MediaToday

Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

L-arti li toħroġ minn ġewwa

FRANICA PULIS tintervista lil Angelica Bäumer, il-kuratur tal-wirja Art Brut, wirja b’xogħlijiet ta’ artisti Awstrijaċi b’diżabbiltajiet mentali u psikoloġiċi

Il-wirja Art Brut fetħet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bħal-lum ġimgħa. Uħud mix-xogħlijiet għall-wiri jfakkruk fit-tpinġijiet tat-tfal għax huma sempliċi u jqarrbu lejn il-ġeneru ta’ Art Naif. Iżda skond il-kuratur Angelica Bäumer “ix-xogħol tagħhom hu naif bħal tat-tfal u anki x-xewqat tagħhom. Imma normalment l-espressjoni hi iktar minn naive.”
Issemmi artist żagħżugħ li qed jieħu sehem fil-wirja. Dan fil-bidu kien qed jistħi ħafna juri xogħlu għax mimli sesswalità minkejja li mpinġi b’nuqqas ta’ teknika u jagħti lemħa lit-tpinġija tat-tfal. Kien jistħi għax trabba f’dar tat-tfal Kattolika fejn ma setax jitkellem dwar sess jew masturbazzjoni. It-tpinġijiet tiegħu huma mimlijin sesswalità.
Issostni li mhemmx tfal jieħdu sehem f’din il-wirja u li l-artisti huma kollha adulti b’diżabbiltajiet mentali, psikoloġiċi, down syndrome jew ibagħtu minn dipressjoni. B’kollox qegħdin jieħdu sehem 41 artist. Għaxra minnhom huma nisa u ntgħażel l-aħjar 67 xogħol minn 700.
“Kollha mhumiex mgħallma fi skejjel ta’ l-arti. Uħud huma spastiċi. Oħrajn ma jistgħux jitkellmu jew jiktbu imma għandhom talent artistiku.Ħafna minnhom mhumiex kapaċi jgħixu għal rashom. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jesponi dawn it-talenti,” żiedet Bäumer.
Fil-fatt dan il-proġett qed iseħħ bis-saħħa tal-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali li staqsa lil Baumer biex tiġbor din it-tip ta’ arti u tagħmilha waħda internazzjonali. Malta hi l-10 pajjiż li qed iżżur. Warajha jmiss l-Ungerija u Hong Kong. L-Ambaxxatriċi Awstrijaka f’Malta ħadmet biex iġġibha f’pajjiżna u ddeċidiet ittellagħha mal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Hu proġett li jista’ jħalli l-frott f’Malta wkoll għax hemm interess li tibda ħidma li tixbaħha fir-Razzett tal-Ħbiberija.
“Nies mir-Razzett tal-Ħbiberija wkoll huma interessati li jaħdmu bl-ideat tagħna. Huma jistgħu jitgħallmu mix-xogħol tagħna u aħna minn tagħhom. Il-ħsieb hu li naħdmu fi proġett flimkien li forsi jkun megħjun mill-UE fil-finanzi tiegħu,” qalet il-kuratur.
Bħalma hemm miktub fid-daħla tal-katalgu ta’ Art Brut, illum tistaqsiha kif jirnexxielha tagħraf ‘teżor ta’ arti oriġinali minn tpinġijiet li huma biss it-tħażżiż ta’ moħħ marid’.
“Tiddependi minn osservazzjoni u professjonalità biex tiddeċiedi x’inhu xiex. Għandu x’jaqsam ukoll ma’ li tqatta’ ħafna żmien tħares lejn l-arti. Bħala kuratur għandi responsabbiltà kbira meta niġi biex niddeċiedi x’inhi arti u x’mhix għax nista’ noqtol lil xi ħadd b’kumment li ngħaddi. Ma nistax naqbad u ngħid din l-arti hi imbarazz kif ġieb u laħaq.”
Iżżid tgħid dwar l-artisti Awstrijaċi li “b’xogħlijiethom jesprimu lilhom infushom. Hi komunikazzjoni intima. Arti li toħroġ minn ġewwa. Xejn ma jiġi minn barra. Ma jikkupjawx minn xi ħaġa oħra. Hu xogħol oriġinali u awtentiku. Fih kulħadd jgħid l-istorja tiegħu, il-ħolm u x-xewqat, li jagħmluh xogħol intimu ħafna.
“L-artisti jistimulaw ruħhom mill-ħajja li jgħixu, il-ħolm u l-affarijiet personali tagħhom u ġieli anki milli jaraw fuq it-televixin. Hemm persuna partikulari li dejjem tħares barra mit-tieqa tagħha u tpinġi dejjem l-istess xena. Kultant ikun hemm l-għasafar fuq is-siġra imma dejjem l-istess xena. Din tbati minn kundizzjoni rari,” kompliet tgħid il-kuratur.
Tfiehem dwar il-ħajja speċjali u kif jgħixuha dawn l-artisti li sa ċertu punt huma fortunati aktar minn nies oħra fis-sitwazzjoni tagħhom għax sabu min idur bihom.
“Huma ma jħarsux lejn ix-xena ta’ l-arti. Ma tinteressahomx. Filgħodu jmorru fl-istudjos biex ipinġu. Imma jħossuhom kburin meta x-xogħol tagħhom jintwera fil-wirjiet. Uħud minnhom jafu li x-xogħlijiet tagħhom qegħdin jintwerew jew jinbiegħu imma ma jimpurtahomx. Ħajjithom iddur mat-tpinġija u hi bbażata fuq dixxiplina u rutina li jgħinuhom jgħixu bil-mard tagħhom jew bis-sitwazzjoni speċjali li qegħdin jgħixu fiha. Huma qatt ma jista’ jkollhom tfal jew familja allura jħossuhom weħidhom.
“Artisti ‘normali’ jistgħu janalizzaw l-arti tagħhom hekk kif jispiċċawha. Dawn l-artisti ma jistgħux. Ma jistgħux jaħdmu fuq kunċett. Din hi l-ikbar differenza. Il-mument ta’ meta jpinġu hu assolut. Ma jaħsbux qabel jew wara.
“Jekk tistaqsihom x’pinġu, ma jistgħux jgħidulek, għax m’għandhomx intellett. Imma jekk tgħidilhom kemm hu sabiħ xogħolhom jieħdu gost ħafna u jiġu jgħannquk mill-ewwel. Ma jafux iżommu d-distanza. Fil-fatt fil-bidu kont veru nħossni skomda magħhom. Imma mbagħad drajthom u huma aċċettawni u jafdawni. Meta jiġu n-nies jaraw xogħolhom fl-istudjos jibżgħu li ma jittiħdux bis-serjetà,” tenniet Bäumer.
Mistoqsija jekk din l-arti tgħinx biex tneħħi ċerti timbri marbuta ma’ mard mentali, Baumer wieġbet li “jekk tieħu bis-serjetà kwalunkwe arti, din tkun qed tfittex li tagħmel sens mill-ħajja. Mentalment dawn l-artisti jafu eżatt x’inhuma jagħmlu: jikkomunikaw bejniethom u mad-dinja barra. Fix-xena artistika din l-arti mhix meqjusa bħala arti miġnuna iżda bħala arti ta’ nies li ma jistgħux jgħixu ħajja normali imma għandhom talent.”
Imma din it-tip ta’ arti tista’ tkun moda li mbagħad ma tibqax valida?
“Ċertament li l-arti tista’ tkun moda. Tiġi bħal leħħa ta’ berqa. Filli tkun tiswa ħafna. Wara ftit dak li jkun jistaqsi min hu l-istess artist li biegħ xogħlu bi prezz tant għoli. Imma din l-arti ma tistax titqies bħala moda għax l-artisti ma jħarsux lejn stil jew ġeneru. Tant hi down to earth. Mhix xi ħaġa intellettwali. Hi umana ħafna,” żiedet tgħid il-kuratur.
Titkellem dwar in-nies li jieħdu ħsieb l-artisti u li hi ssejħilhom supervisors.
“Mhux kulħadd jista’ jgħinhom u jqatta’ tlitt ijiem jew erbgħa fl-istudjos magħhom. Mhumiex nies faċli. F’daqqa waħda jistgħu jibdew iwerżqu u s-supervisors iridu jikkalmawhom. Kultant huma ‘imġienen’ imma kultant għandhom talent kbir.
“Nammira n-nies li jaħdmu magħhom għax huma bejn għalliema u social workers. Lill-artisti jgħinuhom jagħżlu l-materjali li jpinġu bihom imma ma jindaħlulhomx x’għandhom ipinġu. Hi l-għażla ta’ l-artist. Is-supervisors iħalluhom jagħmlu li jridu. Jekk iħossuhom għajjenin iħalluhom bi kwiethom. Imbagħad wara li jgħaddi ftit tal-ħin jippruvaw jinstigawhom jerġgħu jpinġu,” kompliet tgħid.
Mistoqsija dwar kif niżlet din l-arti mal-Maltin, hi qalet li m’ilhiex ħafna f’pajjiżna biex ikollha feedback proprja “imma għall-ftuħ tal-wirja kien hemm ħafna nies, li mhux normali, u n-nies ma kinux sempliċiment hemm jixorbu l-inbid imma kienu qed iħarsu lejn it-tpinġijiet u wara jistaqsuni mistoqsijiet tajbin. Illum għaddejt s’hemm u n-nies li kien hemm, ħafna minnhom turisti li inzertaw marru jżuru ċ-ċentru, dehru ikkonċentrati ħafna.”

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan