Pjazzetta | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Il-letteratura f’Malta: nara nuqqas ta’ interess u konvinzjoni, kultant anki biża’
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
F’Marzu li għadda l-poeta Adrian Grima kien mistieden jaqra xi xogħlijiet tiegħu f’Londra għal-London Festival of Europe u wara fl-Alġiers għal laboratorju residenzjali tat-traduzzjoni u qari fil-pubbliku. F’dawn iż-żewġ żjarat ikkonferma “li f’pajjiżna l-letteratura, speċjalment il-poeżija kontemporanja imma mhux biss, mhix rispettata daqskemm jistħoqqilha.
“Ir-responsabbiltà ewlenija għal din is-sitwazzjoni hi ta’ l-awtoritajiet tal-pajjiż u dan miniex ngħidu għax faċli twaħħal fl-‘awtoritajiet’. Qed ngħid hekk għax meta nqabbel dak li jagħmlu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżi oħrajn, anki iżgħar minna, ma’ dak li jagħmlu tagħna, f’Malta nara nuqqas ta’ interess u konvinzjoni, u kultant anki biża’, għax il-letteratura kontemporanja tqanqal l-ilma qiegħed, taħsad u tisfida l-ordni stabbilit.”
Għal Grima l-laboratorji tat-traduzzjoni jservu biex ilaqqgħuh mill-qrib ma’ kitbiet u kittieba oħrajn kif ukoll jistimulawh biex jikteb peress li l-qari hu l-akbar ispirazzjoni għalih bħala kittieb.
“Kulmeta naqra xi ħaġa li tqanqalni mil-lat ta’ kontenut, forma u stil, nitlebleb biex nikteb jien ukoll, anki jekk nittratta suġġetti differenti. Għalkemm il-kitba hi essenzjalment attività individwali, il-laboratorju kreattiv ilaqqgħek mal-kitba tiegħek stess, kapaċi jisfidaha u jġiegħlek tesperimenta u b’hekk ġieli taqleb dak kollu li għamilt ta’ taħt fuq. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kitba tal-letteratura mhix dak li tikteb imma l-mod kif tikteb, li effettivament isawwar dak li tikteb.
Kemm hu importanti li jsiru traduzzjonijiet tal-poeżija? Jekk il-prodott Malti mhux stmat, kemm se jkun stmat dak barrani?
“Hu fundamentali li nittraduċu x-xogħlijiet ta’ kittieba barranin mhux biss għax għandna bżonn inkunu nafu x’qed jikteb ħaddieħor, speċjalment kif inħoss jien fil-Mediterran, imma anki għaliex it-traduzzjoni tgħinna nġeddu l-letteratura u l-lingwa letterarja tagħna.
“Barra minn hekk, minkejja li 62 fil-mija tal-Maltin jistqarru li jippreferu jaqraw bl-Ingliż, hawn ħafna għatx għal xogħlijiet tajbin bil-Malti. L-Islanda, b’popolazzjoni iżgħar minn tagħna u b’attività editorjali straordinarja bl-Islandiż, tista’ sservi bħala mudell eċċellenti għalina.”
Dwar il-Mediterran, li kienet it-tema f’Londra diskussa bejn poeti ġejjin mill-Italja, Portugall, Marokk u Malta, Grima jipprova jifhem “għaliex il-Maltin taw daharhom lill-Mediterran u għaliex ħassruh mill-mappa ta’ l-immaġinarju tagħhom. Biex nimxu ’l quddiem bħala poplu, bħala ċittadini ta’ l-Ewropa u tad-dinja, irridu fost l-oħrajn nagħrfu u ninħelsu minn dan l-għeluq u minn dan ir-rifjut tagħna.
“Il-letteratura tista’ sservi bħala ispirazzjoni u mutur għal dan il-proċess ta’ skopertà mill-ġdid ta’ l-istorja u tal-preġudizzji tagħna. Fl-artiklu tiegħi nargumenta li l-bini mill-ġdid ta’ relazzjoni mill-qrib mal-Mediterran jista’ jgħinna fi proċess ta’ dekolonizzazzjoni li bdejnieh imma donnu ma temmejniehx.”
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|