MediaToday

Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

L-eżamijiet tal-Junior Lyceum qed joħolqu ħafna stress fuq it-tfal

Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt

Il-Professur Kenneth Wain u l-psikologa Jo Christina Scicluna jsostnu li l-eżamijiet tal-Junior Lyceum m’għadx baqa’ lokhom u li dawn qed joħolqu stress kbir fuq it-tfal.
Mejju hu x-xahar fejn jibda l-bnazzi iżda għal bosta tfal Maltin u Għawdxin jibda bi sħaba sewda sakemm jgħaddi l-ħmar il-lejl ta’ l-eżamijiet tal-Junior Lyceum.
Ftit tasal tobsor kemm is-sistema edukattiva Maltija tasal biex tikkawża nkwiet u stress żejjed mhux biss fuq it-tfal iżda wkoll fuq il-ġenituri tagħhom.
Illum staqsiet lill-Professur Kenneth Wain li jgħallem fil-Fakultà ta’ l-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta jekk jaħsibx li tagħmel sens li t-tfal ikollhom din ix-xorta ta’ piż fuqhom minħabba l-eżamijiet tal-Junior Lyceums.
“Il-kunċett ta’ Junior Lyceum m’għadx hemm loku. Bħala kunċett jagħmel ħafna deni u ma jagħmel ġid ta’ xejn. Li jkollna skejjel primarji u warajhom ikollna skejjel tal-Junior Lyceum hi sistema li ma tagħmilx sens. Il-problema qiegħda fuq żewġ livelli.
L-ewwel waħda hi li l-Kurrikulu Nazzjonali jitkellem fuq ġustizzja, meta għandek il-Junior Lyceum li jmur proprju kontra dan il-kunċett. It-tieni punt hu dak ekonomiku għax ma jagħmilx sens meta qed nitkellmu għal edukazzjoni għall-ħajja.”
Mistoqsi x’riforma hemm bżonn biex ikollna sistema edukattiva aħjar Wain wieġeb li “fid-dinja ta’ llum fejn qed ngħixu f’soċjetajiet fejn il-kompettitività hi daqshekk importanti ma jagħmilx sens li t-tfal nibdew nagħżluhom minn età kmieni u tibda tagħżilhom fejn qisek qed tgħidilhom ‘intom tistgħu tirnexxu u inthom le’. Sempliċiment għandhom ineħħu l-eżamijiet. Għandu jkollna sistema waħda sekondarja. Għandu jispiċċa wkoll l- streaming bejn il-Primarja u l-livell Sekondarju. Għandu jkun proċess naturali u ma għandux ikun hemm selittività. Kulħadd għandu jibqa’ għaddej.”
B’konformità ma’ Wain, Jo Christina Scicluna li tkellmet magħha din il-gazzetta, qablet li s-sistema edukattiva Maltija għat-tfal mhix waħda li taġevola l-istress tat-tfal.
Saħqet li “l-eżami tal-Junior Lyceum bil-kontenut u l-istil li fih illum, qed jikkawża stress kbir fit-tfal tagħna. Li tagħmel minn dan l-eżami l-“benchmark” ta’ suċċess jew le għal numru kbir ta’ tfal hi xi ħaġa tal-mistħija f’pajjiż ċivilizzat. Ħafna mill-materjal li jiġi mgħallem hu minsi, għax hu inutli u mhux applikabbli għall-ħajja tat-tfal tagħna. Mhux qegħdin ngħallmu lit-tfal jaħsbu jew jittrasferixxu t-tagħlim għall-ħajja tagħhom, il-kunċett l-iktar vitali fejn tidħol il-psikoloġija
tat-tagħlim.”
Għalkemm qablet li l-Junior Lyceum iġib ċertu stress u jżid l-ansjetà żiedet tgħid li “l-eżamijiet fihom infushom mhumiex kunċett ħażin jew negattiv. Meta t-tfal ipoġġu għal eżami, jiffaċċaw ċertu livell ta’ ansjetà, li hi parti mill-fatt li int ħaj u qiegħed taffronta sitwazzjonijiet f’ħajtek li jistgħu jikkawżaw stress, sitwazzjonijiet li mhux dejjem ikunu pjaċevoli. Sfortuntament, din hi parti mill-ħajja u t-tfal iridu jkunu mgħallma li f’ħajjithom se jkollhom jiffaċċaw ċirkustanzi li jistgħu joħolqu ċerta ansjetà.”
Jo Christina Scicluna sostniet li dan il-punt jieħu importanza akbar meta wieħed jikkunsidra li fil-ħajja tagħhom futura, speċjalment jekk ikomplu l-istudji, li jpoġġu għal eżami, se jkun vitali f’xi punt jew ieħor.
“Hu iktar faċli li tiffaċċa sitwazzjoni li int familijari magħha milli waħda aljena għalik. Għalhekk eżami fit-tfal jista’ jippreparahom għal futur li żgur se jġib miegħu sfidi akbar.
“Irridu noħolqu kultura fejn it-tfal ikunu assessjati, iva, minħabba l-importanza ta’ li tkellimt fuqu hawn fuq. Imma l-‘assessment’ ikun wieħed li huwa riflessjoni tal-ħajja li qed ngħixu fiha llum, li jkabbar mhux ikisser lit-tfal tagħna, u li jirrispettahom ta’ individwi b’ħiliet differenti tagħhom,” kompliet il-psikologa.
“B’hekk it-tfal tagħna joħorġu mill-iskola bi stima tajba tagħhom infushom u b’imħabba lejn it-tagħlim, lesti biex jiffaċċaw dinja li hi sfida kontinwa.”
Illum tkellmet ukoll ma’ xi ġenituri minn Birżebbuġa li t-tfal tagħhom qed jagħmlu l-eżamijiet tal-Junior Lyceum. Victoria Cassar qalet li “l-eżamijiet għandhom isiru imma t-tfal m’għandhomx jiġu eżaminati biss fuqhom. Għandu jkollhom pereżempju portfolio minn Year 4 jew 5 u jiġu eżaminati fuqu wkoll.”
“Jien ma naqbilx ukoll li m’għandhomx resits. Għax din mhix sistema. Għaliex m’għandux ikollhom resists?” qalet Doreen Micallef, omm oħra li tkellmet magħna.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan