Intervista | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
F’Reporter ftit ilu kont għedt li bħala mexxej m’intix lest taċċetta l-istatus quo fil-partit u se tagħmel terremott fl-istrutturi. Madankollu int illum tgawdi l-appoġġ ta’ nies fl-amministrazzjoni kurrenti u persuni oħra li kienu viċin Alfred Sant. Kif se żżomm il-wegħda tiegħek li tbiddel l-affarijiet?
Bla dubju ta’ xejn l-amministrazzjoni u l-karigi statutorji jagħżluhom id-delegati. Jien fejn se nkun responsabbli jien se nara li dak kollu li għandu bżonn jinbidel, jinbidel. Kulmin għandu bżonn jinbidel, jinbidel ukoll. No holds barred. Il-Partit Laburista għandu bżonn mhux biss ċaqliq intern iżda terremot intern.
Jien bħala mexxej se nara li dawn il-bidliet kbar iseħħu. Iseħħu mhux biss fl-ismijiet, fl-uċuh imma l-aktar ħaġa importanti fil-mod ta’ kif naħdmu u ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. Fil-verità naħseb li l-Partit Laburista m’għandu l-ebda alternattiva. Ħadd mhu għar-rimi u kulħadd għandu postu fil-Partit imma rridu nagħmlu spazju għal nies ġodda u min ta l-kontribut fl-aħħar snin nemmen li jista’ jkollu mod kif jista’ jikkontribwixxi.
X’rwol se jilgħab Alfred Sant f’partit immexxi minnek?
L-ebda rwol. Xejn.
Jiġifieri int ma timmaġinahx forsi jagħti kontribut bħala Membru Parlamentari Ewropew?
Alfred Sant diġà, safejn naf jien, qal li mhux qed jara rwol għalih innifsu fil-Partit Laburista fl-ebda kariga. Jien personalment mhu qed nara l-ebda ħaġa oħra. Mhux qed nara li jkollu rwol fit-tmexxija. Il-paroli li qed isir li jekk Joseph Muscat jilħaq mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant jibqa’ Kap ta’ l-Oppożizzjoni hu sempliċiment paroli fil-vojt. Sakemm insib posti fil-Parlament il-kariga ta’ Kap ta’ l-Oppożizzjoni jkun qed jassumiha l-persuna li se tiġi eletta Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u meta nsib posti fil-Parlament sa Settembru li ġej imbagħad inkun qed nieħu jien dak ir-rwol.
Jakkużawk li int il-poodle ta’ Sant. Tiddejjaq b’dan il-laqam? U aktar minn hekk, l-implikazzjoni li ġġib magħha kelma bħal din f’kampanja elettorali.
Jien naħseb diġà ippruvajt fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew li ‘I am my own man’ u jekk niġi elett se nkun qed nuri kif Joseph Muscat bil-mod ta’ kif jaħdem, jaħseb u jaġixxi se jkun totalment Joseph Muscat li hu bniedem tiegħu nnifsu. Ħadd mhu se jġebbidli l-ebda spaga.
Alfred Sant ma kienx ried li int toħroġ għal MEP. Kif kont ħassejtha?
Iva, ma ridnix noħroġ għal Membru tal-Parlament Ewropew. Għidtlu li ma kontx naqbel miegħu u qbilna li ma naqblux. Fil-fatt kont ħriġt.
Kien qalli: “M’għandekx ċans titla’.” Tani l-fehma tiegħu, jien tajtu tiegħi. Irrispettajna l-fehma ta’ xulxin. La ħadt għalija jien u naħseb lanqas ma ħa għalih hu.
Ir-rapport tat-telfa hu lest. Taqbel li għandu jkun pubblikat qabel il-5 ta’ Ġunju?
Iva. Immedjatament.
Int kont taf x’inhuma r-riżultati tas-surveys interni tal-MLP qabel l-aħħar elezzjoni?
Assolutament ma kelli aċċess għall-ebda stħarriġ tal-Partit Laburista la f’din l-elezzjoni u lanqas f’elezzjonijiet oħra.
Ma kont involut fl-ebda mod imma f’xi tip ta’ strateġija?
La jien u lanqas nies qrib tiegħi. Kien hemm storja fis-sister publication tagħkom li qalet li l-Assistent Personali kien parti mill-grupp ta’ strateġija. M’huwiex minnu.
Ma kienx hemm xi laqgħat f’xi livelli differenti tal-Partit li ddiskutejtu xi aspetti jew temi għall-elezzjoni?
Naħseb minn żmien għall-ieħor kulħadd fi ħdan il-Partit Laburista jagħti l-fehmiet tiegħu dwar ħaġa jew oħra. Sempliċiment meta wieħed jiltaqa’ b’mod informali u xi ħadd kien jgħidli ‘isma’ x’taħseb dwar xi ħaġa jew dwar oħra’ u jien kont ngħaddi l-kummenti jew il-kritika tiegħi. Nemmen li kien hemm partijiet mill-kampanja li kienu eċċellenti speċjalment mil-lat viżiv. Kont kritiku mil-lat ta’ kontenut.
Pereżempju f’laqgħa minnhom ta’ l-Eżekuttiv attendejt għal 30 minuta għax kelli mpenji ta’ safar u fil-ftit ħin li kelli ndunajt li fl-iskript tal-manifest elettorali kien hemm żewġ każijiet ta’ wegħdiet li kienu attwati. Waħda dwar id-drittijiet tal-part-timers u l-oħra dwar l-inċineratur ta’ Ħal Luqa. Tajt parir li l-iskript jiġi rivedut sewwa. Jidher imbagħad li ġara dak li ġara.
Jekk tkun mexxej se ssejjaħ Konferenza Ġenerali minnufih biex id-delegati jkollhom id-dritt jagħżlu l-amministrazzjoni tal-partit?
Safejn naf jien għaddejja petizzjoni biex issir laqgħa straordinarja biex l-elezzjoni ta’ l-Amministrazzjoni ssir f’Lulju. Jien li nemmen hu li l-ħatra ta’ l-Amministrazzjoni ma tistax tistenna sa Jannar li ġej. Nemmen li iva, bl-ebda mod ma nistgħu nistennew sa Jannar. Issa jekk issirx qabel jinħatru l-kumitati u d-delegati ġodda jew wara, din hi xi ħaġa li nħalliha f’idejn l-Eżekuttiv biex jiddeċiedi imma żgur li ma nistgħux nistennew sa Jannar anke għaliex f’Ġunju li ġej ta’ wara mbagħad għandna l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Joseph Muscat il-Membru Parlamentari Ewropew jemmen fl-Unjoni Ewropea. Joseph Muscat ta’ l-2003 kien jemmen fil-Partnership. X’inbidel?
Li nbidel hu li kont wieħed fl-MLP li sostnejt mill-ewwel li ladarba l-poplu ddeċieda u sħubija fl-Unjoni Ewropea rebħet, għandna nirrispettaw ir-rieda tal-poplu u dan fi żmien meta kien hemm kurrenti mhux żgħar fil-Partit Laburista li kienu qed jgħidu ‘nirreżistuha’ u parti mill-manifest u l-politika tagħna tkun li noħorġu lill-Malta mill-UE jew ħaġa jew oħra. Jien ma kontx naqbel ma’ din it-tip ta’ strateġija. Wara li l-poplu fdani bil-fiduċja tiegħu fejn l-ammonti ta’ voti anke f’distretti tradizzjonalment Nazzjonalisti għalija kienu personalment sinjifikanti, rajt kif nagħmel biex naħdem bl-aħjar mod fl-istituzzjoni Ewropea tal-Parlament Ewropew. Inħalli f’idejn il-poplu biex jiġġudika jekk f’dawn l-aħħar erba’ snin irnexxilix nikseb riżultati jew le. Mhux kliem biss. Għax biex titkellem fuq l-UE faċli ħafna. Faċli ħafna għall-gallerija. Il-veru kwistjoni diffiċli hi li ġġib riżultati konkreti. Inħalli f’idejn il-poplu jiġġudika jekk ġibthomx dawn ir-riżultati konkreti.
Trid toħloq moviment tal-progressivi u l-moderati. Dan ifisser li l-MLP se jabbanduna l-għeruq soċjalisti tiegħu?
Anzi jmur lura għall-għeruq tiegħu! Jien waħda mill-proposti tiegħi bħala partit hi li jkollna grupp ta’ ħsieb. Tgħidli għaliex? Ftit tal-ġimgħat ilu fil-gazzetta tagħkom kellkom vox pop fejn staqsejtu lil xi nies għaliex huma Laburisti. Ħarġet id-diffikulta ġenwina ta’ xi nies li huma Laburisti. Irridu naħdmu fuqha ‘għaliex jien Laburist’.
Jien ngħid għaliex nemmen li l-aspirazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż ta’ kull persuna rridu niżbquhom u rridu nagħtu ċ-ċans lil kulħadd li jikseb suċċessi irrispettivament minn min inti. Wasal iż-żmien għall-ħsieb. Nemmen li rridu nħarsu lil hinn mill-Partit Laburista. L-MLP irid ikun il-bażi. Jien ngħid li hu l-unika triq fil-pajjiż li jista’ jwassal għall-politika progressiva u għall-bidla vera. Imma mbagħad irridu naraw li tkun bażi li tiġbor fiha lil dawk li dejjem kienu jidentifikaw ruħhom fl-MLP, dawk li qatt ma identifikaw ruħhom mal-MLP u dawk li b’xi mod jew ieħor tnaffru mill-MLP.
Isir aktar bħall-PN?
Le, lanqas xejn. Jekk tkun aktar progressiv issir aktar bħal dak li għandu jkun il-Labour Party. U nemmen li llum is-soċjetà tagħna, speċjalment iż-żgħażagħ, huma għatxana għal din it-tip ta’ policy miftuħa, aktar liberali, Ewropea u progressiva.
Filwaqt li kont minn ta’ l-ewwel li għedt li l-MLP għandu jitlob maħfra tal-vjolenza li twettqet fit-Tmeninijiet, qed jingħad li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Pullicino li kien instab ħati dwar il-qtil ta’ Nardu Debono fid-Depot tal-Pulizija qed jorganizzalek il-gruppi. Dan mhux messaġġ imħawwad?
Mhux konxju li hemm xi eks Kummissarju tal-Pulizija li qed jorganizzali xi gruppi ta’ nies. Nafu, iltqajt miegħu dan l-aħħar imma mhux konxju li qed jagħmilli xi laqgħat ta’ xi tip. Imma m’hemmx dubju li fil-każ ta’ Lawrence Pullicino, kien x’kien il-każ, ħallas il-prezz li kellu jħallas. Imma l-punt hu li dan il-pajjiż irid jagħlaq il-kapitlu storiku bħalma jrid jagħlaq il-kapitlu tas-Sittinijiet. Nemmen li l-PN għandu jerfa’ r-responsabbiltà storika ta’ dak li ġara fis-Sittinijiet, ta’ kif baqa’ gallerija filwaqt li nofs il-poplu kien qed isofri bil-ġlieda politika-reliġjuża. Bl-istess mod il-Partit Laburista filwaqt li għamel ħafna tajjeb fis-Sebgħinijiet u fit-Tmeninijiet, irid jirrikonoxxi li hemm nies li batew. U hemm nies li weġġgħu u rridu nkunu wiċċna minn quddiem li ngħidu: ‘Fejn żbaljajna jiddispjaċina.’ Naħseb li dik hi l-irġulija.
Taqbel ma’ l-isħubija ta’ Malta fil-Partnership for Peace?
Le, ma naqbilx. Dan sempliċiment biex ma jkollniex l-ambaxxatur rappreżentant tagħna fl-UE li ma joħroġx ’l barra mil-laqgħat? Hekk, just biex it-Torok ma jgħidulux ‘oħroġ’ ’il barra? Għax sa llum il-ġurnata dik hi r-raġuni li smajna! Jew se jgħinunha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ippattuljar ta’ l-immigrazzjoni illegali? Qed nistenna kif se tiżviluppa din l-kwistjoni.
Taqbel li l-MLP għandu jipproponi liġi tad-divorzju?
Iva. Kont jien li għidtha mill-ewwel. Jekk ma ngħiduhiex aħna ma nafx min jista’ jgħidha fis-soċjetà tagħna. Naħseb li hu dover tagħna li ngħiduha u mhux noqogħdu nistennew lil ħaddieħor joqgħod jitkellem imbagħad nirkbu l-karru ta’ ħaddieħor. Għandna nkunu aħna l-katalisti tal-bidla. Nifhem li din hi pożizzjoni sensittiva u hi pożizzjoni personali tiegħi u mhux il-pożizzjoni tal-Partit Laburista. Il-pożizzjoni personali tiegħi bħala mexxej se tkun li kemm-il darba l-MLP jkun fil-Gvern, jien personalment inressaq ’il quddiem abbozz ta’ Liġi dwar id-divorzju, wara konsultazzjoni u diskussjoni sħiħa fis-soċjetà, jien nimpenja ruħi li mmexxiha ’l quddiem din il-Leġislazzjoni u nagħti free vote lill-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista.
Taqbel li l-MLP għandu jipproponi ż-żwieġ għal koppji gay?
Naħseb li hu prematur ħafna li wieħed jitkellem fuq dan. Ma naqbilx mat-terminu ‘żwieġ’.
Int iżżewwiġt imma….
Ma naħsibx li fil-każ ta’ koppji omosesswali wieħed jista’ jitkellem dwar żwieġ. Naħseb li hemm lok ta’ diskussjoni għal civil partnership.
Irridu nibdew billi nirrikonoxxu l-pożizzjoni ta’ eluf ta’ koppji f’pajjiżna li jpoġġu u mbagħad l-aktar ħaġa li tinteressani hi d-drittijiet ta’ uliedhom. Minn hemm irridu nibdew. Dan m’għandu jixxokkja lil ħadd. Meta qalha l-Gvern Nazzjonalista, meta qalha Lawrence Gonzi ħadd ma tkellem u ma naħsibx li xi ħadd għandu jixxokkja ruħu jekk inkun qed ngħidha jien bħala Mexxej Laburista.
Taqbel mal-proposta tal-PN li l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul għandha tinżel minn 35% ghal 25% ħlief għal dawk li jaqilgħu €60,000?
Jien nemmen li r-reviżjoni tat-taxxa tad-dħul hi għodda li trid tiġi użata. It-taxxa mhix mod biss kif tiġbor il-flus imma trid tistimula l-ekonomiija. Jien nemmen f’sitwazzjoni fejn il-kumpaniji, aktar ma joħolqu xogħol, inqas iħallsu taxxa, iktar ma tipproteġi l-ambjent bl-investimenti tiegħek inqas tħallas taxxa.
Naqbel mat-tnaqqis tat-taxxa lill-familji. Imma rrid nara li din ma tkunx akkumpanjata minn żieda fit-taxxa x’imkien ieħor. Għax inkella għalxejn, jekk tnaqqasli l-income tax biex iżżidli l-VAT.
Jien diżappuntat ħafna għax konvint li s-sitwazzjonijiet internazzjonali li qed ngħixu fihom ta’ l-enerġija, iż-żejt u ċ-ċereali ma żviluppawx fl-aħħar 60 ġurnata. Żviluppaw ferm qabel l-elezzjoni ġenerali. Li jiġi Lawrence Gonzi u jgħidilna li rridu naraw kif se nagħmlu l-affarijiet mhux aċċettabbli.
Dawn kien jafhom meta kien qed ifassal il-manifest elettorali u allura l-manifest elettorali kellu jieħu ħsieb dawn ir-realtajiet u llum il-ġurnata l-poplu ma jistenna xejn anqas mit-twettiq tal-wegħdiet, lock, stock and barrel!
Taqbel li ċ-Children’s Allowance għandha tingħata lil kulħadd, ikun xi jkun id-dħul tal-familja?
Naħseb li m’għandniex noqogħdu nilagħbu daqqa nagħtu u daqqa ma nagħtux. Dik is-sitwazzjoni għandha tibqa’ issa.
X’inhi l-politika tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali?
Nittama li jgħaddi t-trattat ta’ Lisbona għax bih l-istituzzjonijiet Ewropej bħall-Parlament u l-Kummissjoni se jkollhom aktar say f’dan il-qasam. U kontra dak li jaħsbu ħafna mhix l-Ewropa li mhux qed taġixxi dwar dan imma l-pajjiżi. Il-kunsill li rreżistiha, dawn huma l-pajjiżi invidwali.
Jien personali nemmen li jekk bniedem daħal Malta illegalment għandu jitqies bħala illegali. Ma naqbilx li għandu jitnaqqas il-perjodu ta’ detenzjoni. Imma nifhem ukoll li bniedem m’għandux jgħix f’pożizzjoni ta’ annimal. Kull bniedem għandu d-dritt tad-dinjità tiegħu u tagħha.
Hemm ċerti issues amministrattivi li jistgħu jħaffu dan il-piż minn fuq Malta.
L-oppożizzjoni fil-Parlament għandha tagħmel ftehim ta’ pairing mal-Gvern?
L-Oppożizzjoni Laburista mmexxija minn Joseph Muscat lesta li titkellem ma’ kulmin jirrispettaha u jittrattaha bħala sieħeb ugwali mhux bħala xi ħadd inferjuri. Jien għandi l-pożizzjoni tiegħi dwar din l-issue. Il-kwistjoni tal-pairing ma torbotx biss lili imma wkoll lill-Grupp Parlamentari u allura u l-ewwel jekk inkun elett nixtieq niddiskutiha ma’ sħabi. Li hu żgur li l-Gvern ma jistax jistenna li nbaxxu rasna u ngħidu iva.
Taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Galdes biex donazzjonijiet lill-partiti politiċi ta’ aktar minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ta’ iktar minn Lm5,000 ikun ippubblikat is-sors?
Assolutament. Naqbel magħhom. Fil-fatt l-ewwel teżi ta’ l-ewwel lawrija tiegħi kienet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Id-delegati ivvutaw kontra l-mozzjoni biex titwessa’ l-bażi elettorali li minnha jkun elett il-mexxej. B’din id-deċiżjoni ma taħsibx li kulmin se jinħatar mexxej se jkollu jħabbat wiċċu jew wiċċha l-ħin kollu mal-kritika li l-għażla ma kenitx demokratika biżżejjed?
Fuq din l-issue jien żammejt lura milli nikkummenta għax bħala player f’din il-logħba ma nistax noqgħod ninfluwenza r-regoli. Li hu żgur li naħseb li kull stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika kien jindika l-livell ta’ appoġġ li għandi jien mal-pubbliku inġenerali. Jekk xi ħadd li kien igawdi minn din il-bidla kont inkun jien. Nirrispetta dak kollu li ddeċidew id-delegati.
Temmen li l-partiti politiċi għandhom ineħħu l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom?
F’dinja ideali iva. Ma jagħmilhiex ideali l-iżbilanċ qawwi li hemm fix-xandir ta’ l-istat għax hu biased kontra l-MLP u kontra dawk l-istituzzjonijiet li minn żmien għall-ieħor joħduha kontra l-istatus quo.
Sodisfatt bil-mod kif qed jitmexxa ONE TV f’din il-kampanja għat-tmexxija?
Naħseb li l-Kummissjoni Elettorali miexja b’mod tajjeb.
Jekk ma ssirx mexxej x’se jkun ir-rwol ta’ Muscat?
Joseph Muscat jibqa’ Membru Parlamentari Ewropew li jappoġġa bis-sħiħ lil kulmin ikun mexxej tal-MLP.
Interessat isservi ta’ Deputat Mexxej?
Le, mhux qed nara dik il-possibbiltà.
|