MediaToday

Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Protesta tal-Graffitti tisraq ix-xena waqt il-ftuħ tal-Parlament il-ġdid

harlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-ftuħ statali tal-11-il Leġiżlatura mill-Indipendenza ’l hawn kien dominat minn protesta organizzata minn attivisti tal-grupp Xellugi Graffitti li kienu qed iżommu kartelluni u strixxuni bil-kliem “Demokrazija Dittatorjali - Qed Tagħmlu li Tridu!”
Huma rnexxilhom jiżgiċċaw lill-pulizija li kienu jgħassu Pjazza San Ġorġ u daħlu sewwasew wara l-barrikati tal-ħadid li kienu jifirdu lill-maġġoranza tal-Membri Parlamentari li kienu jimxu mill-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, fejn l-Arċisqof Pawlu Cremona OP mexxa l-quddiesa ta’ l-Ispirtu s-Santu fid-9.30 am.
L-ewwel Membru Parlamentari li wasal kien il-veteran Laburista Joe Debono Grech, l-aktar Membru anzjan fil-Kamra tad-Deputati, li wasal għall-ħabta ta’ l-10.25 am. Ftit minuti wara ngħaqdet miegħu l-Membri Parlamentari Laburisti, Helena Dalli li lmentat li ma kienx hemm spazju biżżejjed għall-Membri Parlamentari biex jipparkjaw. Ftit wara waslu Michael Farrugia u Joseph M. Sammut.
Min-naħa tal-Gvern, l-ewwel Membru Parlamentari li wasal kien l-eks-Ministru Ninu Zammit, ftit wara l-10.30 a.m.
Kif mistenni, il-Kamra tad-Deputati tellgħet lil Louis Galea bħala Speaker u l-Membru Parlamentari Laburista Carmelo Abela bħala Deputat Speaker.
Fiż-żewġ każi huma kienu ssekondati mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant.
Gonzi qal li fl-aħħar 15-il ġurnata kien hemm diskussjonijiet ma’ l-Oppożizzjoni dwar il-proċedura Parlamentari u dawn kienu se jissuktaw.
Iż-żewġ naħat qablu li sakemm jinħatar Mexxej Laburista fil-5 ta’ Ġunju, Galea kien se jservi bħala Speaker u Abela kien se jservi bħala Deputat Speaker. Jekk iż-żewġ naħat tal-Kamra mbagħad jaqblu fuq persuni oħra biex jimlew il-postijiet ta’ Speaker u Deputat Speaker, huma kienu ser jirriżenjaw mill-kariġi rispettivi tagħhom.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant, li kien jinsab biswit l-Aġent Mexxej Laburista Charles Mangion, u Michael Falzon, li s’issa serva bħala Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, ikkonferma li kien hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ partiti li kien wassal għal dan l-arranġament temporanju.
Id-69 Membri Parlamentari mbagħad ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta, b’Gonzi jitla’ l-ewwel, Sant, Ministri, Segretarji Parlamentari, id-Deputat Speaker, u fl-aħħar, il-Membri Parlamentari nfushom.
Il-ringiela ta’ wara tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kienet dehra deżolanti, b’xebgħa eks Ministri u Segretarji Parlamentari li kienu ta’ stoffa sa mill-1998 bilqiegħda hemm.
Edwin Vassallo bilqiegħda biswit Jesmond Mugliett, Ninu Zammit bilqiegħda biswit Louis Deguara, Francis Zammit Dimech bilqiegħda biswit Censu Galea, filwaqt li Francis Agius kien waħdu.
L-iżgħar Membri Parlamentari fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra, Franco Debono għall-Gvern u Owen Bonnici għall-Oppożizzjoni, li inċidentalment huma t-tnejn avukati, kienu ferħanin għall-aħħar meta ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom.
Fatt mhux tas-soltu kien meta d-Deputat Laburista Marlene Pullicino, li kienet eletta għall-ewwel darba, ħadet il-ġurament qabel l-eks-raġel tagħha, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando.
Id-destin ra wkoll lid-Deputat Nazzjonalista ġdid Charlo Bonnici jieħu l-ġurament tal-ħatra quddiem l-ex-prinċipal tiegħu Louis Galea li din id-darba ma rnexxilux jitla’ fil-Parlament.
Fid-diskors tiegħu minn fuq it-Tron, fejn iddeskriva l-programm tal-Gvern Nazzjonalista għal din il-Leġislatura, il-President ta’ Malta Edward Fenech Adami sejjaħ għal “patt għall-iżvilupp sostenibbli” fost iċ-ċittadini kollha Maltin biex il-pajjiż ikun jista’ jilqa’ l-isfidi li qed jaffaċċa.
“Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li jkun jaqbel lill-pajjiż jekk jissawwar kunsens dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Għaldaqstant qiegħed minn issa jiftaħ il-bieb tiegħu għal kulmin irid jaħdem miegħu favur l-aħjar interess tal-pajjiż. Fil-ħidma tiegħu l-Gvern irid ikun il-Gvern ta’ kulħadd u Gvern għal kulħadd,” sostna Fenech Adami.

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan