MediaToday

Editorjal | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81

L-id soda tal-ħbiberija

F’kuntest demokratiku matur m’għandux ikun hemm kontroversja dwar jekk l-Oppożizzjoni għandhiex toffri l-pairing fil-Parlament.
It-tweġiba għandha tkun ‘iva’. Madankollu fid-dawl tad-deċiżjoni li ħa l-poplu
fl-elezzjoni fejn għoġbu jeleġġi Gvern b’maġġoranza relattiva u b’vantaġġ minimu ta’ ftit iktar minn 1,500 vot, l-Oppożizzjoni għandha kull jedd politiku u morali titlob mingħand il-Gvern ċerti konċessjonijiet.
Nagħmluha ċara, bil-pairing jew mingħajru l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi mhux se jaqa’ kemm-il darba ma jkollux deputati li jaqsmu l-Kamra bħalma kien għamel Dom Mintoff fl-1998.
Iżda bil-pairing Gonzi se jkollu iktar serħan il-moħħ li x-xogħol Parlamentari u l-programm tal-Gvern se jimxi b’iktar ħeffa u mingħajr skossi.
Bil-kontra tal-proposta nofsha nejja li kien għamel Gonzi lill-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ l-Ispeaker u l-ftehim tal-pairing li kellha xamma qawwija ta’ arroganza, fiċ-ċirkostanzi ta’ llum il-bargaining power mhux f’idejn il-Gvern imma f’idejn l-Oppożizzjoni.
Il-Gvern għandu bżonn ftehim ta’ pairing u għalhekk kien ikun aħjar kieku l-id ta’ ħbiberija li wiegħed Gonzi ma ttappnitx bl-attitudni xejn pożittiva li s’issa wriet din l-amministrazzjoni.
Nemmnu li r-riżultat elettorali hu messaġġ ċar mill-poplu li jixtieq bidla fil-mod ta’ kif isiru ċerti affarijiet. L-Oppożizzjoni Laburista, ladarba taħtar il-mexxej tagħha, għandha taħtaf l-okkażjoni biex timbotta
’l quddiem proposti li għamlet fil-programm elettorali li fis-sustanza tagħhom huma ’l fuq mill-kontroversja politika.
L-id tal-ħbiberija trid tkun ukoll id soda.
Il-Partit Laburista għandu jidħol għal ftehim ta’ pairing bil-kundizzjoni li ż-żewġ naħat tal-Parlament jiftiehmu fi żmien stipulat fuq liġi għall-finanzjament tal-partiti, liġi elettorali li tirrispetta l-proporzjonalità biex l-għażliet ta’ l-elettorat ikunu tassew rappreżentati
fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, Whistleblower Act u liġijiet ċari li jirregolaw il-kunflitt ta’ interess u l-korruzzjoni.
Gonzi m’għandux għalfejn jirrifjuta proposta bħal din jew oħrajn simili fejn ftehim bejn iż-żewġ naħat jista’ jwassal għal ħidma iktar matura u serja.
Il-piż tat-tmexxija li għandu fuq spallejh Gonzi hu ferm ikbar milli kellu fl-aħħar amministrazzjoni. Filwaqt li l-poplu tah ir-riedni tat-tmexxija għamillu wkoll il-brejkijiet. Gonzi ma jgawdix l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta ta’ l-elettorat u għalhekk kull pass li jagħmel irid iwieżnu fil-kuntest ta’ din ir-realtà.
Deċiżjonijiet mgħaġġla mingħajr konsultazzjoni fuq kwistjonijiet sensittivi bħalma kienet dik tal-Partnership for Peace jibagħtu sinjali ħżiena. Bl-istess mod il-ħatriet fuq bordijiet u kummissjonijiet pubbliċi. Nifhmu l-esiġenza ta’ Gvern li jaħtar nies ta’ fiduċja tiegħu fl-ogħla karigi amministrattivi iżda dan ma jfissirx li l-ħatriet kollha għandhom ikunu fuq il-bażi tat-tessera politika.
Jekk qatt kien hemm ċirkostanzi fil-pajjiż li jitolbu mod ġdid kif issir il-politika huma dawk ta’ llum.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Julia Farrugia tintervista lil Joseph Muscat



Il Punt
Mexxej Laburista jew Prim Ministru?
Saviour Cachia


Toni U Peppi


L-MLP: iktar Xellug jew iktar Ċentru



Emmanuel Micallef
Id-Delegat versus d-Delegat


Carmelo Mifsud Bonnici

Moħħ mill-iktar ċar



X'kien Jgħid
Iljieli mqallbin



Wenzu Mintoff

Nannti Marì


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan