MediaToday

Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Rabja wara l-elezzjoni fl-MLP

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Wara r-riżultat ta’ l-elezzjoni tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tliet Deputati Laburisti juru r-rabja tagħhom għal numru ta’ fatturi fosthom il-klikek li hemm fil-Partit Laburista u l-fatt li l-mozzjoni kienet formulata ħażin.
Id-Deputat Laburista Adrian Vassallo, li bħad-Deputat Marlene Pullicino qed joħroġ fil-beraħ fl-appoġġ tiegħu għall-Avukat George Abela, sostna ma’ Illum li “hi diżappuntanti għall-MLP li ma kinitx approvata l-mozzjoni biex għal ħatra ta’ mexxej ġdid jivvutaw anke d-19,000 tesserat.
“X’jiswa li l-ħames kontestanti qed ikunu intervistati l-ħin kollu fuq it-televiżjoni, radju u gazzetti meta dawn huma mezzi li l-aktar li qed jilħqu u huma mmirati għall-poplu u t-tesserati inġenerali?” staqsa Vassallo.
“Naf fiċ-ċert li ħafna tessereti mhux lesti li jibqgħu jħallsu t-tessara tagħhom wara r-riżultat tal-bieraħ u dan għaliex it-tesserati kienu maqtugħa barra minn din it-tiġrija,” argumenta Adrian Vassallo.
“Diġà smajt ħafna tgergir,” insista Vassallo.
Id-Deputat Laburista wera rabja għall-mod kif imxiet id-diskussjoni waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja.
“L-aktar li ddejjaqni fl-MLP hi l-intolleranza li hemm fil-Partit. Iddejjaqt li kien hemm ċerti kummenti. Kelli aptit naqbad il-karta tad-delegati u nitlaq ’l barra,” saħaq it-tabib Vassallo.
Id-Deputat Laburista Stefan Buontempo sostna li r-riżultat ta’ nhar il-Ġimgħa “juri li d-delegati diġà huma deċiżi lil min se jivvutaw għal ħatra ta’ mexxej ġdid. Mill-votazzjoni dan il-fattur ħareġ. Il-qabża hi kbira.”
Dwar il-mozzjoni Buontempo jgħid li “l-idea tal-mozzjoni kienet tajba imma li jkollok 19,000 tesserat biex jivvutaw f’qasir żmien kienet kważi loġistikament impossibbli.”
Iżda d-Deputat Laburista sostna li s’issa għadu qed jiżen l-għażla ta’ min liema Mexxej Laburista kellu kliem iebes fuq il-Partit Laburista inġenerali fosthom il-klikka ta’ Alfred Sant.
“Jien batejt bil-klikka ta’ Alfred Sant. Apparti li l-media tal-Partit Laburista iżolatni,” sostna Buontempo.
“Jien nobgħod il-klikek li għandu l-Partit Laburista. Jien fis-snin li għaddew ma ħdimt fl-ebda klikka. Jilħaq min jilħaq jien mhux se nkun lagħqi,” insista Buontempo.
Id-Deputat Laburista jagħmel dikjarazzjoni serja: “Jekk internament fis-snin li ġejjin nibqa’ nara l-klikek lest li nitkellem fil-Parlament u nieqaf naħdem mal-Partit Laburista. Ma nerġax noħroġ.”
L-istess Deputat saħaq li f’dawn l-aħħar snin kien imwarrab fil-Partit Laburista nkluż fiż-żmien l-elezzjoni ġenerali meta bħala Kelliem għall-Housing lanqas biss kien konsultat fuq il-proposta tal-MLP dwar il-housing.
“Ma kontx konsultat. Bagħtuli karta A4 u qaluli din hi,” allega Buontempo.
“Lanqas fid-dokument tar-Riġenerazzjoni tal-Port. Tista’ taċċetta li ma jikkonsultawkx meta hemm il-fattur tal-postijiet battala?”
Anġlu Farrugia, li hu wieħed mill-kandidati għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u li kien wieħed minn dawk li ffirma l-petizzjoni dwar il-mozzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa, sostna li hu ma qabilx mal-mod kif kien formulat il-kliem tal-mozzjoni.
“Meta ffirmajt il-mozzjoni, jien iffirmajt biex din tmur għad-diskussjoni. U ktibt ukoll li l-vot tad-delegati irid ikollu 50 fil-mija saħħa filwaqt li s-soċi jkollhom 50 fil-mija ieħor.”
Anġlu Farrugia jeskludi l-ipoteżi li se jkun hemm tesserati li jirribellaw u jitilqu mill-Partit.
“Ma narax li dan jista’ jiġri. Lanqas il-Partit Nazzjonalista ma jagħti dritt lis-soċi kollha biex jivvutaw. L-ebda partit f’Malta ma għandu dan il-kunċett.”
Il-firma ta’ Anġlu Farrugia fil-petizzjoni ta’ George Abela qed titqies minn ħafna bħala turija ċara li hu qed jappoġġa lil dan il-kandidat għal ħatra ta’ mexxej ġdid.
“Mhu veru xejn. Jien mhu qed nappoġġa lill-ebda kandidat. Se niddeċiedi fl-aħħar ġurnata. Jien lest li naħdem ma’ kull persuna li tilħaq mexxej,” saħaq Farrugia.
Id-Deputat Laburista Chris Agius sostna li kien tajjeb li titqajjem kuxjenza dwar jekk it-tesserati għandhomx jivvutaw jew le fl-elezzjoni ta’ Ġunju. Madankollu għadu kmieni wisq minħabba fattur ewlieni.
“Jien naf tesserati li huma membri taż-żewġ partiti! Kulmeta tasal elezzjoni ġenerali jkollok nies li jissieħbu maż-żewġ partiti,” qal Agius.
“Qabel isir dan l-ivverifikar tat-tesserati kollha nkunu qed ngħaġġlu.”
Chris Agius isostni li r-riżultat ta’ nhar il-Ġimgħa mhux wieħed li jagħti telfa lil George Abela.
“Ir-riżultat mhux indikazzjoni. Jien naf min ivvota kontra l-mozzjoni imma ma’ George Abela,” saħaq Agius.
“Jien ma naqbilx li t-tesserati jkollhom l-istess dritt tad-delegati. Wara kollox kull soċjetà demokratika taħdem b’dan il-mod. Anke biex taħtar President tal-MFA ma jivvutawx il-partitarji kollha tal-futbol. L-istess biex jilħaq Papa.”
Chris Agius hu wieħed mill-persuni li deher fil-beraħ f’attività li kellu George Abela iżda jiċħad li hu qiegħed jappoġġah.
“Niċħad kategorikament. George Abela ċempilli darba biex jawgurali meta tlajt fil-bye election. L-istess kif għamlu l-erba’ kandidati l-oħra li huma kollha ħbieb u kollegi tiegħi.
“Naħseb l-għażla tiegħi diġà għamiltha imma ngħid biss li l-ħamsa li huma għandhom ħafna x’joffru,” qal Agius.
“Ħdimt ma’ kollha. Varist kien jgħallimni, Marie Louise daħħlitni hi fil-Partit, għal seba’ snin kont Segretarju Bormla fiż-żmien meta George Abela kien Deputat Mexxej. Ma’ Joseph Muscat għandi rapport tajjeb ukoll. Ħdimt miegħu meta kont eks Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Soċjalisti u riċentament f’xogħol ta’ MEP.”

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan