MediaToday

Toni U Peppi | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?

TONI

“Il-Bidla Tkompli”. Hekk kien jismu d-dokument ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista fl-1993. Dokument li kien jipproponi ħafna taqlib, li ħafna minnu ma ġiex. Fost dawk li ma ġiex kien hemm dak li dawk li jinħatru fil-bordijiet tal-Gvern ikunu magħżula kemm jista’ jkun, bi ftehim, bejn iż-żewġ Partiti. Speċi ta’ intiża politika bi-partitarja biex kemm jista’ jkun kulħadd jieħu biċċa u jkun kuntent.
Ngħid għalija jien qatt ma qbilt ma’ din il-proposta. Li nħarsu lejn dawn ix-xorta ta’ ħatriet bħallikieku kienu xi patrimonju tal-Partiti li jistgħu jqassmuh kif jidhrilhom huwa insult lill-poplu Malti. Qisna sejrin lura għaż-żminijiet tal-Medjuevu, fejn il-prinċpijiet u n-nobbli kienu jqassmu t-titli u t-territorji li jmorru magħhom. Ix-xita ta’ ħatriet li jsiru kull sena jintużaw biex iżommu kuntenti lil dawk li għenu jew ma rnexxilhomx jitilgħu fil-Parlament. Premjijiet ta’ konsolazzjoni li jiffinanzjaw bil-pulit il-poplu Malti!
Biex ngħid is-sewwa dan ġara taħt iż-żewġ amministrazzjonijiet. Għax is-sistema hi ħażina minn għeruqha. Għalkemm irrid ngħid ukoll li meta xi żmien ilu Gvern ta’ Eddie Fenech Adami kien għamel l-offerta li d-Diretturi ta’ kumpaniji li għandu l-Gvern jiħatru ugwalment miż-żewġ partiti, l-Oppożizzjoni taħt Alfred Sant kienet irrifjutat din il-proposta.
Niftakar privatament inkellem lil Sant fuq din il-kwistjoni. Kien iddeskriviha bħala waħda indiċenti u mhux aktar aċċettabbli. Fil-fatt sinċerament naħseb, li Sant, bil-karattru xejn konvenzjonali li kellu, x’aktarx ma kienx se jittollera aktar sitwazzjoni bħal din. Naħseb li ried jinqata’ mit-tradizzjoni tat-tqassim ta’ privileġġi minn kulmin jirbaħ elezzjoni bħallikieku dawn kienu priża tar-rebħa.
Kultant ninsew li dawk li jinħatru f’bordijiet u kumpanija tal-Gvern, jitħallsu minn flus il-poplu. Ninsew ukoll li dawk li jinħatru huma responsabbli li jaraw li l-affarijiet jimxu sew. Fi ftit kliem iridu juru li huma kompetenti u jafu x’inhuma jagħmlu.
Iżda li qiegħed jiġri hu li l-kriterju politiku ta’ kif jinħatru n-nies ma jassigurax il-kompetenza ta’ min jinħatar. Fi ftit kliem, m’hemm l-ebda kriterji ċari ta’ meritokrazija. Kapaċi fuq materja teknika jinħatar bniedem li mhux tekniku. Ir-riżultati jidhru, għax kemm-il darba smajna bi stejjer u fares f’diversi bordijiet u kumpaniji.
Inutli noqogħdu nagħmlu kodiċi ta’ etika kif għandhom iġibu rwieħhom dawk li jinħatru f’dawn il-karigi meta s-sors tal-għażla tagħhom x’aktarx tkun fuq linji ta’ lealtà politika u xejn aktar. Ebda kodiċi ta’ etika bil-kliem sabiħ kollu li fih ma hu ser jilleġittima dak li mill-bidu tiegħu diġà beda ħażin: il-mod kif saret l-għażla tal-persuna. Dan rajnieh ċar fil-każ tal-Voice of the Mediterrenean. Anzi għax kienet min kienet il-persuna, dawk li ħatruh ħarġu saħansitra jħarsuh. Il-falliment tal-persuna ma setax iwassal għall-falliment ta’ min ħatru u sakemm tibqa’ s-sitwazzjoni li għandna llum se nibqgħu nisimgħu b’fares ta’ din ix-xorta.
Ilni snin nikteb fuq dan is-suġġett u ninsisti li din is-sitwazzjoni għandna malajr kemm jista’ jkun insewwuha. Kont naħseb li b’Malta fl-Unjoni Ewropea dawn l-affarijiet se jispiċċaw iżda minflok qishom bħal donnhom ikkargaw aktar. Li jiskantani dwar l-Unjoni Ewropea hu l-fatt li minn Brussell tant jinsistu magħna li ma nistgħux nimmanipulaw l-ekonomija, iżda ma jidher li ma għandhom xejn xi jgħidu dwar din ix-xorta ta’ manipulazzjoni politika. Ħafna drabi t-tweġiba tkun li din kwistjoni interna mentri l-munita mhix.
Il-kwistjoni kollha hi marbuta ma’ kelma waħda: meritokrazija. Irridu nsibu l-mezz kif nassiguraw li f’karigi bħal dawn jinħatru l-aħjar nies. Biex dan isir il-ħatra m’għandhiex tkun unikament tiddependi mill-politiku li jrid mill-voti u minn dawk li l-aktar huma leali lejh biex jikkonserva l-poter. Mhux għax m’għandux ikun hemm nies li jafu x’inhi l-politika tal-Gvern tal-ġurnata, iżda lanqas dan ma jidher li qiegħed isir. Il-mili ta’ dawn il-karigi għandha titħalla f’idejn strutturi li għandhom il-fiduċja tal-poplu kollu.
Jiġi f’moħħi l-Ombudsman. Għaliex il-ħatra ta’ persuni f’bordijiet m’għandhiex issir fuq rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman? Fejn ridna lil dan il-bniedem sibnieh. Il-każ klassiku meta waħħalna fit-tajn fil-MEPA, wara xi rapporti imbarazzanti li kien għamel l-Awditur tal-MEPA dwar permessi li messhom qatt ma ħarġu. Allura ngħid jien, għaliex m’għandniex nafdaw l-Ombudsman f’dan il-qasam pubbliku? B’hekk anke l-politiku ikun qiegħed jaħsel idejh milli qatt ikun mixli li għamel xi pjaċir politiku.
Nistgħu wkoll infasslu xi organu kostituzzjonali li jassigura l-għażla tan-nies li jiġu maħtura. Pereżempju teżisti l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku għal dan il-għan dwar ħatriet, promozzjonijiet u kwistjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mas-servizz pubbliku. Għalkemm anke f’dan ir-rigward bdejna bil-prattika xejn sabiħa li nimpjegaw ma’ kumpanija li għandu l-Gvern, li allura huma impjiegi li ma jaqgħux taħt l-iskrutinju ta’ din il-Kummissjoni. Jiġifieri mhux m’għamilna xejn dwar bordijiet, iżda anke nippruvaw naħarbu mis-salvagwardji li jeżistu.
Mezz ieħor kif nistgħu noħorġu minn dil-bixkla hi billi nagħmlu riforma akbar. Nemmen li l-President tar-Repubblika għandu jingħata aktar saħħa istituzzjonali. Ovvjament biex dan isir hemm bżonn bidla radikali kif dan jinħatar.
Nemmen ukoll li l-President għandu jinħatar kemm jista’ jkun b’konsensus mill-Parlament b’żewġ terzi tal-Membri kollha Parlamentari. B’hekk din l-istituzzjoni tkun tirrifletti aktar l-għaqda nazzjonali milli kif inhi llum. Meta jsir dan, dawn il-ħatriet isiru minnu wara li jikkonsulta mal-partiti kollha fil-Parlament. B’dan il-mod anke min jinħatar, indirettament ikun hemm qbil ġenerali fuqu.
Fl-aħħarnett hemm ħaġa li qatt ma fhimt f’dawn il-ħatriet. Għax kulmeta dawn jimtlew qatt ma ssir sejħa pubblika bħalma jiġri f’ħafna ħatriet pubbliċi oħrajn. Jekk isir hekk, ikun hemm il-minimu ta’ trasparenza u jkun jista’ japplika għalihom kulħadd inklużi dawk li mhux neċessarjament ikunu ta’ l-istess fehma politika tal-Gvern tal-ġurnata. In-nies tajbin jinsabu fuq iż-żewġ naħat tax-xatba u mhux fuq naħa waħda biss. Allura jkun hemm ukoll bord ta’ għażla biex ikun jista’ jifli l-kompetenza ta’ min japplika.
Naħseb dan huwa l-10 artiklu li qiegħed nikteb fuq dan is-suġġett u naħseb lanqas mhu se jkun l-aħħar wieħed!

http://toniabela.blogspot.com

PEPPI

Jekk iċempilli l-Ministru Karm Mifsud Bonniċi u jitlobni nkun fuq il-Bord tal-Ħabs jien ma naċċettax. Ma naċċettax għax jien ma nemminx fil-kunċett ta’ ħabs bħala kastig kif inhu l-ħabs ta’ Kordin. Jien ma nistax inkun parti minn Bord jekk jien intrinsikament ma naqbilx miegħu. F’dan is-sens il-Ministru, li jaf kif naħsibha fuq il-ħabs għax ngħidha pubblikament, mhux se tgħaddilu minn rasu jaħtarni f’dan il-Bord. Għax il-politika tal-Gvern tal-ġurnata hija mhux biss li jkollna ħabs bħala kastig imma li f’ċerti reati nżidu l-pieni ħalli jkollna iżjed nies imorru l-ħabs u jdumu iżjed hemm. Allura f’ċertu sens nifhem li l-Gvern, f’ċerti bordijiet, jagħżel persuni li jħaddnu l-politika tiegħu f’dik l-ażjenda partikulari.
Din bħall-ambaxxaturi. Fl-1996 ma nistax nifhem li seta’ jkun hemm ambaxxatur ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li baqa’ ambaxxatur. Kif tista’ tkun qed taħdem bla nifs biex Malta tkun aċċettata bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jitla’ l-Gvern tal-Labour u tibda taħdem biex Malta tibda tiddefendi l-pożizzjoni tagħha li tiffriża l-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea.
F’ċerti bordijiet u pożizzjonijiet sensittivi l-persuni magħżula jridu ta’ lanqas ikunu jemmnu fil-politika tal-Gvern li jagħżilhom.
Dan ma jfissirx li l-unika kwalifika biex tkun f’bord tal-Gvern għandha tkun dik li tkun ivvutajt PN f’dawn l-aħħar ħames elezzjonijiet, li qatt ma tkun ktibt kontra l-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn, li tkun temmen li Lawrence Gonzi huwa l-aqwa Prim Ministru fid-dinja u li meta tkanta l-innu tal-PN iqumlek ġismek xewk xewk.
Iżda jekk persuna tkun tesserata għal għomorha fil-Partit Nazzjonalista, jekk ħarġet minn ġuf ommha xxejjer il-maduma iżda kapaċi u temmen fil-politika tal-Gvern b’relazzjoni għax-xogħol li jkollha tmexxi, allura dan m’għandux jiskwalifikaha milli tkun f’bord tal-Gvern.
Ħija ħasra, per eżempju, li l-esperjenza u l-kapaċità maniġerjali ta’ xi ħadd bħal l-eks Ministru Michael Falzon kellha tinħela u għax kien Ministru Nazzjonalista allura ma jsirx Chairman. Bl-istess mod li persuni validi u b’kapaċità u esperjenza straordinarja bħal Lino Spiteri jew Alfred Mifsud m’għandhomx ikunu f’pożizzjonijiet kruċjali sempliċiment għax ma jitqisux parti mill-Partit fil-Gvern. Il-kapaċità u l-integrità għandhom ikunu l-kriterji biex jintgħażlu l-persuni biex imexxu jew ipoġġu fuq bordijiet tal-Gvern jew f’pożizzjonijiet pubbliċi.
Persuna li tiġi f’rasi hi Joe Saliba. Persuna li bdiet mill-qiegħ u wriet kapaċitajiet straordinarji f’dik li hi tmexxija, f’dik li hi viżjoni tant li jirnexxilu jmexxi partit li rebaħ erba’ ġlidiet elettorali wara xulxin. Joe Saliba se jirriżenja minn Segretarju tal-Partit Nazzjonalista. Tkun ħasra kbira jekk Saliba, għax kien Segretarju tal-PN, ma jingħatax kariga importanti biex l-esperjenza u l-integrità tiegħu tkompli tkun imsarrfa.
L-għażla m’għandhiex issir biex nagħtu rigal lura ‘għax dak ħadem għall-partit’ jew biex nieħdu ħsieb lin-nies tagħna. Kultant niskopru ċerta persuna li assolutament ma jkollhomx idea x’laqathom meta biex jgħidulhom grazzi jpoġġuhom f’bordijiet li mingħajrhom jitmexxew ħafna aħjar.
Il-kapaċità għandha tkun imħallta ma’ għażla ta’ persuni li flimkien f’bord joħolqu dinamika. Hekk, eżempju, kieku kelli nagħżel il-Bord tas-Song Festival, insib erba’ żgħażagħ ibbażżjati ħalli jagħtu lil dan il-Festival il-laqta’ avventuruża li tant għandu bżonn.
Il-Gvern għandu jara li f’kull bord għandu jkollu żewġ żgħażagħ. Żgħażagħ mhux ta’ 35 sena. Żgħażagħ li jkunu għadhom studenti. Għala le? F’intervista l-Prim Ministru Gonzi qabel l-elezzjoni kien l-ewwel Prim Ministru li għamel stqarrija importanti. Qal li ‘iż-żgħażagħ mhux il-futur imma l-preżent tal-pajjiż’’. Hekk hu Prim Ministru.
Issa f’idejk biex tara li f’kull post tad-deċiżjonijiet importanti jitpoġġew żgħażagħ li jaħsbuha u jgħixu ta’ żgħażagħ. Jilbsu u jitkellmu bħala żgħażagħ.
Naħseb wasal iż-żmien li l-Prim Ministru jwaqqaf Bord tat-Tfal ta’ bejn it-8 u 13-il sena. Dan il-Bord għandu jiltaqa’ mal-Prim Ministru ta’ l-inqas ta’ darba kull tliet xhur. Il-Prim Ministru għandu jisma’ x’qed jgħidulu t-tfal biex jifhem aħjar id-dinja tagħhom, biex kull deċiżjoni li jieħu tkun fl-interess tagħhom u skond ix-xewqa tagħhom.
Illum nitkellmu ħafna dwar id-drittijiet tat-tfal. Il-ħmerija kbira hi li dwar dawn id-drittijiet nitkellmu aħna l-kbar u ninsew id-dritt tagħhom li jesprimu ruħhom.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan