Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80
KURT SANSONE jqalleb fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jqabbel il-prezzijiet tal-karozzi madwar l-Ewropa
Il-prezzijiet tal-karozzi f’Malta u Ċipru huma kemmxejn inqas mill-medja taż-żona ewro, b’Malta tiġi fis-seba’ post f’dak li huma prezzijiet baxxi.
Dan hu l-verdett tal-Kummissjoni Ewropea (KE) fl-analiżi li tagħmel ta’ kull sena tas-suq tal-karozzi madwar l-Ewropa.
M’intix qed taqra ħażin iżda l-prezz li qed titkellem dwaru l-KE hu l-prezz tal-karozzi mingħajr it-taxxa.
Il-folja tinqaleb għal kollox meta wieħed iżid it-taxxa tar-reġistrazzjoni u l-VAT għax Malta tiġi fost l-iktar pajjiżi għaljin biex tixtri karozza.
Analiżi ta’ wħud mill-mudelli ta’ karozzi li stħarrġet il-KE turi li l-prezzijiet f’Malta jew huma l-ogħla fost il-pajjiżi taż-żona ewro jew inkella huma fost l-ogħla tliet pajjiżi meta titqies ukoll it-taxxa.
It-tqabbil tal-prezzijiet ma’ pajjiżi oħra fl-UE jikkonferma dak li ilu magħruf mis-sewwieqa Maltin li biex tixtri karozza hawn Malta jrid ikollok ħafna iktar ewro fil-but minn sewwieqa oħra Ewropej.
Filwaqt li fil-Greċja tista’ tixtri Seat Ibiza għall-prezz ta’ €9,390, l-orħos fiż-żona ewro, f’Malta l-prezz jitla’ għal €14,900, l-ogħla fost il-pajjiżi fiż-żona ewro.
Dawn il-prezzijiet imkejla mill-KE jirriflettu l-prezz li jirrakkomanda min jimmanifattura l-karozzi. Dan ifisser li l-prezz fix-showroom jista’ jkun ogħla jew orħos skond ma jiddeċiedi l-bejjiegħ.
Madankollu, minkejja dawn il-varjazzjonijiet, ix-xejra ġenerali turi li t-taxxi fuq il-karozzi f’Malta huma ferm ogħla minn dawk ta’ ħafna pajjiżi oħra.
Ta’ min jinnota li fl-aħħar baġit il-Gvern stima li fl-2008 se jkun qed idaħħal €49.3 miljun mit-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq vetturi bil-mutur. Fl-2007 il-Gvern kien daħħal €54.7 miljun minn din it-taxxa.
It-taxxa tar-reġistrazzjoni tista’ titla’ sa 75 fil-mija tal-valur tal-karozza skond iċ-ċilindrata tal-magna. Fuq din it-taxxa mbagħad titħallas ukoll VAT ta’ 18 fil-mija.
Iżda d-dħul tal-Gvern marbut mal-karozzi ma jiqafx hemm.
Mil-liċenzja tat-triq li tiġġedded kull sena l-Gvern jistma li din is-sena se jkun qed idaħħal €28 miljun. Fl-2007 kien daħħal €29.6 miljun.
Imbagħad mil-liċenzji tas-sewqan il-Gvern beħsiebu jdaħħal €1.6 miljun fl-2008, żieda fuq il-€1.3 miljun li daħħal is-sena li għaddiet.
Dan id-dħul jeskludi dħul ieħor għall-Gvern mill-bolla li titħallas fuq it-tiġdid ta’ l-insurance kull sena.
Il-Gvern hu impenjat li jbiddel is-sistema tar-reġistrazzjoni biex minflok tkun marbuta mal-kobor tal-magna tintrabat ma’ kemm tħammeġ il-karozza. Madankollu l-Gvern għadu ma ħabbarx kif se tkun is-sistema l-ġdida u jekk hux se twassal biex ikollna karozzi irħas fis-suq.
Li hu żgur hu li l-Kummissjoni Ewropea diġà tkellmet kontra l-ħlas ta’ 18 fil-mija VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni. Dan ifisser li hemm possibbiltà li l-Gvern ikun kostrett jirrifondi l-VAT li ħallsu x-xerrejja fuq karozzi ġodda li xtraw wara l-2004.
Madankollu l-Gvern għadu ma qalx kif se jbiddel din is-sitwazzjoni bl-iskuża li se jkun qed jagħmel riforma sħiħa ta’ kif se jkunu ntaxxati l-karozzi.
Skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (UNS) fl-aħħar ta’ Marzu kien hawn reġistrati b’kollox 289,450 vettura li minnhom 220,062 kienu karozzi privati. |
|
Kurt Sansone jintervista lil George Abela
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|