MediaToday

Xkien Jgħid? | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo

Safejn naf jien, fl-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu l-poplu għażel Gvern tal-Partit Nazzjonalista – mhux xi grand coalition bejn żew[ patrtiti kbar bħalma hemm fil-Ġermanja. U dan hu fatt rikonoxxut anki mill-Partit Laburista minkejja l-konfużjoni straordinarja li jinsab fiha bħalissa.
Din il-konfużjoni qed twassal lil Laburisti biex jibagatu messaġġi kontradittorji li Lorenzo missu jinjora għal kollox u mhux iħallihom iwassluh biex joqgħod jittituba. Lorenzo jiżbalja jekk iħalli l-konfużjoni tal-Laburisti tikkonfondi anki lilu u ma tħallihx jara l-affarijiet b’mod ċar.
Dan l-aħħar ġranet kellna żewġ kwestjonijiet fejn din il-konfużjoni spikkat: il-ħatra tal-kap tal-komunikazzjonijiet ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-ħatra ta’ l-iSpeaker.
Mhux b’kumbinazzjoni li l-Prim Ministru iddeċieda li jaħtar kap tal-komunikazzjonijiet għall-Uffiċju tiegħu. Il-bżonn kien evidenti – tant li jien ktibt fuq dan il-bżonn erba’ ġimgħat ilu. Evidenti għax dak li jagħmel u jiddeċiedi l-Prim Ministru għandu jkun komunikat lill-poplu b’mod strateġiku u li jinkwadra fil-politika tal-partit fil-Gvern. Kien hemm wisq każi meta l-ħsieb wara ċerti deċiżjonijiet ma kienx spjegat u b’hekk tħalla vojt li malajr jimtela’ bl-għidut, l-ispekulazzjonijiet u l-akkużi frivoli.
Il-Laburisti qed ipinġu l-ħatra ta’ Gordon Pisani bħala xi att ta’ arroganza min-naħa ta’ Lorenzo. Isostnu li ladarba Pisani kien uffiċjal tal-PN, il-ħatra tiegħu turi li l-Gvern mhux lest jadotta attitudine konċiljatorja ma’ l-Oppożizzjoni li kisbet 1,500 vot anqas mill-PN.
Anki jekk ninsew, għall-grazzja ta’ l-argument, kif ġab ruħu l-Partit Laburista meta sab ruħu fil-Gvern minkejja li kellu eluf ta’ voti anqas mill-Oppożizzjoni, din il-pożizzjoni tikxef il-konfużjoni li hemm f’moħħ il-Laburisti.
Dawn donnhom jippretendu li r-riżultat ta’ l-elezzjoni jagħtihom xi dritt li jaqsmu r-responsabbilità tat-tmexxija tal-pajjiż u fl-istess ħin iridu li jkollhom mhux mittiefsa d-dritt u l-libertà kollha li jopponu lill-Gvern. Ara kif jista’ jkun!
Bil-mod kif qed jitkellmu l-Laburisti bilkemm kemm ma taħsibhomx jippretendu li Pisani jalterna kull sitt xhur ma’ Charlon Gouder biex il-Prim Minsitru u l-Gvern iżommu xi ekwidistanza immaġinarja u li ma tagħmilx sens miż-żewġ partiti!
Il-Gvern hu gvern ta’ partit wieħed u mhux f’koalizzjoni u l-ħatra ta’ ‘annimal’ politiku – u mhux xi impjegat ċivili newtrali – bħala kap tal-komunikazzjoni tal-Prim Ministru tagħmel ħafna sens. Immaġinaw kieku lil Tony Blair kienu għajruh bl-istess mod meta ħatar lil ħabibu Alistair Campbell proprju bħala l-kap tal-komunikazzjoni u strateġija tiegħu meta sar Prim Ministru... wara li Campbell kien diġaà l-kelliemi tiegħu fl-Oppożizzjoni! Mhux qed ngħid li Pisani hu xi Alistair Campbell – dak hu argument ieħor. Iżda qed nagħti eżempju biex nuri kif f’pajjiżi oħra wkoll jinħatru nies b’bixra politika fit-tip ta’ post li ngħata lil Pisani.
Il-konfużjoni tal-Laburisti dehret ukoll fil-kwestjoni tal-ħatra tal-iSpeaker. Qalu li l-ħatra ta’ bniedem b’simpatiji Laburisti kienet sinjal pożittiv minn naħa tal-Gvern, sinjal li ppretendew għax ‘kważi’ rebħu l-elezzjoni!
Malli Lorenzo issuġġerixxa li wieħed mid-Deputati Laburisti jinħatar Speaker, tfixklu u qalu li din kienet ħadma biex tikber il-maġġoranza tal-PN fil-Parlament. Jiġifieri jridu Speaker ‘tagħhom’ filwaqt li jżommu dejjem ħajja l-possibilità li jopponu ad oltranza lill-Gvern fil-Parlament. Għandhom kull dritt jaġixxu hekk fil-Parlament, iżda ma għandhom l-ebda dritt li fl-istess ħin ‘jagħżlu’ Speaker ta’ tendenzi Laburisti. Jekk din mhix konfużjoni ta’ ideat, ma nafx x’inhi. Bil-Malti, iriduha ‘ħobla u tredda’!
Ippretendew li l-pajjiż jieqaf, u li l-Parlament jibqa’ bl-iSpeaker ta’ qabel sakemm jagħżlu l-leader ġdid tagħhom! Li jfisser li l-ħames kandidati li qed jikkontestaw l-elezzjoni għal Leader Laburista mhux kapaċi jiftehmu fuq strateġija li tibqa’ tgħodd, isir min minnhom isir leader! Li jfisser li għandhom il-wiċċ tost jippretendu li t-tmexxija ta’ l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż toqgħod tistenna deċiżjoni li dwarha l-Laburisti ddeċidew – għal raġunijiet tagħhom – li jdumu ma joħduha!
Hawnhekk Lorenzo prattikament aċċetta li jittituba: il-ħatra ta’ Louis Galea hi marbuta mal-possibilita’ li jirreżenja minn Speaker jekk u meta s-sinjuri Laburisti jiddeċiedu li jiddeċiedu!
X’mistħija!
Lorenzo għandu bżonn – illum qabel għada - li jibdel l-perċezzjoni popolari li hu jdum itella’ u jniżżel biex jieħu d-deċiżjonijiet, perċezzjoni li tagħmlu jidher debboli meta mahux.
Il-poplu jrid li jkollu mexxej li jispirah bid-determinazzjoni u bir-rieda soda tiegħu. Li jaċċetta li joqgħod għaċ-ċuċati tal-Laburisti b’dan il-mod jagħti impressjoni għal kollox kuntrarja dwaru.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan