Carmelo Mifsud Bonnici | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81 Moħħ mill-iktar ċar 1. Il-politika ta’ kull pajjiż fiha ħafna x’wieħed jista’ jitgħallem minnha. Kull demokrazija tgħaddi mill-esperjenza partikulari tagħha. It-Tieni Gwerra Mondjali kienet esperjenza kbira. Sawret ġenerazzjoni ta’ politiċi li fuq livell Ewropew ftit rajna bħalhom. Wara dak il-kunflitt ta’ valuri, wara dik il-ġlieda militari, ħarġu persuni li kienu determinati jissieltu biex jibdlu s-soċjetà li fiha kienu qegħdin jgħixu. 2. B’mod partikulari, l-pożizzjoni fl-Italja titlob attenzjoni. Minn dak il-pajjiż ħarġu ħafna politiċi minn ħdan kull formazzjoni u partit. Tista’ ma taqbilx ma’ dak li jgħidu, però bilfors tibqa’ impressjonat bil-loġika u bil-motivazzjoni li l-linja politika tagħhom kellha. Din ir-realtà kienet verament impressjonanti preċiż wara t-tmien tal-konfront, b’Ewropa li bdiet tinduna bl-atroċitajiet tal-kampi tal-konċentrament u bl-għarfien tad-diżastru u l-miżerja li ġiebet magħha. Dawk li kienu għadhom żgħar f’dawk il-jiem kibru, huma wkoll bl-istess fibra u sodezza. 3. Mhemmx dubju li Alcide de Gasperi u Konrad Adenauer kienu dawl ta’ bidla u riforma. Daqshekk ieħor warajhom persuni bħal Giorgio La Pira, Amintore Fanfani, Giuseppe Dosetti, Giulio Andreotti u Aldo Moro. Kollha ħallew l-impressjoni tagħhom u anki dawk li m’għadhomx magħna, kliemhom għadu xiehda tal-valur għoli tal-kontenut tagħhom. Bnedmin ta’ sustanza, iffurmati f’dinja demokratika-nisranija, li kienu xprun biex jinbnew l-istat soċjali u l-ekonomija miftuħa f’pajjiż li kellu bżonn dan. 4. F’dawn il-jiem ftakarna f’Aldo Moro. Erġajna rajna quddiemna x-xeni ta’ dak il-jum ikrah meta nħataf u dak sussegwenti meta nstab mejjet. L-omiċidju ta’ dan il-politiku m’għandniex ninsewh. Għax m’għandniex ma napprezzawx fuq naħa l-intelliġenza u l-impenn tiegħu, u fuq in-naħa l-oħra nikkundannaw il-passi żbaljati li l-Marksiżmu Leniniżmu tal-Brigate Rosse tahom. Moro kien bniedem umli, ċar, dirett, onest u kapaċi jikkonvinċi. Mhux biss, imma kien jaf iħares lejn il-futur u jibni fih. Viżjoni fejn għal ħaddieħor ma kien hemm tama ta’ xejn. 5. Ktibt diversi drabi fuq il-martirju ta’ dan in-nisrani politiku. Bniedem li ppruvajt insegwi fl-eżempji tajba tiegħu. Kelli x-xorti narah jitkellem numru ta’ drabi fuq il-mezzi 6. Qrajt numru ta’ diskorsi u artikli tiegħu u bqajt insegwihom bħala l-linja tal-kondotta t-tajba. Fost dan żammejt dejjem il-ħsieb tiegħu li l-moħħ tal-politiku Demokristjan għandu jibqa’ bħal dak ta’ bniedem fl-Oppożizzjoni. Bil-poter u fil-poter, però mhux maħkum minnu. Bniedem li ma jarax ruħu bħala persuna distakkata mir-realtà jew mogħti li jsir serv biss ta’ l-Istat u, fl-istess waqt, jinsa li għandu jkun fir-realtà l-vuċi tal-poplu. Mhux faċli tagħmel dan il-bilanċ, li tkun parti mill-burokrazija Statali però fl-istess ħin tibqa’ indipendenti u liberu mill-ħakma mentali li din tista’ ġġib. 7. Ħadt pjaċir li l-AŻAD ħadu ħsieb ifakkru lil dan il-bniedem b’attenzjoni partikolari. Mhux biss għall-ideat verament progressivi u tajba li kellu imma wkoll b’għarfien ta’ l-impenn u sostenn li ta lil dan il-poplu. Aldo Moro miet imma l-memorja ta’ ħidmietu le. Huwa għadu u ser jibqa’ eżempju għal min irid iservi tajjeb lil ħutu fis-soċjetà. Kien bniedem kuraġġjuż, determinat, perseveranti u motivat. Bniedem li bena dan bil-moħħ mill-iktar ċar li kellu.
|
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan