseb biss fuq futbol. Jaqbel miegħi…
“Jien għixt fil-futbol u ħajti kollha kienet futbol. U naħseb li l-mewt tiegħi se jkun fil-futbol ukoll. L-ewwel żminijiet tiegħi kienu ma’ diversi klabbs meta kont żgħir. Kont ma’ l-Isla u mbagħad ma’ Bormla. Iżda rrid ngħid li l-qabża fil-kwalità fil-karriera għamiltha fl-ewwel sena ma’ Ħal Tarxien. Kont mort magħhom bħala plejer. Dak iż-żmien tlajna Premier għall-ewwel darba u Gencho Dobrev għajjatli mat-tim nazzjonali. Minn hemm mort mal-Belt.
“Għalkemm spiċċajt man-nazzjonal meta kont ma’ Tarxien Rainbows bla dubju huma ż-żminijiet tal-Belt l-aktar li jibqgħu għal qalbi. Tkun plejer tal-Belt għandek ċertu image u ċerta responsabbiltà. Plejer tal-Belt hu ikbar minn plejer kwalunkwe. Nemmen li plejer tal-futbol lokali jkun laħaq il-quċċata tiegħu meta jilbes
il-flokk tal-Belt.”
Jesmond jammetti li minkejja li wara dan iż-żmien ma kienx l-uniku wieħed mal-klabb Belti, ismu għadu sinonimu wisq mal-klabb u jiġri x’jiġri ’l quddiem ismu ma jista’ qatt jinfired minn ma’ Valletta FC.
“Jesmond Zerafa hu aktar isem relatat mal-Belt. Għalkemm jien illum waqaft mill-futbol u qiegħed fil-coaching għan-nies tal-Belt tibqa’ xi ħadd speċjali u uniku. Ismi baqa’ ħaġa waħda ma’ dan il-klabb bis-saħħa tal-kobor tiegħu. Xorta bqajt inħossni Belti u hu unur kbir għalija li l-Belt rebħu dan il-kampjonat. Fraħt daqslikieku għadni plejer tagħhom.”
F’sitwazzjoni bħal din nistaqsih jekk f’każ li Ħal Qormi jiġu promossi fil-kampjonat Premier hux se jsib problema li jrid jiffaċċa lil Valletta.
“Għalija mhi problema xejn għax xi ħaġa bħal din għaddejt minna meta kont mort ma’ Birkirkara lejn l-aħħar tal-karriera tiegħi. Sakemm tkun bniedem responsabbli u professjonali f’xogħolok trid iġġib l-ewwel priorità lit-tim li int tmexxi. Jien mhu se nsib l-ebda tfixkil jekk Qormi jkunu Premier u tasal il-logħba kontra Valletta.”
Jesmond Zerafa twieled fit-3 ta’ Awissu 1965 u trabba u għex dejjem il-Belt. Imma x’inhu l-itqal fil-futbol għalih, il-ħajja ta’ kowċ jew ta’ plejer?
“Kumbinazzjoni din il-ħaġa tkellimta mal-plejers ftit tal-jiem ilu. Ir-responsabbiltà tal-plejer hi kbira. U dan għax hu jrid jieħu parti fil-partita u għandu l-ikbar responsabbiltà li jbiddel ir-riżultat jew iġib xi rebħa. Plejer irid ikun responsabbli tiegħu nnifsu. Kowċ għandu responsabbiltà ġenerali. Jien b’wiċċi minn quddiem ngħid li l-fatt li fil-passat kont plejer għeni mmens fil-karriera ta’ kowċ. Kowċ irid jimxi u jmexxi tim b’karattru differenti għal kull plejer. L-iktar ħaġa importanti f’kowċ hi li anki meta r-riżultati ma jiġux jibqa’ jiddefendi lill-plejers ma’ kulħadd. Iżda mbagħad kowċ ikollu dritt ikellem lill-plejer għall-ġid ta’ kulħadd. Żgur li meta plejer jizbalja se nibqa’ niddefendih quddiem kulħadd.”
Ir-raħal ta’ Ħal Qormi qed jiffaċċa realtà ġdida fil-logħba tal-futbol. Jinsab ferm viċin li staġun ieħor jikkompeti mal-kbar tal-pajjiż.
“Bħalissa hemm atmosfera kbira. Għall-Qormin hi unika imma għalija mhi xejn ġdida. L-istess affarijiet kont narahom mat-tim tal-Belt u nara ħafna xebh bejn it-tfal Qormin u dawk Belt, għax dejjem iridu jirbħu u ma tantx iħobbu jitilfu. Hemm entużjażmu kbir u nista’ ngħidlek li bħalissa hemm għaqda kbira għalkemm pressjoni kbira teżisti wkoll. Dan kollu kont nafu qabel u mort ma’ Qormi proprju għal dan. Jekk inkunu Premier inħossni kburi li kont nagħmel parti mit-tim li għall-ewwel darba jinsab mal-kbar tal-futbol tal-pajjiz.”
Nisma’ ħafna li jgħidu li klabb bħal Qormi FC messu ilu jikkompeti fil-Premier. Imma l-Qormin huma aktar moħħom fit-tiġrijiet taż-żwiemel milli fil-futbol. Inpoġġi dan l-argument quddiem Jesmond.
“Mill-ftit li nisma’ Ħal Qormi l-aktar li huma dilettanti huma tal-festi. Għalihom dawn xi ħaġa speċjali iżda ż-żwiemel huma popolari ħafna ukoll. Iżda meta raħal ikollu mira x’jilħaq li qatt ma jkun laħaqha qabel jidħol ċertu entużjażmu żejjed. Dawn l-aħħar logħbiet il-poplu Qormi qed juri biċ-ċar li l-kampjonat Premier hu ħolma li tista’ verament issir realtà.”
Infakkru li importanti li kulħadd iżomm saqajh ma’ l-art għax ftit taż-żmien ilu Ħal Qormi għexu xi ħaġa bħal din li spiċċat f’disfatta kbira.
“Vera. In-nies huma xi ftit imbeżżgħin għax ftit tas-snin ilu l-Qormin kienu għaddew minn esperjenza qarsa meta ma rebħux l-aħħar logħba kontra Marsa u telgħu minflokhom. Iżda fil-futbol trid tagħmel kuraġġ. Kulħadd irid jagħti l-mija fil-mija tiegħu u jalla li l-miżien ixaqleb lejna.”
Każ li seta’ ħammeġ lill-klabb ta’ Ħal Qormi kien dak tal-barrani tagħhom Dozie Chima. Insaqsih jekk bħala kowċ ħassx in-nuqqas ta’ attakkant ta’ din il-kwalità anki jekk wara rriżulta li ma kien hemm xejn kontrieh.
“Jien kelli fiduċja sħiħa fih u kont jien li ikkonvinċejt lill-Kumitat biex inġibu lilu għax kellu diġà esperjenza vasta anki fil-Premier ma’ St. Patrick. Tana daqqa kbira u hawnhekk nixtieq nuri l-kuraġġ u l-karattru tal-plejers tiegħi għax anki ċertu ġurnalisti kienu qatgħuna barra mill-ġlieda.
“Għalkemm Chima Dozie kien ġie liberat, lili bħala kowċ tagħni daqqa kbira. Niftakar li fil-ġurnata meta sirna nafu konna tlifna ma’ Ħad-Dingli. Kont qed nistennih ġej għal-logħob u infurmawni li arrestawh. Ħasadna lkoll u għalhekk ma nistax ma nagħtix l-ikbar mertu lill-plejers li baqgħu ikkonċentrati u llum ninsabu fejn ninsabu.”
Insaqsih jekk jibżax li l-klabb ta’ Ħal Qormi jista’ jisfa vittma bħal klabbs oħra li jitla’ Premier biss għal sena u jerġa’ jinżel riħ fl-Ewwel Diviżjoni.
“L-iktar li jbeżżagħni mhux il-klabb li mill-Premier jispiċċa fl-Ewwel Divizjoni iżda li saħansitra jista’ jispiċċa fit-Tieni Divizjoni. Kif tista’ tara Marsa kienu Premier u s-sena d-dieħla se jilagħbu fit-Tieni Diviżjoni. Pero’ ma naħsibx li dan jista’ jiġri ma’ Ħal Qormi. U dan għax il-Kumitat qed jaħdem ħafna u qed jieħu kollox pass pass.
“Kelli anki offerti fil-Premier. Imma għażilt lil Qormi għax jien bniedem li ma nħobbx ngħaġġel fil-karriera tiegħi. Irrid nimxi pass pass u nkun ċert li dak li se nagħmel nagħmlu sew. Ma nħobbx nitla’ tarġa biex imbagħad ninżel tnejn. Xtaqt klabb li seta’ jagħtini ftit pressjoni biex jekk fil-futur jiġini ċ-ċans biex nieħu pass ikbar minn dan inkun ippreparat. Jien f’ħajti nħobb l-isfida u jekk ikolli mmur fil-bidu ta’ l-istaġun nerġa’ nagħżel lil Qormi.”
Iżda x’kienet l-ewwel ħaġa li kellu jibdel fil-klabb Qormi hekk kif iffirma?
“Il-mentalità fil-karattru. Li fil-futbol trid tagħmel is-sagrifiċċji. Għadna fil-bidu imma diġà wasalna ħafna. Kuntent ħafna u nemmen li għandna ċerti plejers ta’ livell tal-Premier. Meta jasal unur ħadd ma jkun ħadu waħdu izda l-plejers ikunu l-iktar nies li jagħmlu sagrifiċċji. Il-partitarji għandhom għatx kbir biex jaraw xi darba lit-tim ta’ qalbhom fil-Premier. Nispera li jirnexxielna nagħtuhom dan ir-rigal.”
L-aħħar mistoqsija: kif jimmaġina li se tkun il-logħba kontra Mosta li se tiddeċiedi l-futur tat-tnejn.
“Il-futbol iwettaq l-ġurnata u ma tistax toqgħod taħseb x’se jiġri għax ma torqodx. Jien bniedem li mhux se noqgħod nitfa’ pressjoni żejda fuq il-plejers tiegħi. Iżda r-realtà tgħidlek li se nilagħbu ma’ wieħed mill-aqwa timijiet ta’ l-Ewwel Divizjoni. Jekk tkun il-ġurnata tagħna m’għandniex għalfejn noqogħdu niddejqu. Veru li hi logħba diffiċli iżda mhux impossibbli. Il-plejers mgħaġġlin biex tasal din il-partita ħa jilagħbuha u jtellgħu lit-tim mal-kbar. Ilna staġun naħdmu, nistinkaw u nbatu. Din il-partita ġiet li jekk nitilfu tlifa staġun u jekk nirbħu nirbħu staġun.”
Nistaqsih x’mertu se jkollu jekk jasal dan is-suċċess il-President żagħżugħ ta’ Ħal Qormi, Matthew Fenech.
“Iktar milli piż naħseb li hu sodisfazzjon. Li tkun il-President li tellajt lit-tim ta’ Ħal Qormi fil-Premier mhux ċajta. Nemmen li Matthew Fenech se jibqa’ mfakkar tul l-istorja kollha ta’ Ħal Qormi. Matthew hu bniedem li qabel ma jiġri jimxi u kapaċissimu f’xogħlu. Għadu żagħżugħ u ġej minn familja ta’ negozjant kbira. Ma naħsibx li se jsib problemi biex imexxi klabb tal-futbol. Ħuh Silvan ħallielu pedament sod fuq xiex jaħdem.”
Nitolbu jiddeskrivili ż-żminijiet tiegħu tat-tim nazzjonali u jekk possibilment isemmilix l-aqwa plejer li qatt lagħab miegħu fi żmienu.
“Fin-nazzjonal kont għamilt seba’ snin taħt Horst Heese, Gencho Dobrev, Pippo Psaila u Pietro Ghedin. Meta tkun fit-tim nazzjonali hu prestiġju. Jiena ngħid li li plejer Malti jkollu l-opportunità biex jilgħab ma’ plejers ta’ kalibru mondjali hu vantaġġ kbir. Jien nibqa’ niftakar il-logħba barra minn darna kontra l-Olanda li tlifna 1-0 b’penalty ta’ Van Basten. F’Malta konna qlajna tmienja bl-istess Van Basten jiskorja ħamsa. Nixtieq nirringrazzja lill-MFA taċ-ċans li kienu tawni.
“Lgħabt ma’ ħafna plejers kbar u ma naħsibx li nkun ġust li nsemmi isem wieħed. Ngħidlek biss li hu ta’ sodisfazzjon kbir li nara lill-eks sħabi tat-tim nazzjonali jikkowċjaw timijiet oħra. Iżda isem min hu l-aqwa mhux se ngħidlek għax nikkonfondi. Kif nista’ ngħidlek min kien l-aqwa bejn Alex Azzopardi, Michael Degiorgio, John Buttigieg, Raymond Vella, Carmel Busuttil u l-kumplament?”
Nippersisti miegħu għax kont konvint li kellu l-preferut. Nipprova nikkonvinċih jagħtini isem billi ngħidlu li jekk probabbli ngħidlek min kien l-aqwa plejer ta’ kull żmien fl-istorja tal-futbol tgħidli li hu Diego Armando Maradona.
“Ma ngħidlekx Maradona, le, għax jien nemmen li plejer għandu jkun komplut. Maradona spiċċa l-karriera b’disfatta. Hawn plejers fid-dinja bħal Zidane u Platini li kienu kbar wisq. Iżda l-mod kif spiċċa Maradona ma kienx denju ta’ plejer tal-futbol.
“Maradona nqabad bid-doping kemm-il darba li jfisser li ħa s-sustanzi biex jgħinuh jilgħab aktar tajjeb. Tifhimnix ħażin. Maradona kien stilla kbira imma ħasra li bniedem bħal dak spiċċa b’dak il-mod. Maradona kisser id-dinja bil-lussu li kellu fil-futbol iżda mbagħad kisser lilu nnifsu bid-droga. M’għandi l-ebda problema biex ngħidlek li Maradona kien plejer ta’ klassi kbira iżda li kien l-aqwa plejer ta’ kull żmien ma naqbilx.”
Nurih li ma naqbilx miegħu. Ngħidlu li l-aqwa coaches u l-aqwa ġurnalisti fid-dinja iddikjaraw kollha fil-miftuħ li Maradona jibqa’ l-aqwa plejer ta’ kull żmien.
“Fil-futbol trid tkun fortunat, jgħinuk sħabek, u tkun maħbub mal-ġurnalisti. Jien f’ħajti dejjem faħħart il-ġurnalisti. Kelli image tajjeb magħhom u qatt ma kelli xi ngħid ma’ wieħed minnhom.”
Jirrakkonta fatt kurjuż, “Fi żmieni l-Floriana riduni mmur magħhom. Kont Citta Del Mare u ċempilt lil ommi u dik qaltli li kulħadd qed jgħid li jien mort mal-Floriana. Din l-għajta kienet ta’ kull sena. Kien hemmhekk fejn ammirajt lill-ġurnalisti għax kollha kienu ċempluli u staqsewni jistgħux jiktbu jew jgħidu dawn l-affarijiet. Għidtilhom li mhux minnu. U hawnhekk fejn jidħol ix-xogħol ta’ ġurnalist li qabel ma tikteb trid tistaqsi. Għadek ma tafx kemm storja mhux vera tista’ tagħmel ħsara. Minix kontra min jikkritikani. Kif naċċetta t-tifħir irrid naċċetta l-kritika. Rari kelli kritika ta’ tkissir fuqi. Jien ma nobgħodhiex il-kritika għax tagħmilni aktar b’saħħti u aktar popolari. Personalment il-kritika ssaħħek u l-kritika tista’ tgħinek biex ma terġax tiżbalja.
“Hawn Malta l-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom tajjeb u għandhom responsabbiltà kbira. Inħoss li għandi nirringrazjakhom kollha għax lili dejjem ġibthuli rispett. Għandi fiduċja sħiħa fikom. Naħseb li tridu tkunu intom li tgħollu l-futbol Malti.”
Lejn l-aħħar inkellmu fuq il-futur tiegħu u safejn irid jasal fil-karriera tal-coaching.
“Minix naħseb fil-futur tiegħi iżda f’din il-partita kontra Mosta u kif il-partitarju ta’ Ħal Qormi se narah ferħan. Nixtieq nirringrazzja lill-coaches kollha iżda Horst Heese kien il-bniedem li għallimni l-aktar fil-karriera tiegħi. Nirringrazzja lill-klabb Belti li tagħni ċ-ċans nagħmel isem fil-futbol Malti u lil Tarxien Rainbows li tawni ċ-ċans tliet snin naħdem fil-kwiet. Tarxien tagħni isem tajjeb fil-coaching. Grazzi kbira lill-partitarji tal-fiduċja li dejjem tawni.”
Ninnota fih imħabba kbira għall-Beltin. Kemm domna quddiem xulxin semma lil Valletta xi sitt darbiet.
“Għadni nħossni parti mill-Belt, bla dubju. L-iktar bniedem li tani mbuttatura kbira f’ħajti mhux biss fil-logħba tal-futbol imma anki bħala persuna hu Joe Caruana Curran. Dak għalija t-tieni missier tiegħi u għalkemm m’għadniex nagħmel parti minn Valletta baqa’ jsegwini. Meta ridt nieħu ċerti deċiżjonijiet f’ħajti biex immur ma’ klabb ċempilt lilu u tlabtu appuntament biex nieħu parir. Is-Sur Joe hu l-bniedem li għeni ħajti kollha u ta’ dan nixtieq nirringrazzjah u ngħidlu li dak li għamilt miegħi tul ħajti ma ninsieh qatt.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|