Emmanuel Micallef | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Tliet ġimgħat oħra u l-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid. Isseħħ il-bidla fit-tmexxija. Iżda ħafna qed isaqsu din il-bidla għandu bżonn il-Partit Laburista? Jew mal-bidla fi tmexxija jridu jsiru bidliet oħrajn? L-għażla f’idejn id-delegati tal-partit. Huma dawn l-uffiċjali li se jiddeterminaw il-futur ta’ l-istess partit. Mhux biss bil-vot tagħhom se jagħtu fiduċja lil kandidat minn ieħor u se jafdaw it-tmexxija f’idejn il-kandidat preferut mill-maġġoranza tagħhom, imma se jkunu huma li jiddeċiedu liema rotta se jaqbad il-partit għall-ġejjieni.
L-uġigħ ta’ ras li għandhom id-delegati mhux ġej mill-fatt li ma jafux fejn iridu jwasslu lill-partit imma ġej mill-ħsieb dwar min u kif l-aħjar li jistgħu iwasslu l-partit jilħaq l-għan tiegħu. Kull delegat jaqbel li l-partit irid jasal biex jerġa’ jkun fil-gvern. Mhux aktar tard minn ħames snin oħra.
Id-delegati jafu wkoll li biex tirbaħ l-elezzjoni ġenerali trid il-maġġoranza tal-voti. U din il-maġġoranza ma jistgħux jagħtuha l-Laburisti biss. Daqstant ieħor in-Nazzjonalisti ma jiddependux mill-partitarji tagħhom biss biex jiksbu u jżommu l-maġġoranza.
Għalhekk biex jintlaħaq l-għan il-partit irid ikun armat fit-tmexxija, fl-organizzazzjoni, fl-istrutturi, fil-policies, fil-mezzi tax-xandir tiegħu u fid-dehra ġenerali biex ikun jista’ jiġbed lejh lill-votanti ġodda, lil floaters u lil dawk li jkunu wasslu biex, għal raġuni jew oħra, jibdlu l-fehma politika tagħhom, waqt li jsaħħaħ l-appoġġ tradizzjonali u komtemporanju tan-nies tiegħu. Għalhekk essenzjalment l-għażla li għandhom id-Delegati tal-Partit Laburista hi bejn iħallux il-partit bħala forza politika qawwija li iżda ma tasal qatt biex tkun fil-gvern jew jibdlux il-partit bħala alternattiva politika għal Gvern li jista’ jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu u jilta’ fil-gvern tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali. Id-Delegati jafu li l-Partit Laburista tilef tliet elezzjonijiet in fila. Bl-aħħar telfa, l-partit se jkun għamel kważi 25 sena fl-oppożizzjoni.
Fil-kejl politiku dan hu falliment. Wieħed jista’ jikkonsla għax jitlef bl-unuri. Wieħed jista’ jitfarraġ għax minkejja kollox ikun żdied l-appoġġ popolari.
Wieħed jista’ joqgħod jitfa’ l-ħtija fuq dak jew l-ieħor. Iżda l-fatt jibqa’ li bajda tista’ tagħmilha froġa imma froġa ma tistax terġa’ tagħmilha bajda. Titlef bi ftit jew titlef b’ħafna xorta waħda tkun tellief. Għalhekk fl-istat li jinsab fih il-Partit Laburista ma baqagħlux triq oħra ħlief il-bidla. Kemm se jaslu biex iwettqu din il-bidla d-Delegati, għad irridu naraw. Għax id-Delegati mhux kollha xorta. Mhux kollha jaħsbuha l-istess. Mhux kollha ta’ l-istess fibra. L-ikbar sfida li għandu l-partit bħalissa hi l-ġlieda interna tal-ħsieb kontra l-emozzjoni. Id-delegat versus id-delegat.
Hemm delegati li jiffurmaw l-opinjoni tagħhom skond kif ikun għaddej il-kurrent. Jiddeċiedu b’moħħ ħaddieħor. Hemm delegati li jagħżlu bil-grazzja jew bil-wiċċ. Jiddeċiedu x’jaqbel lilhom jew lil grupp li jiffurmaw parti minnu. Hemm delegati li għalihom “il-partit” hu l-individwu li jappoġġaw. Hemm delegati li iktar huma marbutin mal-prestiġju tal-pożizzjoni tagħhom, fejn in-nostalġija tiżboq il-ħarsa ’l quddiem.
Hemm oħrajn imbagħad li jaħsbu b’moħħom. Li ma jħallux il-bumbardament propagandistiku, il-lobbying fil-kuriduri, l-pressjonijiet psikoloġiċi, ix-xnigħat u l-qlajjiet u l-materjal anonimu iċajpar l-oġġettivita’ tad-deliberazzjonijiet li jagħmlu. Delegati li ma jarawx sal-ponta ta’ mneħirhom. Tqum il-kwistjoni jekk id-delegat għandux jiddeċiedi fuq bażi ta’ l-akkaniżmu lejn il-partit jew fuq bażi ta’ deċiżjonijiet intelliġenti.
Bħalma tqum id-dilemma bejn l-idea ta’ “min mhux magħna kontra tagħna” u “min mhux kontra tagħna hu magħna”. Mhux nieqes il-kunflitt fil-ħsieb bejn min ġenwinament “irid iservi lill-partit” u min intenzjonalment “irid jisserva bil-partit”. Il-konfużjoni li tista tqum f’moħħ id-delegat sakemm jiġi biex jieħu deċiżjoni finali hi marbuta mal-fatt jekk il-partit għandux bżonn rivoluzzjoni interna jew jekk hux
il-każ ta’ ftit irtokkjaturi ’l hawn u ’l hemm.
Id-delegat hu konxju li f’din is-siegħa mhux kull tislima jew tbissima li jagħtih ħaddieħor tkun ġejja mill-qalb. Hu l-partit, u ħadd aktar, li f’dal mument għandu bżonn lid-delegat. U d-delegat ġenwin irid iħares lejn l-interess tal-partit. Mhux ta’ l-individwi. Jekk hemm bżonn min jitlef postu ħa jitilfu. L-elezzjoni għall-ħatra tal-mexxejja m’għandhiex isservi ta’ evalwazzjoni tal-virtujiet tal-mogħdrija u l-ħniena tad-delegati. Daqskemm m’għandix iservi ta’ show of force minn fazzjoni lejn oħra fi ġlieda għall-poter. Bil-miskin u il-jaħasra mhux se ssir għażla tajba.
L-għażla t-tajba ssir biss jekk id-delegat jagħraf x’inhu l-interess veru tal-partit fl-immedjat u fit-tul mingħajr rispett lejn l-uċuh. Ma naħsibx li d-delegat se jkollu l-kuxjenza mistrieħa jekk jivvota biex il-bidla li għandha bżonn ssir ma ssirx. Għalkemm ma nieħu xejn bi kbir jekk ikun hemm min lest li jibqa’ jikkonsla bit-telfa milli jiċċelebra r-rebħa!
Il-partit m’għandux bżonn qoxra ġdida. Għandu bżonn sustanza differenti. Mhux għall-ġid tal-Partit Laburista biss imma għall-ġid tal-pajjiż. Daqstant għandu piż fuq spallejh id-delegat. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|