MediaToday

Wenzu Mintoff | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Sitwazzjoni skomda

Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika. Mhux l-istess fil-każ ta’ partit li jkun għadu kif rebaħ elezzjoni, għax ma tistenniex li dan ukoll se jkollu jgħaddi minn perjodu diffiċli sakemm isib saqajh u jmidd għonqu għax-xogħol b’riżq il-pajjiż.
Il-Gvern ta’ Gonzi qed jagħti sinjali ċari li l-ewwel preokkupazzjoni li għandu hi kif se jsolvi l-problemi interni fi ħdanu qabel ma jkun jista’ jiffoka fuq l-isfidi u l-problemi li għandu l-pajjiż.
In-Nazzjonalisti qed juru sintomi ta’ Gvern mehdi wisq bih innifsu, li jaħseb iktar fiċ-ċirku immedjat ta’ madwaru milli fil-popolazzjoni b’mod ġenerali. Maġġoranza ta’ wieħed fil-Parlament, b’maġġoranza relattiva ta’ terz ta’ kwota fil-pajjiż u bil-maġġoranza assoluta ta’ l-elettorat li ivvota li xi partit ieħor, evidentement hi sitwazzjoni pjuttost marsusa u skomda għal kwalunkwe Gvern. Anki jekk dan il-Gvern ta’ Gonzi irnexxilu jagħmel l-imaġinabbli, li jirbaħ tliet elezzjonijiet ġenerali in fila, bi żbrixx jew mhux.

Billboards
F’dawn ix-xahrejn u ftit li għaddew mill-elezzjoni, ftit li xejn ittieħdu inizjattivi li jħarsu ’l barra u mhux ’il ġewwa mill-għatba ta’ Kastilja li kulma jmur qed isir speċi ta’ estensjoni ta’ l-Istamperija.
Il-billboards imħallsin minn flus il-poplu li matul il-kampanja kienu jħabbrulna ħafna inizjattivi u proġetti tal-Gvern kollha xejxi u xinxilli, jinsabu maqfulin f’xi maħżen irabbu fuqhom lega ta’ għabra.
Tista’ tgħid li kulma ħareġ minn fomm il-Prim Ministru Gonzi fil-ftit dehriet pubbliċi li kellu f’dawn l-aħħar ġimgħat kien immirat għaċ-ċirku ristrett ta’ madwaru u bl-ebda mod ma jħares lejn l-isfidi li għandna bħala pajjiż u bħala poplu.
Qal li jrid jagħti kumpens ta’ sitt xhur paga xketti xketti lil dawk il-Ministri, Segretarji-Parlamentari u Deputati li baqgħu barra mill-Kabinett jew mill-Parlament.
Lill-Ministri u s-Segretarji-Parlamentari attwali apparti s-salarji tagħhom ta’ Ministri u Segretarji-Parlamentari, irid jagħtihom ukoll l-onorarja ta’ Deputati Parlamentari avolja l-Kamra tar-Rappreżentanti se tibda tiltaqa’ biss jum u nofs fil-ġimgħa.

‘Favoluża’
Ħatar ukoll lil Louis Galea bħala Speaker temporanju li iktar iva milli le se jispiċċa permanenti jekk l-Oppożizzjoni Laburista tobżoqlu fis-sunnara u ma tidħolx għat-trabokk ta’ Speaker Laburista minn fost il-Grupp Parlamentari.
Tonio Borg qed jitkaża li l-Laburisti salt ingrati għax mhumiex qed jaċċettaw proposta ‘favoluża’ bħal din. Qed jgħidu wkoll li meta ħatru lil Anton Tabone bħala Speaker fl-2003, dan ukoll kien ġie elett minn fost id-Deputati eżistenti u kienu jafu li l-maġġoranza tagħhom kienet se tonqos minn 5 għal 4. B’differenza waħda. Il-maġġoranza ta’ 13,000 vot fuq il-Labour fl-2003 matematikament kellha ssarraf fi tliet siġġijiet u mhux f’ħamsa. Mentri fl-2008 maġġoranza relattiva ta’ 1,580 vot għan-Nazzjonalisti kellha ssarraf f’maġġoranza ta’ siġġu wieħed u żgur mhux ta’ tnejn kif qed jippretendu li jsir issa bil-proposta trabokk ta’ Speaker Laburista. Qed jitfgħu l-lixka ta’ Speaker Laburista biex ir-rappreżentanza fil-Parlament ma tkunx tirrifletti r-rieda popolari u huma jkunu jistgħu jaħdmu f’aktar kumdità.
Barra minn hekk lanqas nista’ nifhem il-loġika wara l-insistenza li l-Ispeaker Laburista jkun mill-Kamra, jekk dan it-trabokk wara kollox marbut mal-kundizzjoni tal-pairing. Fil-fatt jekk f’din l-istorja hemm xi ħadd wiċċu tost huma n-Nazzjonalisti li jridu assigurazzjoni doppja li minbarra l-pairing, ikollhom b’mod permanenti maġġoranza ta’ tnejn bid-Deputat Laburista li jkun Speaker jitlef il-vot oriġinali tiegħu.

Diviżiva
U la qed nitħaddtu dwar il-ħatra ta’ Speaker, Gonzi ma setax jagħmel għażla agħar minn dik li għamel meta innomina lil Galea, anki jekk għall-perjodu tranżitorju. Galea hu figura politika mill-iktar diviżiva u kontroversjali għaliex għal għanijiet politiċi ta’ moħħu, fit-Tmeninijiet ma ddejjaq xejn isaqqi kemm jiflaħ is-siġra tal-mibegħda u l-firda f’dan il-pajjiż fi żmien meta f’Malta, apparti t-tkissir ta’ każini Nazzjonalisti u vjolenza li kienu jagħmlu xi insensati li kienu jsejħu lilhom infushom ‘Laburisti’, kien hawn ukoll bombi mixħuta minn idejn anonimi fuq l-għetiebi tad-djar ta’ dawk li b’mod jew ieħor kienu jikkollaboraw mal-Gvern Laburista.
Il-ħatra ta’ Galea bħala Speaker se tkun f’kull każ waħda temporanja mhux għax l-MLP se jaċċetta li jinħatar bħala Speaker wieħed mid-Deputati tiegħu, imma għax kollox jindika li inqas minn sena oħra Galea se jispiċċa San Anton bħala President tar-Repubblika. Galea għandu ħafna x’jispjega mhux biss għall-passat remot, imma anki għall-episodji mill-passat relattivament reċenti tiegħu.
Ewlenin fosthom l-iskandlu ta’ l-Awżiljari u l-involviment ta’ ħafna mill-canvassers tiegħu f’dak l-iskandlu, il-biżibilju ta’ direct orders li kienu jinħarġu mill-Foundation for Tomorrow’s Schools fejn għal darba oħra, gawdew l-aktar ‘parruċċani’ mid-distretti minn fejn kien jikkontesta Galea. Imma Gonzi jiġi jaqa’ u jqum minn dak kollu. Li jimpurtah li sieħbu Galea li spiċċa mibżuq mill-kostitwenti tiegħu jingħata premju ta’ konsolazzjoni.

Ħatriet
Prova oħra ta’ kemm Gonzi qed iħares ’il ġewwa u mhux ’il barra mill-għatba tal-Berġa ta’ Kastilja, huma id-diversi ħatriet partiġġani li għadhom kif saru. Bl-iktar waħda li tispikka fost dawn il-ħatriet, tkun bla dubju ta’ xejn, dik ta’ Gordon Pisani, li sa ftit tal-jiem ilu kien Segretarju Propaganda tal-PN u li issa ġie maħtur bħala head communications tal-Gvern.
Mhux se nuża l-proverbju li darba kien uża Michael Falzon fil-konfront tal-Laburisti, ‘ħanżir jekk taqtagħlu denbu ħanżir jibqa’. Imma ngħid jien jekk propagandist fanatiku ffissat, minn uffiċċju f’Tal-Pietà tagħtih uffiċċju ġewwa Kastilja, mhux propagandist fanatiku u ffissat se jibqa’? Vera kariga bħal din timplika li hi waħda ta’ fiduċja. Imma b’daqshekk ifisser li għandek timlieha b’persuna diviżiva li ġġib d-diżapprovazzjoni u l-istmerrija ta’ iktar minn nofs Malta?
Il-Gvern ta’ Gonzi qed jgħix f’kontradizzjoni li filwaqt li għandu għalfejn jifraħ li rebaħ l-elezzjoni, m’għandux għalfejn ikun sodisfatt wisq bil-fatt li naqsitlu sostanzjalment il-fiduċja li kellu tal-poplu. Il-Gvern ta’ Gonzi se jkollu jopera f’realtà pjuttost skomda li ħa tiddependi mhux ftit fuq il-kapriċċi ta’ xi ħadd bħal Jeffrey Pulicino Orlando li jista’ jkun sors ta’ imbarazzament politiku fit-tul għall-Partit Nazzjonalista.
Gonzi m’għandux spazju wisq fejn jimmanuvra, jieħu d-deċizjonijiet kuraġġużi li hemm bżonn u ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak u l-ieħor. Il-fall out mid-deċiżjonijiet drastiċi li ħa biex naddaf il-Kabinett, għadha qed tinħass sa llum bil-geddum sa l-art ta’ Deputat bħalma hu Robert Arrigo li ippretenda ħafna u baqa’ b’idu f’idu.
Jekk Gonzi ma jirnexxilux joħroġ minn din is-sitwazzjoni skomda kemm jista’ jkun malajr ma jkunx hemm wisq xi jżommu biex f’Ġunju tas-sena d-dieħla ma’ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fuq Malta u Għawdex kollha, jekk ikun jaqbillu jikkombina magħha Elezzjoni Ġenerali.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan