MediaToday

Aħbarijiet | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80

Taqa’ l-giljottina fuq Teletubi

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Teletubi, li beda fl-iskeda tax-Xitwa li għaddiet fuq One TV, twaqqaf mit-tim ta’ One TV minħabba l-multi li kien qed jaqla’ minkejja li jixxandar wara d-9.30pm. Illum tkellmet ma’ Daniel Chircop li hu wieħed mill-produtturi ta’ Teletubi u li jħaddem il-pupazzi li jintużaw fil-programm.
“Qlajna taħrikiet mill-Awtorità tax-Xandir minħabba lingwaġġ, kliem mgħotti bi ħsejjes biex ma jinftehimx imma li xorta nftiehem u doppju sens. Anki għax stedinna lil Ian Fenech li jagħmilha ta’ Marvin qalulna li jekk tidħaq bih qed tidħaq b’nies sempliċi,” qal kemmxejn maħruq l-attur.
Skond Chircop Teletubi kiser Artiklu 13 li jitkellem l-aktar dwar id-diċenza pubblika.
“Issa Teletubi jixxandar fid-9.30pm. Fiż-żmien li kien jixxandar wara nofsinhar ma konniex qbilna ma’ One TV għax għalkemm ċertu kliem kien jitgħatta l-programm xorta mhux addattat għal dak il-ħin. Imma ma baqax jixxandar dak il-ħin u l-multi kollha qlajniehom fuq il-programmi ta’ bil-lejl.
“Imma skond l-Awtorità tax-Xandir il-poplu Malti għadu mhux matur biżżejjed biex jara programmi bħal dawn. Li mhux ġust hu li programmi b’baġits kbar jingħataw l-istess multi li ningħataw aħna li l-qligħ mhux ħafna.
“Issa sakemm jiġu deċiżi l-multi mhu se jixxandar xejn. Lilna qed iwaħħluna €931.75 (Lm400)-il multa u bħalissa għandna erba’ multi li għadhom iridu jinqatgħu.
Mistoqsi hux lest jieħu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Chircop kompla jgħid li jixtieq imma tkun diffiċli għalihom.
“Hi xi ħaġa serja ħafna li ċċaħħad lill-pubbliku minn dak li jrid jara. Nixtieq, imma nitlef ħafna żmien biex nagħmilha u jkolli nitlef proġetti oħra li qed nagħmlu bħalissa.
“Il-kwistjoni bħalissa hi li mhemmx linji gwida għax kieku tgħid se nieqaf magħhom. Qalulna li jridu jiddeċiedu jagħmlu xi tip ta’ linji. Imma dan x’se tagħmel? Ma tgħidx ‘patata’ jew ‘sorm’? Wara kollox dan hu kliem li jinsab fid-dizzjunarju,” temm Chircop.
Kevin Aquilina, Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità tax-Xandir, qal li l-linji gwida suppost kellhom jingħataw liz-Zoo, li qed jipproduċu Teletubi, fl-aħħar każ li kellhom. Hu kompla jgħid li l-multi ngħataw wara li xi nies li raw il-programm tagħhom ilmentaw dwar vulgarità, kliem baxx u anki dagħwa.
Din il-gazzetta kellmet lill-attur u satiriku Ray Calleja biex tara kif jaħsibha dwar din it-tip ta’ ċensura. L-ironija hi li l-programm tiegħu, Bomba, qatt ma qala’ multa ħlief meta kellu l-kwistjoni ma’ DJ Banana.
“Naħseb li wasal iż-żmien li wieħed jibda jara eżatt x’inhuma l-parametri ta’ l-Awtorità
tax-Xandir. Qed ikun hemm ċertifikazzjoni ta’ l-età u ċertu kliem li jitgħatta biex ma jinftehimx. Imma meta tiġi mmultat wara li tkun ħadt il-prekawzjonijiet kollha mhix ġusta.
“Naħseb li wasal iż-żmien għal union ta’ l-atturi. Jekk nibqgħu f’dawn it-tip ta’ limiti mhux se nimxu ’l quddiem, la fil-kwalità u lanqas fil-kontenut għax dan hu mod ieħor kif toħnoq il-lingwa għax din kollha ġejja mil-lingwa u l-użu tagħha. Għax dan tisma’ kliem ħażin bl-Ingliż jew bit-Taljan ma jdejjaqniex. Imma bil-Malti iva.
“Insomma, is-soltu storja li qegħdin 30 sena lura,” tenna bi tbissima Calleja.
Mistoqsi jekk jaqbilx li għandu jkun hemm linji gwida iktar ċari, l-attur wieġeb: “Ma nemminx fil-linji gwida anzi għandu jkun hemm libertà ta’ espressjoni. Nista’ ngħid li l-programm joffendi l-mentalità ta’ xi wħud imma m’għandekx tiġi ikkastigat għal-libertà. Jekk ikun ta’ livell baxx se tkun ikkastigat mill-udjenza stess għax ma tarahx.
“Biex tgħaxxaqha s-satira mhix il-format ideali għat-televixin Malti għax meqjusa bħala waħda riskjuża minkejja li min irid jirreklama togħġbu. Diġà qegħdin nibdew minn taħt.
“Jekk se nagħlqu ħalq is-satira, xi jmiss? Se nwaqqfu l-interpretazzjonijiet artistiċi mit-teatri? Għax wara kollox, din hekk hi, interpretazzjoni. Ħallini ninterpretaha kif irrid imbagħad int għid li trid,” temm Calleja.

 

Intervista
Fiex jemmen il-Mexxej Laburista ġdid?

Kurt Sansone jintervista lil George Abela


Editorijal
Wara l-votazzjoni


Il Punt
Sfreġju Ħ’Attard
Ralph Cassar


Toni U Peppi


Il-ħatriet fil-bordijiet u awtoritajiet. Il-grazzi għal min għandu għajnejh blu?



Emmanuel Micallef
Il-kunsens ta’ ftehim nazzjonali


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bibien m’għandhomx jingħalqu



X'kien Jgħid
Il-konfużjoni Laburista tikkonfondi lil Lorenzo



Wenzu Mintoff

Sitwazzjoni skomda
Minn ewl id-dinja li partit li jkun tilef l-elezzjoni jgħaddi minn mumenti diffiċli sakemm isib saqajh u jerġa’ lura għar-rutina politika.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan