Il-Punt - Saviour Cachia | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
Id-diskussjoni dwar min se jkollu l-jedd li jaħtar il-Mexxej Laburista ġdid fil-5 ta’ Ġunju issa ngħalqet u se jaħtruh id-delegati fuq deċiżjoni tagħhom stess.
Aħna t-tesserati aġġornati fl-isħubija skond kif jirrikjedi l-istatut din id-darba nieħdu paċenzja noqogħdu spettaturi. Forsi darb’oħra ċ-ċans tagħna jasal għax jekk jien minix nifhem l-affarijiet
bil-maqlub, l-idea li jsiru dawn l-emendi ma jidhirx li mietet fuq ommha. Nistennew u naraw.
Ċertament li l-mexxej
il-ġdid se jkollu f’idu l-oneru li jara li x-xewqa espressa minn ħafna tesserati fil-ġejjieni tidħol fis-seħħ.
Għalkemm hemm min għall-interessi tiegħu jrid ipinġi d-deċiżjoni netta
tad-delegati li jżommu f’idejhom il-jedd li jaħtru l-mexxej bħala rebħa kbira għall-makna tal-partit żgur li min se jilħaq ma jistax jingħalaq fih innifsu. Ikun żball jekk jargumenta li ladarba laħaq it-tir tiegħu għax għandu d-delegati warajh hu jsir untouchable.
Jista’ l-mexxej il-ġdid iħares biss li jissodisfa l-medja ta’ 46 fil-mija li f’dawn l-aħħar tliet elezzjonijiet taw l-appoġġ tagħhom lill-Parit Laburista biex baqa’ mwaħħal
fl-Oppożizzjoni?
Żgur le. Il-mexxej il-ġdid irid ikollu dawk il-kwalitajiet li mhux biss iservi ta’ punt ta’ riferenza ħalli jiġu lura l-Laburisti li tbiegħdu
mill-partit iżda jappella għall-floaters u l-biċċa l-kbira ta’ votanti ġodda skond kif ikun ix-xenarju fl-2013.
Għalhekk fil-5 ta’ Ġunju d-delegati mistennija li bl-ikbar obbligu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil xi persuna mill-ħames kontestanti li s’issa qed juru l-ħsieb li jressqu ’l quddiem għall-kariga ta’ mexxej ġdid, li tkun kapaċi tifrex jew timrah ferm iktar ’il bogħod mid-900 delegat li se jkollhom id-dritt li jafdawlu l-Partit Laburista f’idu għall-ħames snin li ġejjin.
Id-delegati Laburisti jridu jaħtru l-Prim Ministru alternattiv ta’ Malta.
Minix se nantiċipa x’kejl se jużaw id-delegati Laburisti. Biss ma neskludix li jippruvaw jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-makna tal-partit u f’dawn
iċ-ċirkostanzi nara li hemm kontestant li tassew se jkun qed itellaq b’handicap.
X’handicap ikbar jista’ jkollu George Abela meta quddiem Malta u Għawdex kollha kif appena wera l-ħsieb li jersaq ’il quddiem biex imexxi l-Partit Laburista, pront ħareġ is-Segretarju Ġenerali Jason Micallef u b’ħanġra daqshiex qallu aħjar ma tersaqx ’il hemm għax id-delegati ma jridukx?
Dakinhar tiskanta kemm kien pront is-Segretarju Ġenerali biex ippronunċja ruħu dwar x’inhi l-idea
tad-delegati tal-Partit Laburista.
Madankollu, sakemm qed nikteb, għadni ma smajtux jippronunċja ruħu dwar meta se jkun lest ir-rapport li tħejja mill-membri indipendenti tal-kummissjoni maħtura mill-Eżekuttiv Nazzjonali biex tevalwa x’mar ħażin fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Lanqas ma jidhirli li smajt lis-Segretarju Ġenerali jgħid kemm dan ir-rapport se jkun aċċessibbli għall-inqas fuq il-websajt tal-Partit Laburista jew kopja tiegħu hux se tintbaghat xi jiem qabel lid-delegati li se jkollhom l-obbligu jaħtru l-mexxej
il-ġdid tal-Partit Laburista.
Forsi qed nippretendi wisq. Għaliex dawk affarijiet interni u aħna t-tesserati r-raġunijiet m’għandniex dritt inkunu nafuhom, daqskemm jidher li ma kellux dritt il-kontestant l-ieħor u Deputat Mexxej ta’ l-Affarijiet tal-Partit Michael Falzon ikun jaf x’kienu qed jgħidu l-istħarriġ
tal-Partit Laburista u fuq liema kriterji kien ikkalkulat li l-Partit Laburista kellu jirbaħ b’erbgħa fil-mija.
Il-mexxej il-ġdid se jkollu hafna x’jagħmel biex ibiddel l-intern tal-Partit Laburista u lil hinn minnu.
Għalhekk id-delegati
bil-vot tagħhom fil-5 ta’ Ġunju jridu jiżnu sewwa l-vot tagħhom għaliex dak inhar se jkunu jagħżlu l-Prim Ministru ta’ Malta ghall-2013. Allaħares ma jitilqux minn din il-premessa. U din il-premessa rridu nonoraw b’fatti konkreti, billi nkunu oppożizzjoni li bl-atteġġament dinjituż, iżda mhux dgħajjef, nikkonfermaw li verament wasal iż-żmien li l-poter jgħaddi għand il-Partit Laburista. Irridu nkunu nbdilna minn ġewwa biex imbagħad insiru l-gvern naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.
Saviour Cachia hu
ġurnalist veteran |
|
Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|